Skrittura
3 Nefi 27


Kapitlu 27

Ġesù jordnalhom biex isemmu l‑Knisja għalih—L‑evanġelju tiegħu jikkonsisti mill‑missjoni u s‑sagrifiċċju espjatorju tiegħu—Il‑bnedmin huma ordnati biex jindmu u jitgħammdu ħalli jkunu jistgħu jitqaddsu permezz tal‑Ispirtu s‑Santu—Huma għandhom ikunu bħal Ġesù. Madwar 34–35 W.K.

1 U ġara li hekk kif id‑dixxipli ta’ Ġesù kienu għaddejjin minn post għall‑ieħor ixandru l‑ħwejjeġ li kienu semgħu u raw, u kienu qed jgħammdu f’isem Ġesù, ġara li d‑dixxipli nġabru flimkien jitolbu b’qawwa u jsumu.

2 U Ġesù reġa’ wera lilu nnifsu lilhom, għax huma kienu qed jitolbu lill‑Missier f’ismu; u ġie Ġesù u waqaf f’nofshom, u qalilhom: Xi triduni nagħtikom?

3 U huma qalulu: Mulej, nixtiequ li inti tgħidilna x’isem għandna nagħtu lil din il‑knisja; għax in‑nies qed jargumentaw dwar din il‑ħaġa.

4 U l‑Mulej qalilhom: Tassew, tassew, ngħidilkom, għalfejn in‑nies qed igergru u jargumentaw dwar din il‑ħaġa?

5 Mela ma qrawx l‑iskrittura, li tgħid li intom għandkom tieħdu fuqkom isem Kristu, li hu ismi? Għaliex b’dan l‑isem għandkom tiġu msejħa fl‑aħħar jum;

6 U dawk li jieħdu fuqhom ismi, u jibqgħu sħaħ sal‑aħħar, huma jiġu salvati fl‑aħħar jum.

7 Għalhekk, dak kollu li tagħmlu, agħmluh f’ismi; għalhekk għandkom issemmu l‑knisja għalija; u għandkom titolbu lill‑Missier f’ismi biex huwa jbierek il‑Knisja minħabba fija.

8 U kif tista’ tkun il‑knisja tiegħi, jekk ma tkunx imsemmija għalija? Għaliex jekk knisja tkun imsemmija għal Mosè, allura tkun il‑knisja ta’ Mosè; jew jekk tkun imsemmija għal xi bniedem, allura tkun il‑knisja ta’ dak il‑bniedem; iżda jekk tkun imsemmija għalija, allura tkun il‑knisja tiegħi, dejjem jekk huma jkunu mibnija fuq l‑evanġelju tiegħi.

9 Tassew ngħidilkom, li intom tinsabu mibnija fuq l‑evanġelju tiegħi; għalhekk kull ħaġa li ssemmu għandkom issemmuha għalija; għalhekk jekk intom titolbu lill‑Missier għall‑knisja, jekk tagħmlu dan f’ismi, il‑Missier jismagħkom;

10 U jekk jiġri li l‑knisja tkun mibnija fuq l‑evanġelju tiegħi mbagħad il‑missier jiżvela fiha l‑għemejjel tiegħu.

11 Iżda jekk ma tkunx mibnija fuq l‑evanġelju tiegħi, u tkun mibnija fuq għemejjel il‑bniedem jew fuq għemejjel ix‑xitan, tassew ngħidilkom li l‑ferħ f’għemilhom ikun biss għal ftit żmien, u wara ftit jasal it‑tmiem, u huma jitqaċċtu u jinxteħtu fin‑nar, minn fejn ħadd ma jista’ jerġa’ lura.

12 Għax l‑għemejjel tagħhom imorru magħhom, għax hu sewwasew minħabba għemilhom li huma tqaċċtu; għalhekk ftakru dak li għidtilkom.

13 Araw, jiena tajtkom l‑evanġelju tiegħi, u dan huwa l‑evanġelju li jiena tajtkom—li jiena ġejt fid‑dinja biex nagħmel ir‑rieda ta’ Missieri, għax kien Missieri li bagħatni.

14 U Missieri bagħatni sabiex nittella’ fuq is‑salib; u wara li nittella’ fuq is‑salib, jiena nkun nista’ nressaq il‑bnedmin kollha lejja, ħalli kif jiena ġejt imtella’ mill‑bnedmin bl‑istess mod il‑bnedmin jiġu mtella’ mill‑Missier, sabiex jieqfu quddiemi, biex isir ħaqq minnhom skont għemilhom, sew jekk ikun tajjeb, u sew jekk ikun ħażin—

15 U hu minħabba f’hekk li jiena ġejt mtella’ fuq is‑salib; għalhekk, skont il‑qawwa tal‑Missier jiena sejjer inressaq lill‑bnedmin kollha lejja, biex isir ħaqq minnhom skont għemilhom.

16 U għad jiġri li dak li jindem u jitgħammed f’ismi se jħossu mxebba’; u jekk huwa jibqa’ sħiħ sal‑aħħar, araw, lilu jiena nsib bla ħtija quddiem Missieri fil‑jum li fih se nkun qed nagħmel ħaqq mid‑dinja.

