Skrittura
3 Nefi 23


Kapitlu 23

Ġesù japprova kliem Isaija—Huwa jordna lin‑nies biex jaqraw bir‑reqqa lill‑profeti—Il‑kliem ta’ Samwel il‑Lamanita dwar il‑Qawmien jiġi miżjud mal‑annali tagħhom. Madwar W.K. 34.

1 U issa, araw, jien ngħidilkom, li jeħtieġ li taqraw bir‑reqqa dawn il‑ħwejjeġ. Iva, jiena qed nagħtikom kmandament biex intom taqraw bir‑reqqa dawn il‑ħwejjeġ; għax kliem Isaija huwa ta’ sinfikat kbir.

2 Għax huwa tkellem verament dwar kull ħaġa li tikkonċerna lin‑nies tiegħi li ġejjin mid‑dar ta’ Iżrael; għalhekk jeħtieġ li huwa jkellem ukoll lill‑Ġentili.

3 U dak kollu li huwa qal seħħ u għandu jseħħ sewwasew skont il‑kliem li huwa qal.

4 Għalhekk agħtu widen għal kliemi; iktbu dak li għidtilkom jien; u skont l‑orarju u r‑rieda tal‑Missier dan il‑kliem għandu jasal għand il‑Ġentili.

5 U kull min jagħti widen għal kliemi u jindem u jitgħammed, dan isalva. Aqraw bir‑reqqa lill‑profeti, għax se jkunu ħafna li se jixhdu dwar dawn il‑ħwejjeġ.

6 U issa ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem huwa kellimhom mill‑ġdid, wara li fissrilhom l‑iskrittura kollha li ġiet mogħtija lilhom, u qalilhom: Araw, qed nitlobkom biex tiktbu skrittura oħra, liema skrittura għadkom ma tkibtuhiex.

7 U ġara li huwa qal lil Nefi: Mur ġib l‑annali li żammejt għandek.

8 U meta Nefi mar u ġab l‑annali, u poġġihom quddiemu, huwa ħares lejhom u qal:

9 Tassew ngħidilkom, lill‑qaddej tiegħi Samwel il‑Lamanita jiena ordnajtlu biex jixhed quddiem dan il‑poplu, li fil‑jum li fih il‑Missier jigglorifika ismu permezz tiegħi se jkunu bosta l‑qaddisin li sejrin iqumu mill‑mewt, u li se jidhru lill‑bosta, u lilhom huma sejrin jaqdu. U qalilhom: Mhux hekk ġara?

10 U d‑dixxipli tiegħu weġbuh u qalulu: Iva, Mulej, Samwel ħabbar dan skont kliemek, u dan kollu ġie fis‑seħħ.

11 U Ġesù qalilhom: Mela għalfejn intom ma ktibtux dan, li bosta qaddisin qamu mill‑mewt u dehru lill‑bosta u lilhom huma bdew jaqdu?

12 U ġara li Nefi ftakar li dan ma kienx ġie miktub.

13 U ġara li Ġesù ordna li dan kollu għandu jiġi miktub; għalhekk dan ġie miktub skont kif ordnalhom hu.

14 U issa ġara li meta Ġesù fissrilhom l‑iskrittura, li huma kienu kitbu, kollha f’daqqa, huwa ordnalhom biex huma jgħallmu l‑ħwejjeġ li huwa kien fissrilhom.