Skrittura
3 Nefi 24


Kapitlu 24

Il‑messaġġier tal‑Mulej se jħejji t‑triq għat‑Tieni Miġja—Kristu se jkun qiegħed bilqiegħda fuq is‑siġġu tal‑ħaqq—Iżrael huwa ordnat iħallas id‑dieċmi u l‑offerti—Jinżamm ktieb ta’ tifkira—Qabbel Malakija 3. Madwar W.K. 34.

1 U ġara li hu ordnalhom biex jiktbu l‑kliem li l‑Missier ta lil Malakija, liema kliem huwa ried jgħidilhom. U ġara li wara li kitbu dan il‑kliem huwa beda jfissirulhom. U dan huwa l‑kliem li huwa qalilhom: Dan hu li l‑Missier qal lil Malakija—Araw, jiena se nibgħat il‑messaġġier tiegħi biex iħejji t‑triq quddiemi, u minnufih jidħol fit‑tempju tiegħu s‑Sid li intom qegħdin tfittxu, sewwasew il‑messaġġier tal‑patt, li intom tixtiequ; arawh, ġej, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti.

2 Imma min se jissaporti l‑jum tal‑miġja tiegħu, u min hu li se jieqaf meta huwa jidher? Għax hu bħan‑nar ta’ wieħed li jsaffi u bħas‑sapun tal‑ħassiela.

3 U joqgħod isaffi u jnaddaf il‑fidda; u jnaddaf lil ulied Levi, u jsaffihom bħad‑deheb u l‑fidda, biex huma jsiru għall‑Mulej nies li jagħmlu l‑offerta bis‑sewwa.

4 U tibda togħġbu lill‑Mulej l‑offerta ta’ Ġuda u ta’ Ġerusalemm bħal dari, bħal fis‑snin l‑imgħoddija.

5 Mbagħad nersaq lejkom biex nagħmel il‑ġustizzja; u nkun xhud ħafif kontra s‑saħħara, u kontra ż‑żienja, u kontra min jaħlef bil‑qerq, u kontra min jaħqar il‑ħaddiem fi ħlasu u lill‑armla u l‑iltim, u kontra min iwarrab il‑barrani u ma jibżax minni, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti.

6 Għax jien, il‑Mulej, ma tbiddiltx; għalhekk intom, ulied Ġuda, ma ntemmejtux.

7 Sa minn żmien missirijietkom twarrabtu mill‑preċetti tiegħi u ma ħaristuhomx. Erġgħu lura lejja, u jien nerġa’ lura lejkom, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti. Imma intom tgħidu: Kif għandna nerġgħu lura?

8 Jista’ bniedem jisraq lil Alla? Madankollu intom lili sraqtuni. Imma intom tgħidu: Xi sraqnik? Fid‑dieċmi u fl‑offerti.

9 Misħutin intom għall‑aħħar, għax intom lili sraqtuni, il‑poplu kollu kemm hu.

10 Ġibuhom sħaħ id‑dieċmi fit‑teżor, ħa jkun hemm l‑ikel f’dari; u b’hekk ejjew ġarrbuni, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, ħa taraw jekk niftaħx għalikom it‑twieqi tas‑sema, u jekk insawwabx fuqkom barka bl‑abbundanza.

11 U minħabba fikom inċanfar il‑ġrad wikkiel biex ma jeqridilkomx il‑frott tal‑art; u biex id‑dielja ma twaqqgħalkomx l‑għenieqed fl‑għelieqi, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti.

12 Mbagħad il‑ġnus kollha jsejħulkom hienja, għax intom tkunu art li fiha għaxqa, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti.

13 Iebes għalija kliemkom, jgħid il‑Mulej. Imma intom tgħidu: X’għedna kontrik?

14 Intom tgħidu: Hu għal xejn li taqdi lil Alla, u x’jiswielna li aħna ħarisna l‑ordinanzi tiegħu, u li mxejna b’qalb imnikkta quddiem il‑Mulej tal‑Eżerċti?

15 Mela issa ħa nsejħulhom aħna hienja n‑nies kburin; iva, dawk kollha li jagħmlu l‑ħażen mhux biss imurilhom kollox bir‑riżq; iva, imma wkoll meta jġarrbu ’l Alla jeħilsuha ħafif.

16 Hekk qalu wieħed lil ieħor dawk li jibżgħu mill‑Mulej, u l‑Mulej ta widen u sama’; u nkiteb quddiemu ktieb it‑tifkiriet minħabba f’dawk li jibżgħu minnu u dawk li jafdaw f’ismu.

17 U fil‑jum imħejji minni, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, huma jkunu għalija teżor li ma bħalu; u nagħdirhom kif raġel jagħder lil ibnu li jaqdih.

18 Mbagħad mill‑ġdid tagħrfu tagħżlu bejn il‑ġust u l‑ħażin, bejn min jaqdi ’l Alla u min ma jaqdihx.