Konferenza Ġenerali
Isimgħuh
Konferenza Ġenerali April 2020


IsimgħuH

Missierna jaf li meta aħna nkunu mdawrin bl-inċertezza u l-biża’, dak li jgħinna l-aktar hu li nisimgħu lil ibnu.

Għeżież ħuti, kemm jiena grat li, permezz tal-użu tat-teknoloġija, aħna stajna niltaqgħu flimkien u nqimu flimkien f’din l-għodwa tal-Ħadd. Kemm aħna mberkin li nafu li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu ġie rrestawrat lid-dinja!

F’dawn l-aħħar ġimgħat, ħafna minna esperjenzajna tfixkil fil-ħajja personali tagħna. Terrimoti, nirien, għargħar, mard ikrah, kif ukoll il-ħerba li dan kollu ħalla warajh fixklu r-runtini ta’ ħajjitna u wasslu għal nuqqas ta’ ikel, ħwejjeġ neċessarji, u flus.

Fost dan kollu, aħna napprezzaw u nirringrazzjakom talli għażiltu li tisimgħu l-kelma tal-Mulej waqt dan iż-żmien ta’ taqlib billi qed tingħaqdu magħna għall-konferenza ġenerali. Id-dalma dejjem tikber li takkumpanja dan l-għawġ twassal biex id-dawl ta’ Ġesù Kristu jiddi b’aktar qawwa. Aħsbu ftit dwar it-tajjeb li aħna lkoll nistgħu nwettqu f’dan iż-żmien ta’ taqlib globali. L-imħabba tagħkom għas-Salvatur u l-fidi tagħkom fih jafu jkunu l-kawża għalfejn xi ħadd jiskopri r-Restawrazzjoni tal-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Fl-aħħar sentejn, jien u Sister Nelson iltqajna ma’ eluf minnkom minn madwar id-dinja. Aħna nġbarna magħkom f’areni fil-miftuħ u fi swali tal-lukandi. F’kull post, jiena ħassejtni li kont ninsab fil-preżenza tal-magħżulin tal-Mulej u li kont qed nara l-ġabra ta’ Iżrael isseħħ quddiem għajnejja.

Aħna qed ngħixu fi żmien li “missirijietna stennew b’ħerqa kbira.”1 Aħna ninsabu qed ngħixu b’mod dirett dak li l-profeta Nefi ra biss f’viżjoni, li “l-qawwa tal-Ħaruf ta’ Alla” għandha tinżel “fuq il-poplu tal-patt tal-Mulej, li ġie mifrux ma’ kull naħa tad-dinja; u kien armat permezz tas-sewwa u l-qawwa ta’ Alla fi glorja kbira.”2

Intom, ħuti, fost dawk l-irġiel, nisa, u tfal li ra Nefi. Aħsbu ftit dwar dan!

Irrispettivament intom fejn toqogħdu jew x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħkom, il-Mulej Ġesù Kristu hu s-Salvatur tagħkom, u l-profeta ta’ Alla, Joseph Smith, hu l-profeta tagħkom . Hu ġie ordnat sa minn qabel ma saret din id-dinja biex ikun il-profeta ta’ din l-aħħar dispensazzjoni, meta “xejn mhu se jinżamm”3 mill-Qaddisin. Il-Mulej se jkompli jibgħat ir-rivelazzjoni waqt dan il-proċess kontinwu tar-restawrazzjoni.

Xi jfisser għalikom li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu ġie rrestawrat lid-dinja?

Ifisser li intom u l-familja tagħkom tistgħu tiġu ssiġillati flimkien għal dejjem! Ifisser li peress li intom tgħammidtu minn xi ħadd li għandu l-awtorità minn Ġesù Kristu u ġejtu kkonfermati bħala membri tal-Knisja tiegħu, intom tistgħu tgawdu s-sħubija kostanti tal-Ispirtu s-Santu. Hu jiggwidakom u jipproteġikom. Ifisser li intom qatt mhu se titħallew iltiema jew mingħajr aċċess għall-qawwa ta’ Alla li tgħinkom. Ifisser li l-qawwa tas-saċerdozju tista’ tberikkom hekk kif intom tirċievu l-ordinanzi essenzjali u tagħmlu ċerti patti ma’ Alla u tħarsuhom. X’ankra għal ruħna huma dawn il-veritajiet, speċjalment waqt dawn iż-żminijiet meta t-tempesta hi daqstant qalila.

