Skrittura
3 Nefi 7


Kapitlu 7

Jinqatel il‑prim imħallef, jinqered il‑gvern, u jinqasam il‑poplu fi tribujiet—Ġakobb, li hu anti‑Krist, isir sultan ta’ alleanza sigrieta—Nefi jxandar l‑indiema u l‑fidi fi Kristu—Lilu l‑anġli jaqdu kuljum, u huwa jqajjem lil ħuh mill‑mewt—Bosta jkunu dawk li jindmu u jitgħammdu. Madwar W.K. 30–33.

1 Issa araw, jien se nurikom li huma ma poġġewx sultan biex isaltan fuq il‑pajjiż; iżda f’din l‑istess sena, iva, fis‑sena tletin, huma marru u qatlu lill‑prim imħallef tal‑pajjiż, iva, lilu huma qatlu fuq is‑siġġu tat‑tribunal.

2 U n‑nies inqasmu wieħed kontra l‑ieħor; u huma spiċċaw mifrudin minn xulxin fi tribujiet differenti, kull wieħed skont familtu u qrabatu u ħbiebu; u b’hekk huma spiċċaw biex qerdu l‑gvern tal‑pajjiż.

3 U kull tribù ħatar il‑kap jew il‑mexxej tiegħu; u b’hekk huma saru tribujiet u mexxejja tat‑tribujiet.

4 Issa araw, ma kien hemm l‑ebda raġel fosthom li ma kellux familja kbira u bosta qraba u ħbieb; għalhekk it‑tribujiet tagħhom kibru waħda sew.

5 Issa dan kollu ġie fis‑seħħ, u sa issa ma kien hemm l‑ebda gwerer fosthom; u n‑nies intlaqtu minn dan il‑ħażen kollu għaliex huma ċedew għall‑qawwa ta’ Satana.

6 U r‑regolamentazzjoni tal‑gvern ġiet fix‑xejn, minħabba l‑alleanza sigrieta tal‑ħbieb u l‑qraba ta’ dawk li qatlu lill‑profeti.

7 U huma wasslu għal tilwim kbir fil‑pajjiż, hekk li l‑aktar nies twajbin fost il‑poplu għoddhom spiċċaw kollha ħżiena; iva, kienu biss il‑ftit in‑nies li kienu twajbin fosthom.

8 U b’hekk bilkemm kienu għadhom għaddew sitt snin u l‑biċċa l‑kbira tan‑nies spiċċaw abbandunaw it‑triq tas‑sewwa, bħal kelb li dar għall‑vomtu tiegħu, jew bħall‑ħanżira li spiċċat titmiegħek fit‑tajn.

9 Issa dawk li kienu jagħmlu parti mill‑alleanza sigrieta, li ġabu daqstant ħażen fuq il‑poplu, inġabru flimkien, u poġġew bħala l‑kap tagħhom lil wieħed raġel li kienu jsejħulu Ġakobb;

10 U huma bdew jirreferu għalih bħala s‑sultan tagħhom; għalhekk huwa sar sultan ta’ din it‑tajfa ta’ nies ħżiena; u huwa kien wieħed mill‑aktar nies voċiferi kontra l‑profeti li xehdu dwar Ġesù.

11 U issa ġara li huma ma kinux numerużi daqs it‑tribujiet tan‑nies, li kienu magħqudin flimkien minkejja li l‑mexxejja tagħhom kienu fasslu l‑liġijiet tagħhom, kull wieħed skont it‑tribù tiegħu; madankollu huma kienu għedewwa; minkejja li ma kinux nies twajbin, madankollu huma kienu magħqudin fil‑mibegħda tagħhom lejn dawk li kienu daħlu f’patt li jeqirdu l‑gvern.

12 Għalhekk, Ġakobb meta ra li l‑għedewwa tagħhom kienu aktar numerużi minnhom, hu li kien is‑sultan tat‑tajfa, ordna lin‑nies tiegħu sabiex jaħarbu lejn l‑aktar parti fit‑tramuntana tal‑pajjiż, u hemm jibnu għalihom saltna, sakemm magħhom jingħaqdu d‑dissidenti, (għax b’ħafna kliem ħelu beda jgħidilhom li ħafna se jkunu d‑dissidenti) u huma jkunu b’saħħithom biżżejjed li jistgħu jeħduha kontra t‑tribujiet tal‑poplu, u hekk għamlu.

13 U tant ħarbu b’għaġġla li ħadd ma seta’ jwaqqafhom sakemm huma waslu fejn ħadd ma seta’ jilħaqhom. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tletin; u dan kien dak li ġara fost il‑poplu ta’ Nefi.

