Skrittura
3 Nefi 3


Kapitlu 3

Giddjani, il‑mexxej Gadjantun, jordna lil Lakonew u lin‑Nefiti sabiex iċedu u jċedu wkoll artijiethom—Lakonew jaħtar lil Gidgiddoni bħala l‑kap kmandant tal‑armati—In‑Nefiti jinġabru f’Żaraħemla u f’Kotran biex jiddefendu lilhom infushom. Madwar W.K. 16–18.

1 U issa ġara li fis‑sena sittax mill‑miġja ta’ Kristu ’l hawn, Lakonew, il‑gvernatur tal‑pajjiż, irċieva ittra mingħand il‑mexxej u l‑gvernatur ta’ din it‑tajfa ta’ ħallelin; u dan kien il‑kliem li huwa kiteb, fejn qal:

2 Eċċellenza Lakonew, inti li int il‑kap gvernatur tal‑pajjiż, ara, jien qed niktiblek din l‑ittra, biex inwassallek kliem ta’ tifħir minħabb l‑fermezza tiegħek u tal‑poplu tiegħek, biex taffermaw dak li intom tqisuh bħala d‑dritt u l‑libertà tagħkom; iva, intom bqajtu sodi, bħallikieku kontu qed tiġi sostnuti minn Alla, biex tiddefendu l‑libertà u l‑propjetà tagħkom, kif ukoll lill‑pajjiżkom, jew aħjar lil dak li tqisuh bħala pajjiżkom.

3 U jiena nħoss li tkun ħasra, eċċellenza Lakonew, jekk intom tkunu daqstant boloh u fiergħa li taħsbu li tistgħu teħduha ma’ daqstant nies qalbiena li jinsabu taħt il‑kmand tiegħi, liema nies bħalissa jinsabu lesti għall‑ġlied, u qed jistennew b’ħerqa kbira li ngħidilhom—Morru aħbtu għan‑Nefiti u eqirduhom.

4 U jiena, li naf kemm hu invinċibbli l‑ispirtu tagħhom, għax lilhom jien ippruvajt fil‑kamp tal‑battalja, u li naf bil‑mibegħda li għandhom għal dejjem lejkom minħabba l‑mod ħażin ħafna kif trattajtuhom, għalhekk jekk jiġu biex jaħbtu għalikom huma jispiċċaw jeqirdukom għal kollox.

5 Għalhekk jiena ktibt din l‑ittra, u ssiġillajtha b’idi stess, għax verament nixtiqilkom il‑ġid, minħabba l‑fermezza tagħkom f’dak li temmnu li huwa ġust, u minħabba l‑ispirtu nobbli tagħkom fil‑kamp tal‑battalja.

6 Għalhekk qed niktiblek, biex nurik bix‑xewqa li għandi li intom tgħaddu blietkom, artijietkom, u ġidkom f’idejn in‑nies tiegħi minflok ma huma jiġu u jżurukom permezz tax‑xabla u tispiċċaw tinqerdu.

7 Jew fi kliem ieħor, qed nitlobkom iċċedu lilkom infuskom f’idejna, u tingħaqdu magħna u ssiru familjari mal‑għemejjel sigrieti tagħna, u ssiru ħutna ħalli tkunu tistgħu ssiru bħalna—mhux ilsiera tagħna, iżda ħutna u sħab magħna f’kulma għandna.

8 U ara, naħliflek, li jekk tagħmlu dan, permezz ta’ ġurament, intom ma tinqerdux; iżda jekk ma tagħmlux dan, naħliflek permezz ta’ ġurament li x‑xahar id‑dieħel jiena nordna l‑armati tiegħi biex jaħbtu għalikom, u huma la se jibqgħu lura u lanqas mhuma se jħennu għalikom, iżda jispiċċaw joqtlukom, u jħallu x‑xabla tinżel fuqkom sakemm ma jibqa’ ħadd aktar minnkom.

9 U ara, jiena Giddjani; u jien il‑gvernatur ta’ din l‑għaqda sigrieta ta’ Gadjantun; liema għaqda u l‑għemejjel tagħha naf li huma tajbin; u ilhom minn żmien il‑qedem u issa dawn għaddew f’idejna.

10 U jien lilek, Lakonew, qed niktiblek din l‑ittra u nittama li intom tgħaddu f’idejna, mingħajr ebda tixrid ta’ demm, artijietkom u ġidkom, biex dawn in‑nies tiegħi jkunu jistgħu jieħu lura f’idejhom id‑drittijiet u l‑gvern tagħhom, liema nies ma baqgħux aktar parti minnkom minħabba ħżunitkom meta ħadtulhom id‑drittijiet tagħhom li jiggvernaw, u jekk ma tagħmlux dan, se nara li intom tħallsu għall‑ħsara li saritilhom. Jiena Giddjani.

11 U issa ġara li meta Lakonew irċieva din l‑ittra huwa stagħġeb bil‑kbir, minħabba l‑mod skjett li bih Giddjani talab li huma jingħataw l‑art tan‑Nefiti, kif ukoll bil‑mod li huwa hedded lin‑nies li sejrin iħallsu għall‑ħsara li saritilhom minkejja li ma saritilhom l‑ebda ħsara, iżda pjuttost kienu huma li għamlu l‑ħsara lilhom infushom billi nqatgħu minn ma’ ħuthom u ngħaqdu ma’ dawk il‑ħallelin ħżiena u mistkerrha.