Il-Ktieb ta’ Mormon jitkellem dwar il-qawma u l-waqgħa taż-żewġ ċiviltajiet ewlenin. L-istorja tagħhom turi kemm hu faċli għal ħafna nies li jinsew lil Alla, jiċħdu t-twissijiet tal-profeti tal-Mulej, u jfittxu l-qawwa, il-popolarità, u l-pjaċiri tal-ġisem.4 Ripetutament, il-profeti tal-passat iddikjaraw “ħwejjeġ kbar u tal-għaġeb lin-nies, liema ħwejjeġ huma m’emmnux.”5

Is-sitwazzjoni fi żmienna ma tantx hi differenti. Tul is-snin, ħwejjeġ kbar u tal-għaġeb ġew imxandrin minn għadd ta’ pulpti ddedikati madwar id-dinja. Madankollu ħafna min-nies ma jħaddnux dawn il-veritajiet—jew għax ma jafux fejn ifittxuhom6 jew għax jinsabu jisimgħu lil dawk li m’għandhomx il-verità sħiħa jew għaliex huma ċaħdu l-verità minħabba li fittxew il-ħwejjeġ tad-dinja.

L-avversarju hu intelliġenti. Hu ilu sekli sħaħ jipprova juri t-tajjeb bħala ħażin u l-ħażin bħala tajjeb.7 Il-messaġġi tiegħu għandhom tendenza li jkunu storbjużi, sfaċċati, u faħħarin.

Madankollu, il-messaġġi mingħand Missierna tas-Smewwiet huma mill-aktar differenti. Hu jikkomunika b’mod sempliċi, sieket, u b’ċarezza mill-aktar notevoli li żgur ma nistgħux nifhmuh ħażin.8

Per eżempju, kull meta Hu introduċa lill-Iben il-Waħdieni tiegħu lin-nies mortali fid-dinja, Hu dejjem għamel dan notevolment permezz ta’ ftit kliem. Fuq il-Għolja tat-Trasfigurazzjoni lil Pietru, Ġakbu, u Ġwanni, Alla qalilhom, “Dan hu Ibni l-Għażiż: isimgħuh.”9 Il-kliem li qal lin-Nefiti f’Kotra tal-qedem kien: “Araw lill-Ibni l-Għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi, li fih igglorifikajt ismi—isimgħuh.”10 U lil Joseph Smith, f’dik id-dikjarazzjoni profonda li fetħet din id-dispensazzjoni, Alla qallu sempliċiment, “Dan hu Ibni l-Għażiż. Isimgħu!11

Issa, għeżież ħuti, ikkunsidraw il-fatt li f’dawn it-tliet każijiet li għadni kif semmejt, ftit qabel ma l-Missier introduċa lil ibnu, in-nies involuti kienu jinsabu fi stat ta’ biża’ u, sa ċertu punt, ta’ disperazzjoni.

L-Appostli kienu mbeżżgħin meta huma raw lil Ġesù Kristu mdawwar bi sħaba fuq l-Għolja tat-Trasfigurazzjoni.

In-Nefiti kien mbeżżgħin għaliex huma esperjenzaw il-qerda u d-dalma għal bosta jiem.

Joseph Smith kien maħkum minn forza tad-dlam ftit qabel ma nfetħu s-smewwiet.

Missierna jaf li meta aħna nkunu mdawrin bl-inċertezza u l-biża’, dak li jgħinna l-aktar hu li nisimgħu lil ibnu.

Għaliex meta nfittxu li nisimgħu—verament nisimgħu—lil ibnu, aħna nkunu ggwidati ħalli nkunu nafu x’għandna nagħmlu f’kwalunkwe ċirkustanza.

L-ewwel kelma li nsibu fid-Duttrina u Patti hi agħtu widen.12 Tfisser “li nisimgħu bl-intenzjoni li nobdu.”13 Li nagħtu widen ifisser li “nisimgħuh”—li nisimgħu x’jgħid is-Salvatur u mbagħad noqogħdu attenti għall-kunsill tiegħu. F’dawk iż-żewġ kelmiet— “Isimgħuh ”—Alla jgħidilna kif jista’ jkollna s-suċċess, il-ferħ, u l-hena f’din il-ħajja. Aħna għandna nisimgħu kliem il-Mulej, nagħtu widen tiegħu, u noqogħdu attenti għal dak li qalilna!