14 U ġara li fis‑sena wieħed u tletin huma nqasmu fi tribujiet, kull raġel skont familtu, qrabatu u ħbiebu; madankollu huma waslu fi qbil li ma kienu se jibdew l‑ebda gwerra bejniethom; iżda bejniethom ma kienx hemm qbil fejn jidħlu liġijiet, u x’tip ta’ gvern ikollhom, għax dawn kienu mfassla skont kif kienu jaħsbuha dawk li kienu l‑kapijiet tagħhom u l‑mexxejja tagħhom. Iżda huma fasslu liġijiet mill‑aktar stretti li l‑ebda tribù m’għandu jitratta b’mod ħażin lil xi tribù ieħor, hekk li sa ċertu punt huma esperjenzaw paċi fil‑pajjiż; madankollu, qalbhom kienet tbiegħdet mill‑Mulej Alla tagħhom, u huma ħaġġru lill‑profeti u keċċewhom ’il barra minn fosthom.

15 U ġara li Nefi—li kienu dehrulu l‑anġli kif ukoll sema’ leħen il‑Mulej, għalhekk peress li huwa ra l‑anġli, u ra b’għajnejh stess, u li kien ġiet mogħti l‑qawwa li seta’ jkun jaf dwar il‑ministeru ta’ Kristu, u kien ra wkoll b’għajnejh stess kif fi żmien qasir minn ħajja tajba huma kienu spiċċaw iwettqu daqstant ħażen u għemejjel mistkerrha;

16 Għalhekk, b’qalbu sewda għall‑ebusija ta’ qalbhom u l‑għama ta’ moħħhom—mar f’nofshom f’dik l‑istess sena, u b’qawwa, beda jaqsam magħhom ix‑xhieda tiegħu dwar l‑indiema u l‑maħfra tad‑dnubiet permezz tal‑fidi fil‑Mulej Ġesù Kristu.

17 U beda jgħallimhom bosta ħwejjeġ li kollha kemm huma ma jistgħux jinkitbu, u mhux biżżejjed li nikteb biss ftit minnhom, għalhekk mhumiex miktubin f’dan il‑ktieb. U Nefi għallimhom b’qawwa u b’awtorità kbira.

18 U ġara li huma ħaduha kontrih, l‑aktar minħabba li hu kellu qawwa aktar minnhom, għax ma kienx possibbli li kliemu ma jemmnuhx, għax tant kienet kbira l‑fidi tiegħu fil‑Mulej Ġesù Kristu li lilu l‑anġli bdew jaqdu kuljum.

19 U f’isem Ġesù huwa keċċa x‑xjaten u l‑ispirti mniġġsa; u huwa anke qajjem lil ħuh mill‑mewt, wara li kien ġie mħaġġar u maqtul min‑nies.

20 U n‑nies raw dan, u kienu xhieda ta’ dan, u ħaduha kontrih minħabba l‑qawwa tiegħu; u huwa wettaq ukoll ħafna aktar mirakli, quddiem il‑poplu, f’isem Ġesù.

21 U ġara li s‑sena wieħed u tletin ġiet fi tmiemha, u ftit biss kienu dawk li kkonvertew għall‑Mulej; iżda dawk kollha li kkonvertew urew biċ‑ċar lin‑nies li lilhom kienu żaruhom il‑qawwa u l‑Ispirtu ta’ Alla, li kienu jinsabu f’Ġesù Kristu, dak li fih kienu jemmnu.

22 U dawk kollha li minnhom ġew imkeċċijin ix‑xjaten, u li ġew imfejqa mill‑mard u d‑dgħufijiet tagħhom, bdew sewwasew jgħidu lin‑nies li kien ħadem fuqhom l‑Ispirtu ta’ Alla, u huma kienu ġew imfejqa; u wrew ukoll sinjali u wettqu bosta mirakli fost il‑poplu.

23 B’hekk għaddiet ukoll is‑sena tnejn u tletin. U fil‑bidu tas‑sena tlieta u tletin Nefi beda jxandar il‑kelma fost il‑poplu; u huwa xandrilhom l‑indiema u l‑maħfra tad‑dnubiet.

24 Issa nixtieqkom tiftakru wkoll li ma kien hemm ħadd li ġie mwassal għall‑indiema li ma kienx ġie mgħammed bl‑ilma.

25 Għalhekk, kien hemm numru ta’ rġiel li ġew ordnati minn Nefi għal dan il‑ministeru, biex dawk kollha li jmorru għandhom jiġu mgħammdin bl‑ilma, u huma jagħmlu dan bħala xhieda u testimonjanza quddiem Alla, u quddiem il‑poplu, li huma kienu nidmu u kisbu maħfra ta’ dnubiethom.

26 U kien hemm bosta fil‑bidu ta’ din is‑sena li ġew mgħammdin għall‑Indiema; u b’hekk għaddiet parti sewwa mis‑sena.