12 Issa araw, dan Lakonew, il‑gvernatur, kien bniedem ġust, u ma kienx se jiġi ntimidat mit‑talbiet u t‑theddid ta’ xi wieħed ħalliel; għalhekk huwa ma tax każ tal‑ittra ta’ Giddjani, il‑gvernatur tal‑ħallelin, iżda huwa ordna lin‑nies tiegħu sabiex jitolbu lill‑Mulej ħalli jqawwihom għal meta l‑ħallelin jiġu biex jaħbtu għalihom.

13 Iva, huwa ħareġ proklama fejn talab lin‑nies kollha biex jiġbru flimkien f’post wieħed lin‑nisa tagħhom u lil uliedhom, kif ukoll il‑merħliet u l‑baqar tagħhom, u ġidhom kollu, kollox minbarra arthom.

14 U huwa ordna biex jinbnew madwarhom fortifikazzjonijiet, u li dawn għandhom ikunu ta’ saħħa mill‑aktar kbira. U huwa ordna biex l‑armati, kemm tan‑Nefiti kif ukoll tal‑Lamaniti, jew dawk kollha li kienu jingħaddu man‑Nefiti, jitpoġġew mal‑madwar biex jgħassuhom, u jipproteġuhom mill‑ħallelin lejl u nhar.

15 Iva, huwa qalilhom: Daqs kemm hu ħaj il‑Mulej, jekk intom ma tindmux mill‑ħażen kollu tagħkom, u ssejħu lill‑Mulej, intom bl‑ebda mod ma teħilsuha minn idejn dawk il‑ħallelin Gadjantuni.

16 U l‑kliem u l‑profeziji ta’ Lakonew tant kienu meqjusa u tal‑għaġeb li wasslu lin‑nies kollha biex jimtlew bil‑biża’; u huma għamlu skont dak li qalilhom Lakonew, bil‑qawwa kollha tagħhom.

17 U ġara li Lakonew ħatar kap kmandanti fuq l‑armati tan‑Nefiti, biex lilhom huma jmexxu meta l‑ħallelin jinżlu mix‑xagħri u jaħbtu għalihom.

18 Issa ġara li ġie maħtur l‑ogħla wieħed fost il‑kap kmandanti kollha, li kien il‑kmandant il‑kbir tal‑armati kollha tan‑Nefiti, u ismu kien Gidgiddoni.

19 Issa kienet id‑drawwa fost kull Nefita li huma jaħtru bħala kap kmandanti, (għajr għal meta huma kienu fi żmien ta’ ħażen) lil xi ħadd li kellu l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni kif ukoll tal‑profezija; għalhekk, dan Gidgiddoni kien profeta kbir fosthom, kif kien ukoll il‑prim imħallef.

20 Issa n‑nies qalu lil Gidgiddoni: Itlob lill‑Mulej, biex iħallina mmorru fuq il‑muntanji u ġewwa x‑xagħri, ħalli naħbtu għall‑ħallelin u neqirduhom f’artijiethom stess.

21 Iżda Gidgiddoni qalilhom: Il‑Mulej ma jridx dan; għax jekk aħna mmorru biex naħbtu għalihom il‑Mulej jispiċċa jagħtina f’idejhom; għalhekk jeħtieġ li nħejju lilna nfusna fil‑qalba ta’ artijietna, u jeħtieġ li niġbru flimkien l‑armati kollha tagħna, u ma mmorrux naħbtu għalihom, iżda għandna nibqgħu nistennew sakemm ikunu huma li jiġu jaħbtu għalina; għalhekk daqs kemm hu ħaj il‑Mulej, jekk aħna nagħmlu dan huwa jagħtihom f’idejna.

22 U ġara li fis‑sena sbatax, fl‑aħħar jiem tas‑sena, Lakonew ħareġ proklama madwar il‑pajjiż kollha, u huma ħadu ż‑żwiemel tagħhom, u l‑karrijiet tagħhom, u l‑baqar tagħhom, u l‑merħliet tagħhom, u l‑bhejjem tagħhom, u l‑qamħ tagħhom, u kulma kellhom, u telqu għal għonq it‑triq bl‑eluf u bl‑għexieren ta’ eluf tagħhom, sakemm waslu lkoll fil‑post li kien ġie magħżul sabiex fih jinġabru lkoll flimkien, biex jiddefendu lilhom infushom kontra l‑għedewwa tagħhom.

23 U l‑art li ntgħażlet kienet l‑art ta’ Żaraħemla, u l‑art li kienet tinsab bejn l‑art ta’ Żaraħemla u l‑art ta’ Kotran, iva, fil‑fruntiera li kien hemm bejn l‑art ta’ Kotran u l‑art ta’ Ħerba.

24 U kienu eluf kbar in‑nies li kienu jissejħu Nefiti, li nġabru flimkien f’dina l‑art. Issa Lakonew ordna biex huma jinġabru flimkien fl‑art tan‑nofsinhar, minħabba s‑saħta kbira li kien hemm fuq l‑art tat‑tramuntana.

25 U huma ffortifikaw irwieħhom kontra l‑għedewwa tagħhom; u bdew jgħammru lkoll f’art waħda, fi grupp wieħed, u huma nħakmu lkoll minn biża’ minħabba dak li kien qalilhom Lakonew, tant li huma nidmu minn dnubiethom kollha; u bdew joffru talbhom lill‑Mulej Alla tagħhom, biex lilhom huma jeħles meta l‑għedewwa tagħhom jinżlu biex jiġġieldu kontrihom.

26 U huma kienu mnikktin bil‑kbir minħabba l‑għedewwa tagħhom. U Gidgiddoni ordnalhom jagħmlu armi tal‑gwerra ta’ kull għamla, u li kellhom jarmaw irwieħhom sewwa permezz tal‑korazzi, u tat‑tarki, kemm dawk kbar kif ukoll żgħar, skont l‑istruzzjonijiet tiegħu.