17 U dak li ma jibqax iżomm sħiħ sal‑aħħar, huwa wkoll dak li se jitqaċċat u jinxteħet fin‑nar, u minn hemm ħadd ma jista’ jerġa’ lura, minħabba l‑ġustizzja tal‑Missier.

18 U din hija l‑kelma li huwa ta lill‑ulied il‑bnedmin. U għal dan il‑għan huwa jwettaq il‑kliem li huwa żvela, u hu ma jimtedd fl‑ebda ħin, iżda jwettaq dak kollu li jgħid.

19 U l‑ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tidħol fis‑saltna tiegħu; għalhekk xejn ma jidħol fil‑mistrieħ tiegħu ħlief dawk li ħaslu lbieshom f’demmi, minħabba l‑fidi tagħhom, u l‑indiema tagħhom minn kull dnub li wettqu, u minħabba l‑fedeltà tagħhom sal‑aħħar.

20 Issa dan hu l‑kmandament: Indmu, intom kollha minn truf id‑dinja, u ejjew għandi u tgħammdu f’ismi, ħalli tkunu tistgħu titqaddsu permezz tal‑għotja tal‑Ispirtu s‑Santu, sabiex intom tieqfu quddiemi mingħajr tebgħa fl‑aħħar jum.

21 Tassew, tassew, ngħidilkom, dan huwa l‑evanġelju tiegħi; u intom tafu x’għandkom tagħmlu fil‑knisja tiegħi; għax l‑għemejjel li rajtuni nwettaq għandkom twettquhom intom ukoll; għax dak li rajtuni nwettaq għandkom twettquh intom ukoll;

22 Għalhekk, jekk intom tagħmlu dawn il‑ħwejjeġ, henjin intom, għax intom se tiġu mgħollija ’l fuq fl‑aħħar jum.

23 Iktbu dwar dak li rajtu u smajtu, minbarra l‑ħwejjeġ ipprojbiti.

24 Iktbu dwar l‑għemejjel li dan il‑poplu sejjer iwettaq, l‑istess bħalma nkiteb dwar il‑ħwejjeġ li ġew imwettqa.

25 Għax araw, permezz tal‑kotba li nkitbu, u li se jinkitbu, se jsir ħaqq minn dan il‑poplu, għax permezz tagħhom se jiġi żvelat għemilhom lill‑bnedmin.

26 U araw, kollox inkiteb fuq ordni tal‑Missier; għalhekk permezz tal‑kotba li se jinkitbu se jsir ħaqq mid‑dinja.

27 U tajjeb li tkunu tafu li intom se tkunu mħallfin ta’ dan il‑poplu, skont il‑ħaqq li jiena se nagħtikom, li se jkun wieħed ġust. Għalhekk, x’tip ta’ nies jeħtieġ li tkunu? Tassew ngħidilkom, sewwasew kif jiena jien.

28 U issa jiena se mmur għand il‑Missier. U tassew ngħidilkom, kull ma titolbu lil Missieri f’ismi jingħatalkom.

29 Għalhekk, itolbu u taqilgħu; ħabbtu u jiftħulkom; għax kull min jitlob, jaqla’; u kull min iħabbat, jiftħulu.

30 U issa, araw, l‑hena tiegħi hija kbira, anzi nista’ ngħid li hija sħiħa, minħabba fikom u minħabba dan in‑nisel; iva, u anke l‑Missier jithenna, kif jithennew l‑anġli mqaddsa kollha tiegħu, minħabba fikom u minħabba dan in‑nisel; għax ħadd minnhom mhu se jintilef.

31 Araw, nixtieqkom tifhmu; jiena qed nirreferi għal dawk fost dan in‑nisel li bħalissa huma ħajjin; u ħadd minnhom mhu se jintilef; u minħabba fihom qed nesperjenza l‑milja tal‑hena.

32 Iżda araw, jiena nħossni nitnikket minħabba r‑raba’ nisel minn wara dan in‑nisel, għax huma sejrin jittieħdu minnu fil‑jasar l‑istess kif kien ittieħed bin it‑telfien; għax huma sejrin ibigħuni għall‑fidda u għad‑deheb, u għal dak li jitħassar bil‑kamla, u fejn jistgħu jinfdu l‑ħallelin u jisirquh. U f’dak il‑jum lilhom jiena se nżur, u jiena se nara li huma jpattu għal għemilhom.

33 U ġara li meta Ġesù temm dan id‑diskors huwa qal lid‑dixxipli tiegħu: Għaddu mill‑bieb id‑dejjaq; għax dejjaq huwa l‑bieb, u dejqa t‑triq li twassal għall‑ħajja, u ftit huma li jsibuha; iżda wiesa’ l‑bieb u spazjuża t‑triq li tieħu għall‑mewt, u ħafna huma li jgħaddu minnha, sa ma jasal il‑lejl, meta ħadd ma jkun jista’ jaħdem.