Skrittura
3 Nefi 6


Kapitlu 6

In‑Nefiti jikbru fil‑ġid—Jikber il‑ġid u tikber il‑kburija u d‑distinzjoni skont il‑klassi—Id‑diżgwid iwassal għal qasma fil‑Knisja—Satana jmexxi lin‑nies f’rewwixta—Bosta profeti jxandru l‑indiema u jisfaw maqtula—Il‑qattiela jagħmlu konfoffa biex jieħdu l‑gvern f’idejhom. Madwar W.K. 26–30.

1 U issa ġara li fis‑sena sitta u għoxrin il‑poplu Nefita reġa’ lura lejn artijietu, kull raġel flimkien ma’ familtu, bil‑merħliet tiegħu u l‑baqar tiegħu, biż‑żwiemel tiegħu u l‑bhejjem tiegħu, u b’dak kollu li huwa kellu.

2 U ġara li huma ma kinux ikkunsmaw il‑provvisti kollha li kellhom; għalhekk huma ħadu magħhom dak kollu li ma kinux ikkunsmaw, il‑qamħ tagħhom ta’ kull għamla, kif ukoll id‑deheb tagħhom, u l‑fidda tagħhom, u l‑ħwejjeġ prezzjużi tagħhom kollha, u reġgħu lura lejn artijiethom u lejn it‑territorju tagħhom, kemm fit‑tramuntana kif ukoll fin‑nofsinhar, kemm fl‑art tat‑tramuntana kif ukoll fl‑art tan‑nofsinhar.

3 U huma taw xi artijiet lil dawk il‑ħallelin li kienu daħlu f’patt li kienu sejrin iżommu l‑paċi fil‑pajjiż, li kienu wrew ix‑xewqa li jibqgħu Lamaniti, skont kemm kienu, ħalli huma jkunu jistgħu, permezz ta’ ħidmiethom, ikollhom dak kollu li jeħtieġu biex jgħixu; u b’dal‑mod huma stabbilixxew il‑paċi fil‑pajjiż.

4 U huma reġgħu bdew jistagħnew u jikbru fil‑ġid; u s‑snin sitta u għoxrin u sebgħa u għoxrin ġew fi tmiemhom, u kien hemm ordni kbira fil‑pajjiż; u huma fasslu l‑liġijiet tagħhom skont is‑sewwa u l‑ġustizzja.

5 U issa ma kien għad baqa’ xejn fil‑pajjiż li seta’ jżomm lin‑nies milli jkomplu jkattru l‑ġid, ħlief jekk huma jaqgħu fit‑trasgressjoni.

6 U kien sewwasew Gidgiddoni, u l‑imħallef, Lakonew, u dawk li kienu ġew maħtura bħala mexxejja, li stabbilixxew din il‑paċi kbira fil‑pajjiż.

7 U ġara li kien hemm bosta bliet li nbnew mill‑ġdid, u bosta bliet antiki li ġew irrestawrati.

8 U nbnew bosta toroq ewlenin, u ħafna toroq oħra, li kienu joħduk minn belt għall‑oħra, u minn art għall‑oħra, u minn post għall‑ieħor.

9 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tmienja u għoxrin, u n‑nies esperjenzaw paċi kontinwa.

10 Iżda ġara li fis‑sena disgħa u għoxrin beda jqum ċertu tilwim fost il‑poplu; u xi wħud bdew jitkabbru u jiftaħru minħabba l‑ġid kbir li huma kellhom, iva, fejn anke spiċċaw jippersegwitaw lil ħaddieħor;

11 Għax kien hemm bosta negozjanti fil‑pajjiż, kif ukoll bosta avukati, u bosta uffiċjali.

12 U n‑nies bdew jiddistingwu rwieħhom skont il‑klassi tagħhom, skont kemm għandhom ġid u opportunità li jitgħallmu; iva, xi wħud baqgħu ma tgħallmux minħabba l‑faqar tagħhom, u oħrajn kisbu bosta tagħlim minħabba ġidhom.

13 Xi wħud bdew jitkabbru, u oħrajn kienu mill‑aktar umli; xi wħud bdew iroddu t‑tagħjir b’tagħjir, filwaqt li oħrajn kienu lesti joqogħdu għat‑tgħajir u l‑persekuzzjoni u għal kull tip ta’ taħbit, mingħajr ma jpattuha lura, iżda kienu umli u niedma quddiem Alla.

14 U b’hekk kien hemm inugwaljanza kbira mal‑pajjiż kollu, hekk li reġa’ beda jkun hemm qasma fil‑knisja; iva, hekk li fis‑sena tletin il‑knisja spiċċat maqsuma madwar il‑pajjiż kollu ħlief fost il‑ftit Lamaniti li kienu kkonvertew għat‑twemmin vera; u huma ma kinux lesti jitbiegħdu minnu, għax kienu nies fermi, sodi u immobbli, li kienu lesti biex bir‑reqqa kollha jħarsu l‑kmandamenti tal‑Mulej.

15 Issa r‑raġuni għal dan il‑ħażen kollu fost il‑poplu kienet din—Satana kellu qawwa kbira biex iħajjar lin‑nies iwettqu kull xorta ta’ ħażen, u biex jimliehom bil‑kburija, u jqanqalhom sabiex ifittxu l‑poter, u l‑awtorità, u l‑ġid materjali, u l‑frugħa tad‑dinja.

