Konferenza Ġenerali
Ejjew għand Kristu—Għixu bħala Qaddisin tal-Aħħar Żmien
Konferenza Ġenerali April 2020


Ejjew għand Kristu—Għixu bħala Qaddisin tal-Aħħar Żmien

Aħna nistgħu nwettqu ħwejjeġ diffiċli u ngħinu lil ħaddieħor jagħmel l-istess, għaliex nafu f’min nistgħu nafdaw.

Grazzi, Presbiteru Soares, għat-testimonjanza qawwija u profetika tiegħek dwar il-Ktieb ta’ Mormon. M’ilux, jiena kelli l-opportunità unika li nżomm f’idi paġna mill-manuskritt oriġinali tal-Ktieb ta’ Mormon. F’din il-paġna partikolari, għall-ewwel darba f’din id-dispensazzjoni, ġie rreġistrat dan il-kliem mill-aktar ċar ta’ Nefi: “Jiena se mmur u nagħmel dak kollu li kkmanda l-Mulej, għaliex naf li l-Mulej ma jagħti l-ebda kmandamenti lil ulied il-bnedmin, jekk l-ewwel ma jħejjix mod għalihom biex huma jkunu jistgħu jwettqu dak li huwa jikkmandahom.”1

Immaġni
Paġna mill-manuskritt oriġinali tal-Ktieb ta’ Mormon

Hekk kif żammejt f’idi din il-paġna, jiena mtlejt b’apprezzament profond għall-isforzi li għamel Joseph Smith, żagħżugħ ta’ 23 sena, li ttraduċa l-Ktieb ta’ Mormon bid- “don u l-qawwa ta’ Alla.”2 Jiena ħassejt fija apprezzament għall-kliem tat-tfajjel Nefi, li ġie mistoqsi biex iwettaq biċċa xogħol verament diffiċli li jmur biex jikseb il-pjanċi tal-bronż mingħand Laban.

Nefi kien jaf li jekk hu kien se jibqa’ ffokat fuq il-Mulej, huwa kien se jirnexxielu jwettaq dak jikkmandah il-Mulej. Hu baqa’ ffokat fuq is-Salvatur tul ħajtu kollha minkejja li hu ġarrab bosta tentazzjonijiet, sfidi fiżiċi, u saħansitra t-tradiment ta’ xi wħud mill-membri immedjati tal-familja tiegħu.

Nefi kien jaf f’min kellu jafda.3 Ftit wara li huwa lissen, “O bniedem imsejken li jien! Iva, qalbi titnikket minħabba ġismi,”4 Nefi ddikjara, “Alla tiegħi kien l-għajnuna tiegħi; huwa mexxieni qalb is-sofferenza tiegħi fid-deżert; u huwa ppreservani fuq l-ilmijiet tal-abbissi l-kbar.”5

Bħala dixxipli ta’ Kristu, aħna mhux se neħilsuha mill-isfidi u l-provi f’ħajjitna. Ta’ spiss aħna niġu mitlubin nagħmlu ħwejjeġ diffiċli li jekk ikollna nagħmluhom weħidna, tkun biċċa xogħol enormi u forsi impossibbli. Hekk kif aħna naċċettaw l-istedina tas-Salvatur “ejjew għandi,”6 Hu jipprovdilna s-sapport, il-faraġ, u l-paċi neċessarji, kif ipprovda lil Nefi u lil Joseph. Anke qalb l-akbar sfidi tagħna, aħna nistgħu nħossu t-tgħannieqa ta’ mħabbtu hekk kif nafdawh u naċċettaw ir-rieda tiegħu. Aħna nistgħu nesperjenzaw il-ferħ reservat għad-dixxipli fidili tiegħu, għax “Kristu huwa ferħ.”7

Fl-2014, meta kont qed inservi missjoni full-time, jien u l-familja tiegħi esperjenzajna sfida li ma konniex qed nistennew. Waqt li kien nieżel niżla wieqfa fuq l-iskateboard, it-tifel iż-żgħir tagħna waqa’ u korra b’mod mill-aktar gravi f’moħħu. Malli l-kundizzjoni tiegħu marret għall-agħar, l-istaff mediku telqu jiġru bih fl-emerġenza biex joperawh.