Hekk kif infittxu li nkunu dixxipli ta’ Ġesù Kristu, l-isforzi tagħna li nisimgħuh jeħtieġ li jkunu aktar intenzjonati. Hemm bżonn ta’ sforz konxju u konsistenti biex nimlew il-ħajja tagħna ta’ kuljum bi kliemu, bit-tagħlim tiegħu, bil-veritajiet tiegħu.

Aħna sempliċiment ma nistgħux niddependu fuq informazzjoni li sibna b’kumbinazzjoni fuq il-midja soċjali. B’biljuni ta’ kliem fuq l-internet u f’dinja kkunsmata bil-kummerċ li hi kontinwament infiltrata bl-isforzi storbjużi u mxajtna tal-avversarju, fejn nistgħu mmorru aħna biex nisimgħuh?

Nistgħu mmorru fl-iskrittura. Fiha nitgħallmu dwar Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu, dwar il-kobor tal-Espjazzjoni tiegħu, u dwar il-pjan kbir ta’ ferħ u ta’ fidwa ta’ Missierna. Li aħna ngħaddsu rasna kuljum fil-kelma ta’ Alla hi ħaġa kruċjali għas-sopravivenza spiritwali, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ taqlib dejjem jikber. Hekk kif kuljum aħna niffesteġġjaw permezz ta’ kliem Kristu, kliem Kristu jgħidilna kif għandna nwieġbu għad-diffikultajiet li qatt ma ħsibna li se niffaċċjaw.

Aħna nistgħu nisimgħuh ukoll fit-tempju. Id-dar tal-Mulej hi dar ta’ tagħlim. Hemmhekk il-Mulej jgħallem kif irid Hu. Hemmhekk kull ordinanza tgħallimna dwar is-Salvatur. Hemmhekk nitgħallmu kif ngħaddu għan-naħa l-oħra tal-velu u nikkomunikaw b’aktar ċarezza mas-smewwiet. Hemmhekk nitgħallmu kif inċanfru lill-avversarju u nagħmlu użu mill-qawwa tas-saċerdozju tal-Mulej biex issaħħaħ lilna u lil dawk li nħobbu. Kemm għandna nkunu ħerqana, kull wieħed u waħda minna, li nfittxu r-refuġju hemmhekk.

Meta dawn ir-restrizzjonijiet temporanji minħabba l-COVID-19 jitneħħew, jekk jogħġobkom skedaw ħin regolari li fih tqimu u sservu fit-tempju. Kull minuta li tagħmlu hemm tbierek lilkom u l-familja tagħkom b’mod li xejn aktar ma jista’ jberikkom. Iddedikaw ħin biex tixtarru dak li tisimgħu u tħossu meta tkunu hemmhekk. Itolbu lill-Mulej biex jgħallimkom kif tistgħu tiftħu s-smewwiet biex tbierku ħajjitkom u l-ħajja ta’ dawk li intom tħobbu u sservu.

Filwaqt li bħalissa mhux possibbli li nqimu ġewwa t-tempju, nistedinkom biex iżżidu l-parteċipazzjoni tagħkom fl-istorja tal-familja, fosthom ir-riċerka u l-indiċjar tal-istorja tal-familja. Inwegħidkom li hekk kif intom iżżidu l-ħin tagħkom fit-tempju u fl-istorja tal-familja, intom tkabbru u ttejjbu l-abbiltà tagħkom li tisimgħuh.

Aħna nisimgħuh ukoll b’aktar ċarezza hekk kif nirraffinaw l-abbiltà tagħna biex nagħrfu t-tfesfis tal-Ispirtu s-Santu. Qatt daqs illum ma kien daqstant importanti li tkunu tafu kif ikellimkom l-Ispirtu. Fid-Divinità, l-Ispirtu s-Santu hu l-messaġġier. Hu jpoġġi f’moħħkom il-ħsibijiet li l-Missier u l-Iben iridkom tirċievu. Huwa l-Farràġ. Huwa jwassal sentimenti ta’ paċi f’qalbkom. Hu jixhed dwar il-verità u jikkonferma dak li hu veru hekk kif intom tisimgħu u taqraw il-kelma tal-Mulej.

