Skrittura
3 Nefi 15


Kapitlu 15

Ġesù jħabbar li l‑liġi ta’ Mosè ġiet fis‑seħħ permezz tiegħu—In‑Nefiti huma n‑nagħaġ l‑oħra li Huwa tkellem dwarhom f’Ġerusalemm—Minħabba l‑ħażen, il‑poplu tal‑Mulej f’Ġerusalemm ma jafx dwar in‑nagħaġ imferrxin ta’ Iżrael. Madwar W.K. 34.

1 U issa ġara li meta Ġesù temm jgħid dan id‑diskors huwa ħares ħarsa madwaru lejn il‑miġemgħa, u qalilhom: Araw, intom smajtuni ngħid il‑ħwejjeġ li jien għallimt qabel jiena tlajt ħdejn Missieri; għalhekk, min jiftakar dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, lilu jien inqajjem fl‑aħħar jum.

2 U ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem huwa ntebaħ li fosthom kien hemm xi wħud li bdew jistagħġbu u jistaqsu lilhom infushom x’riedhom jagħmlu fejn tidħol il‑liġi ta’ Mosè; għax huma ma fehmuhx meta huwa qal li l‑qadim għadda, u daħal il‑ġdid.

3 U hu qalilhom: tistagħġbux li jien għedtilkom li l‑qadim għadda, u daħal il‑ġdid.

4 Araw, jien ngħidilkom li l‑liġi li ngħatat lil Mosè ġiet fis‑seħħ.

5 Araw, kont jien li waqqaft il‑liġi, u kont jien li għamilt patt mal‑poplu tiegħi Iżrael; għalhekk, il‑liġi ġiet fis‑seħħ permezz tiegħi, għax jiena ġejt biex inġib fis‑seħħ il‑liġi; għalhekk waslet fi tmiemha.

6 Araw, jien m’inix se nġib fix‑xejn lill‑profeti, għax dak kollu li ma ġiex fis‑seħħ permezz tiegħi, tassew ngħidilkom, għad jiġi fis‑seħħ.

7 U għax jien għedtilkom li l‑qadim għadda, jien m’inix se nġib fix‑xejn dak li ntqal dwar ħwejjeġ li għad iridu jseħħu.

8 Għax araw, il‑patt li jien għamilt mal‑poplu tiegħi għadu ma ġiex fis‑seħħ fil‑milja tiegħu; iżda l‑liġi li ngħatat lil Mosè ġiet fi tmiemha permezz tiegħi.

9 Araw, jiena l‑liġi, u d‑dawl. Duru lejja, u ibqgħu sħaħ sal‑aħħar, u intom ikollkom il‑ħajja; għax lil dak li jibqa’ sħiħ sal‑aħħar lilu jiena nagħtih il‑ħajja ta’ dejjem.

10 Araw, jiena tajtkom il‑kmandamenti; għalhekk araw li tħarsu l‑kmandamenti tiegħi. U din hi l‑liġi u l‑profeti, għax huma verament taw xhieda għalija.

11 U issa ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem, huwa qal lil dawk it‑tnax li huwa għażel:

12 Intom dixxipli tiegħi; u intom dawl għal dan il‑poplu, li hu fdal ta’ dar Ġużeppi.

13 U araw, din hija l‑art ta’ wirtkom; u ġiet mogħtija lilkom mill‑Missier.

14 U fl‑ebda ħin il‑Missier m’ordnali li għandi ngħidu lil ħutkom f’Ġerusalemm.

15 Kif ukoll fl‑ebda ħin il‑Missier m’ordnali li għandi ngħarrafhom bit‑tribujiet l‑oħra tad‑dar ta’ Iżrael, li l‑Missier ħareġ ’il barra minn dik l‑art.

16 Dan hu dak li ordnali l‑Missier, li jien għandi ngħidilhom:

17 Li għandi wkoll nagħaġ oħra, li m’humiex minn dan il‑maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni; u jkun hemm merħla waħda, u ragħaj wieħed.

18 U issa, minħabba r‑ras iebsa u n‑nuqqas ta’ twemmin tagħhom huma ma fehmux kelmti; għalhekk il‑Missier ordnali biex ma ngħidilhom xejn aktar dwar din il‑ħaġa.

19 Iżda, tassew ngħidilkom li l‑Missier ordnali biex ngħidilkom, u jien se ngħarrafkom b’dan, li intom inqtajtu minn magħhom minħabba ħżunithom; għalhekk huwa minħabba ħżunithom li huma ma jafux bikom.

20 U tassew ngħidilkom għal darb’oħra li l‑Missier wassal biex anke t‑tribujiet l‑oħra jinqatgħu minn magħhom; u hu minħabba ħżunithom li huma ma jafux dwarhom.

21 U tassew ngħidilkom, li intom dawk li dwarhom jiena għidt: Għandi nagħaġ oħra, li m’humiex minn dan il‑maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, u ragħaj wieħed.

22 U huma ma fehmunix; għax huma assumew li jien kont qed nirreferi għall‑Ġentili; għax huma ma fehmux li l‑Ġentili kien jeħtieġ li jikkonvertu permezz tal‑predikazzjoni tagħhom.

23 U huma ma fehmunix meta jien għidt li kien jeħtieġ li huma jisimgħu leħni; u huma ma fehmunix li l‑Ġentili fl‑ebda ħin ma kienu se jisimgħu leħni—li jien ma kontx se nuri lili nnifsi lilhom ħlief permezz tal‑Ispirtu s‑Santu.

24 Iżda araw, intom smajtu leħni kif ukoll rajtuni; u intom in‑nagħaġ tiegħi, u intom tagħmlu parti minn dawk li ġew mogħtija lili mill‑Missier.