Aħna nżilna għarkupptejna mal-art niltobu bħala familja f’kamra vojta tal-isptar, u ftaħna qalbna ma’ Alla. F’nofs dan il-mument mill-aktar konfuż u diffiċli, aħna mtlejna bl-imħabba u l-paċi ta’ Missierna tas-Smewwiet.

Aħna ma konniex nafu l-futur x’kien jew jekk konniex se nerġgħu naraw lit-tifel tagħna ħaj. Aħna konna nafu b’ċarezza li ħajtu kienet f’idejn Alla u jiġri x’jiġri, minn perspettiva eterna, kien se jkun għall-aħjar tiegħu u tagħna. Permezz tad-don tal-Ispirtu, aħna konna lesti li naċċettaw kwalunkwe eżitu.

Ma kenitx ħaġa faċli! L-aċċident irriżulta f’xahrejn l-isptar waqt li aħna konna qed nippresedu fuq aktar minn 400 missjunarji full-time. It-tifel tagħna esperjenza telfien sinifikanti mill-memorja tiegħu. Il-fejqan tiegħu kien jinkludi sessjonijiet diffiċli ta’ terapija, fiżika, okkupazzjonali, u tat-taħdit. L-isfidi baqgħu hemm, iżda maż-żmien aħna rajna jseħħ miraklu.

Aħna fhimna b’mod ċar li mhux kull sfida li niffaċċjaw se jkollha r-riżultat li aħna nixtiequ. Madankollu, hekk kif nibqgħu ffokati fuq Kristu, aħna nħossu fina l-paċi u naraw il-mirakli ta’ Alla, huma x’inhuma, fil-ħin Tiegħu u bil-mod tiegħu.

Ikun hemm żmien meta aħna ma nkunux nistgħu naraw kif ċerta sitwazzjoni kurrenti tista’ tintemm b’wiċċ il-ġid u nafu anke bħal Nefi nesprimu l-kliem, “Qalbi titnikket minħabba ġismi.”8 Jaf ikun hemm żmien fejn l-unika tama li għandna hi f’Ġesù Kristu. X’barka li jkollok dik it-tama u l-fiduċja fih. Kristu huwa dak li dejjem iżomm il-wegħdiet tiegħu. Dawk kollha li jersqu lejh jistgħu jiżguraw ruħhom mill-mistrieħ tiegħu.9

Il-mexxejja tagħna verament jixtiequ li kulħadd iħoss il-paċi u l-faraġ li nistgħu niksbuhom jekk aħna niffokaw fuq is-Salvatur Ġesù Kristu u nafdaw fih.

Il-profeta ħaj tagħna, il-President Russell M. Nelson, ilu jikkomunika l-viżjoni tal-Mulej għad-dinja u għall-membri tal-Knisja ta’ Kristu: “Il-messaġġ tagħna lid-dinja huwa wieħed sempliċi u sinċier: aħna nistiednu lill-ulied kollha ta’ Alla fuq iż-żewġ naħat tal-velu biex huma jersqu lejn is-Salvatur, jirċievu l-barkiet tat-tempju mqaddes, ikollhom ferħ dejjiem u jikkwalifikaw għall-ħajja eterna.”10

L-istedina “ejjew għand Kristu” għandha implikazzjonijiet specifiċi għall-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.11 Bħala membri tal-Knisja tas-Salvatur, aħna għamilna ċerti patti miegħu u sirna l-ulied imnissla b’mod spiritwali tiegħu.12 Aħna wkoll ġejna mogħtijin l-opportunità li naħdmu mal-Mulej meta nistiednu lil ħaddieħor biex jersaq lejh.

Hekk kif naħdmu ma’ Kristu, l-aktar sforz li għandna niffokaw fuqu għandu jkun ġo l-istess darna. Se jkun hemm żminijiet meta l-membri tal-familja u l-ħbieb għeżież tagħna jħabbtu wiċċhom ma’ ċerti sfidi. L-ilħna tad-dinja, u forsi wkoll ix-xewqat tagħhom, jafu jwassluhom biex jiddubitaw il-verità. Aħna għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinuhom iħossu kemm l-imħabba tas-Salvatur kif ukoll l-imħabba tagħna. Jiġi f’moħħi l-vers mill-iskrittura li sar l-għanja favorita tagħna “Ħobbu Lil Xulxin” li jgħallimna, “Minn dan jagħraf … kulħadd li … intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”13

Fl-imħabba tagħna għal dawk li qed jiddubitaw il-verità, l-għadu ta’ kull ferħ jaf jipprova jġegħilna nħossuna li aħna se nittradixxu lil dawk li nħobbu jekk aħna stess inkomplu ngħixu l-milja tal-evanġelju u ngħallmu l-veritajiet tiegħu.