Nerġa’ ntenni l-appell tiegħi lilkom li tagħmlu kwalunkwe ħaġa neċessarja biex tkabbru l-kapaċità spiritwali tagħkom li tirċievu r-rivelazzjoni personali.

Li tagħmlu dan jgħinkom tkunu tafu kif tibqgħu għaddejjin f’ħajjitkom, x’tagħmlu f’mumenti ta’ kriżi, u kif tagħrfu u tevitaw t-tentazzjonijiet u l-qerq tal-avversarju.

U, finalment, aħna nisimgħuh hekk kif nagħtu widen tal-profeti, tal-veġġenti, u r-rivelaturi. L-Appostli ordnati ta’ Ġesù Kristu dejjem xehdu dwaru. Huma juruna t-triq hekk kif nippruvaw insibu triqtna qalb il-labirint ta’ niket tal-esperjenzi mortali tagħna.

X’jiġri hekk kif b’aktar intenzjoni tisimgħu, tagħtu widen, u toqogħdu attenti għal dak li qal is-Salvatur u x’inhu jgħidilkom issa permezz tal-profeti tiegħu? Inwegħidkom li intom tkunu mberkin b’aktar qawwa biex tiffaċċjaw it-tentazzjoni, it-taqbid, u d-dgħjufija. Inwegħidkom mirakli fiż-żwieġ, fir-relazzjonijiet tal-familja, u fil-ħidma ta’ kuljum tagħkom. U nwegħidkom li l-kapaċità tagħkom biex tħossu l-ferħ tikber anke jekk it-taqlib jiżdied f’ħajjitkom.

Din il-konferenza ġenerali ta’ April 2020 hu ż-żmien li fih aħna qed nikkommemoraw ġrajja li bidlet id-dinja. Hekk kif konna qed inħejju għal dan il-200 anniversarju mill-Ewwel Viżjoni ta’ Joseph Smith, aħna bħala membri tal-Ewwel Presidenza u tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu xtarrejna flimkien x’nistgħu nagħmlu biex nikkommemoraw b’mod xieraq din il-ġrajja unika.

Dik it-teofanija tat bidu għar-Restawrazzjoni tal-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u fetħet id-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet.

Aħna ddiskutejna jekk kellux jinbena monument. Iżda hekk kif bdejna nikkunsidraw l-uniċità tal-impatt storiku u internazzjonali ta’ dik l-Ewwel Viżjoni, aħna bdejna nħossuna spirati li noħolqu monument mhux tal-granit iżda tal-kliem—kliem ta’ proklamazzjoni solenni u sagra—miktub, mhux li jiġi mnaqqax fuq “twavel tal-ġebel” iżda minflok jiġi nċiż fuq it-“twavel tal-laħam” ta’ qalbna.14

Minn meta ġiet organizzata l-Knisja, inħarġu biss ħames proklamazzjonijiet, bl-aħħar waħda tkun “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” ippreżentata mill-President Gordon B. Hinckley fl-1995.

Illum hekk kif qed nikkontemplaw dan iż-żmien sinifikanti fl-istorja tad-dinja u l-kmand tal-Mulej biex niġbru flimkien lil ulied imxerrda ta’ Iżrael bi tħejjija għat-Tieni Miġja ta’ Ġesù Kristu, aħna, l-Ewwel Presidenza u l-Kunsill tat-Tnax-il Appostlu, qed noħorġu l-proklamazzjoni li ġejja. It-titlu tagħha hu “Ir-Restawrazzjoni tal-Milja tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu: Proklamazzjoni Biċentinarja lid-Dinja.” Inkitbet mill-Ewwel Presidenza u l-Kunsill tat-Tnax-il Appostlu tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Iġġib id-data ta’ April 2020. Bi tħejjija għal-lum, jiena rrikordjajt minn qabel din il-proklamazzjoni fil-Masġar Sagru, fejn Joseph Smith ra għall-ewwel darba lill-Missier u lill-Iben.

“Aħna solennement niddikjaraw li Alla jħobb lil uliedU f’kull ġens tad-dinja. Alla l-Missier tana t-twelid divin, il-ħajja inkomparabbli, u s-sagrifiċċju infinit tal-Espjazzjoni ta’ ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu. Bil-qawwa tal-Missier, Ġesù reġa’ qam u kiseb ir-rebħa fuq il-mewt. Hu s-Salvatur tagħna, ix-Xempju tagħna u l-Feddej tagħna.