16 U b’hekk Satana qarraq bi qlub in‑nies u wassalhom biex iwettqu kull xorta ta’ ħażen; għalhekk il‑paċi li huma esperjenzaw damet biss għal ftit ta’ snin.

17 U b’hekk, fil‑bidu tas‑sena tletin—in‑nies ħallew lilhom infushom għal żmien twil jiġu mmexxija mit‑tiġrib tax‑xitan kull fejn huwa kellu x‑xewqa li jeħodhom, u jwassalhom biex iwettqu kwalunkwe ħażen li xtaqhom iwettqu—u b’hekk fil‑bidu ta’ dina s‑sena tletin, huma kienu jinsabu fi stat terribbli ta’ ħażen.

18 Issa huma ma waqgħux fid‑dnub bla ma jafu, għax huma kienu jafu x’kienet ir‑rieda ta’ Alla għalihom, għaliex ġiet mgħallma lilhom; għalhekk huma minn rajhom ħaduha kontra Alla.

19 U issa dan seħħ fi żmien Lakonew, bin Lakonew, għax Lakonew ħa post missieru u dik is‑sena ħa f’idejh it‑tmexxija tal‑poplu.

20 U beda jkun hemm nies li kienu ispirati mis‑smewwiet u bdew jintbagħtu fost il‑poplu madwar il‑pajjiż kollu, ixandru l‑kelma u jaqsmu magħhom b’qawwa x‑xhieda tagħhom dwar id‑dnubiet u l‑ħażen tal‑poplu, u jixhdu magħhom dwar il‑fidwa li l‑Mulej se jwettaq għall‑poplu tiegħu, jew fi kliem ieħor, dwar il‑qawmien ta’ Kristu; u huma xehdu b’qawwa dwar il‑mewt u t‑tbatija tiegħu.

21 Issa fost in‑nies kien hemm ħafna li nkurlaw bil‑kbir minħabba dawk li xehdu dwar dawn il‑ħwejjeġ; u dawk li l‑aktar li mtlew bil‑korla kienu l‑prim imħallfin, u dawk li kienu qassisin il‑kbar u avukati; iva, dawk kollha li kienu avukati kienu mimlijin korla għal dawk li xehdu dwar dawn il‑ħwejjeġ.

22 Issa ma kien hemm l‑ebda avukat jew imħallef jew qassis il‑kbir li kellu poter li jikkundanna lil xi ħadd għall‑mewt sakemm il‑kundanna tagħhom ma tkunx iffirmata mill‑gvernatur tal‑pajjiż.

23 Issa kien hemm bosta minn dawk li xehdu dwar ħwejjeġ relatati ma’ Kristu, u li għamlu dan b’mod mill‑aktar qalbieni, li ttieħdu mill‑imħallfin u ngħataw il‑mewt bil‑moħbi, u l‑gvernatur tal‑pajjiż sar jaf b’dan biss wara mewthom.

24 Issa araw, dan kien imur kontra l‑liġijiet tal‑pajjiż, li xi ħadd jingħata l‑mewt minn min m’għandux is‑setgħa mogħtija lilu mill‑gvernatur tal‑pajjiż—

25 Għalhekk il‑gvernatur tal‑pajjiż fl‑art ta’ Żaraħemla, irċieva lment kontra dawn l‑imħallfin li kienu kkundannaw lill‑profeti tal‑Mulej għall‑mewt, u huma m’għamlux dan skont il‑liġi.

26 Issa ġara li huma ttieħdu u nġiebu quddiem l‑imħallef, biex isir ħaqq minnhom skont ir‑reat li huma wettqu, skont il‑liġi li kienet ġiet mfassla mill‑poplu.

27 Issa ġara li dawk l‑imħallfin kellhom bosta ħbieb u qraba; u l‑bqija, iva, kważi l‑avukati u l‑qassisin il‑kbar kollha, inġabru flimkien, u ngħaqdu mal‑qraba ta’ dawk l‑imħallfin li kellhom jgħaddu ġuri skont il‑liġi.

28 U huma daħlu f’patt bejniethom, iva, sewwasew f’patt li kien ingħata bidu għalih min‑nies tal‑qedem, liema patt kien ġie mfassal u mogħti mix‑xitan, biex joħloq alleanza kontra dak kollu li huwa sewwa.

29 Għalhekk huma ngħaqdu f’alleanza kontra l‑poplu tal‑Mulej, u daħlu f’patt li jeqirduh, u li jeħilsu minn idejn il‑ġustizzja lil dawk li kienu ħatja ta’ qtil, liema ġustizzja kienet se twassal biex isir ħaqq minnhom skont il‑liġi.

30 U huma injoraw għal kollox il‑liġi u d‑drittijiet ta’ pajjiżhom; u għamlu patt bejniethom li kienu sejrin jeqirdu lill‑gvernatur, u minfloku jpoġġu sultan li jsaltan fuq il‑pajjiż, biex il‑pajjiż ma jkunx aktar ħieles iżda jkun suġġett għas‑slaten.