L-abbiltà tagħna li ngħinu lil ħaddieħor biex jersaq lejn Kristu jew jerġa’ lura għand Kristu jiddetermina bil-kbir mill-eżempju li aħna nagħtu permezz tal-impenn personali tagħna li nibqgħu fit-triq tal-patt.

Jekk ix-xewqa vera tagħna hi li nsalvaw lil dawk li nħobbu, aħna stess għandna nibqgħu sodi ma’ Kristu billi nħaddnu l-Knisja tiegħu u l-milja tal-evanġelju tiegħu.

Biex nerġa’ lura għall-istorja ta’ Nefi, aħna nafu li l-inklinazzjoni ta’ Nefi li jafda fil-Mulej ġiet influwenzata mill-inklinazzjoni tal-ġenituri tiegħu li jafdaw fil-Mulej u mill-eżempju tagħhom li jżommu l-patti. Eżempju sabiħ ta’ dan narawh fil-viżjoni ta’ Leħi tas-siġra tal-ħajja. Wara li kiel mill-frott ħelu u li jimliek bil-ferħ tas-siġra, Leħi “xeħet għajnejh mal-madwar biex forsi jilmaħ lill-familja tiegħu.”14 Huwa ra lil Sarija, lil Sam, u lil Nefi weqfin “bħallikieku ma kenux jafu jekk għandhomx imorru.”15 Imbagħad Leħi ddikjara, “Jien sejjaħtilhom; u għidtilhom ukoll b’leħen għoli li kellhom jersqu lejja, u jieklu mill-frott.”16 Jekk jogħġobkom innutaw li Leħi ma telaqx minn fejn kien hemm is-siġra tal-ħajja. Huwa baqa’ spiritwalment mal-Mulej u stieden lill-familja tiegħu biex imorru fejn kien hu biex jieklu mill-frott.

L-avversarju iħajjar lil xi wħud biex iħallu warajhom il-ferħ tal-evanġelju billi jisseparaw it-tagħlim ta’ Kristu mill-Knisja tiegħu. Huwa jkun iridna nemmnu li aħna nistgħu nibqgħu sodi fit-triq tal-patt weħidna, permezz tal-ispiritwalità tagħna, lil hinn mill-Knisja tiegħu.

F’dawn l-aħħar żminijiet, il-Knisja ta’ Kristu ġiet irrestawrata sabiex tgħin lill-ulied tal-patt ta’ Kristu jibqgħu fit-triq tiegħu tal-patt.

Fid-Duttrina u Patti naqraw, “Araw, din hi d-duttrina tiegħi—kull min jindem u jiġu għandi, dan stess hu l-knisja tiegħi.”17

Permezz tal-Knisja ta’ Kristu, aħna nissaħħu permezz tal-esperjenzi tagħna bħala komunità ta’ Qaddisin. Aħna nisimgħu leħnu permezz tal-profeti, tal-veġġenti, u tar-rivelaturi tiegħu. Importanti verament il-fatt li permezz tal-Knisja tiegħu aħna niġu pprovduti bil-barkiet essenzjali kollha tal-Espjazzjoni ta’ Kristu li nistgħu niksbuhom biss permezz tal-parteċipazzjoni tagħna f’ordinanzi sagri.

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien hija l-Knisja ta’ Kristu fid-dinja, irrestawrata f’dawn l-aħħar żminijiet għall-benefiċċju tal-ulied kollha ta’ Alla.

Jiena nixhed li hekk kif aħna nersqu lejn Kristu u ngħixu bħala Qaddisin tal-Aħħar Żmien, aħna nkunu mberkin b’doża akbar tal-imħabba Tiegħu, tal-ferħ Tiegħu, u tal-paċi tiegħu. Bħal Nefi, aħna nistgħu nwettqu ħwejjeġ diffiċli u ngħinu lil ħaddieħor jagħmel l-istess, għaliex nafu f’min nistgħu nafdaw.18 Kristu huwa d-dawl tagħna, il-ħajja tagħna, u s-salvazzjoni tagħna.19 F’isem Ġesù Kristu, amen.