“Mitejn sena ilu, f’għodwa mill-isbaħ tar-rebbiegħa tal-1820, it-tfajjel Joseph Smith, li beda jfittex li jkun jaf ma’ liema knisja kellu jingħaqad, mar jitlob fil-bosk ħdejn id-dar tiegħu fit-tramuntana ta’ New York, fl-Istati Uniti. Hu kellu mistoqsijiet dwar is-salvazzjoni ta’ ruħu u kellu fiduċja li Alla kien se jidderiġih.

“B’umiltà, aħna niddikjaraw li b’risposta għat-talba tiegħu, Alla l-Missier u ibnu, Ġesù Kristu, dehru lil Joseph u inawguraw ‘it-tiġdid kollu’ (Atti 3:21) kif kien imbassar fil-Bibbja. F’din il-viżjoni, huwa tgħallem li wara l-mewt tal-Appostli oriġinali, il-Knisja ta’ Kristu tat-Testment il-Ġdid kienet osfrot mid-dinja. Joseph kien se jkun strumentali fir-ritorn tagħha.

“Aħna naffermaw li taħt id-direzzjoni tal-Missier u tal-Iben, ġew messaġġiera mis-smewwiet biex jagħtu struzzjonijiet lil Joseph u jerġgħu jistabbilixxu l-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Ġwanni l-Battista mqajjem mill-imwiet irrestawra l-awtorità li tgħammed b’immersjoni għall-maħfra tad-dnubiet. Tlieta mit-tnax-il Appostlu oriġinali—Pietru, Ġakbu u Ġwanni—irrestawraw l-appostolat u l-imfietaħ tal-awtorità tas-saċerdozju. Ġew oħrajn ukoll, fosthom Elija, li rrestawra l-awtorità li tgħaqqad il-familji flimkien għal dejjem f’relazzjonijiet eterni li jmorru lilhinn mill-mewt.

“Aħna nixhdu wkoll li Joseph Smith ingħata d-don u l-qawwa ta’ Alla biex jittraduċi annali antiki: il-Ktieb ta’ Mormon—Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu. Paġni minn dan it-test sagru jinkludu rakkont tal-ministeru personali ta’ Ġesù Kristu fost nies fl-Emisfera tal-Punent ftit wara l-Qawmien tiegħu mill-Imwiet. Jgħallem dwar l-għan tal-ħajja u jispjega d-duttrina ta’ Kristu, li hi fil-qofol ta’ dak l-għan. Bħala skrittura li takkumpanja l-Bibbja, il-Ktieb ta’ Mormon jixhed li l-bnedmin kollha huma wlied Missier fis-Smewwiet kollu mħabba, li Hu għandu pjan divin għal ħajjitna, u li ibnu, Ġesù Kristu, jitkellem illum ukoll kif għamel fi żmien il-qedem.

“Aħna niddikjaraw li Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, organizzata fis-6 ta’ April, 1830, hija l-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu tat-Testment il-Ġdid. Din il-Knisja hi ankrata mal-ħajja perfetta tal-ġebla tax-xewka tagħha, Ġesù Kristu, u mal-Espjazzjoni infinita u l-Qawmien mill-Imwiet letterali tiegħu. Ġesù Kristu għal darb’oħra reġa’ sejjaħ Appostli u tahom l-awtorità tas-saċerdozju. Hu jistieden lilna lkoll biex nersqu lejh u lejn il-Knisja tiegħu, biex nirċievu l-Ispirtu s-Santu, l-ordinanzi tas-salvazzjoni, u niksbu l-ferħ li jibqa’ għal dejjem.

“Issa għaddew mitejn sena minn meta ngħata bidu għal din ir-Restawrazzjoni minn Alla l-Missier u ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu. Miljuni ta’ nies madwar id-dinja ħaddnu l-għarfien ta’ dawn il-ġrajjiet imbassra.

“Aħna bil-ferħ niddikjaraw li r-Restawrazzjoni mwiegħda se tibqa’ miexja ’l quddiem permezz tar-rivelazzjoni kontinwa. Id-dinja qatt mhi se terġa tkun l-istess, għax Alla ‘kollox se jiġbor taħt ras waħda, li hu Kristu’ (Efesin 1:10).

“B’qima u gratitudni, aħna, bħala l-Appostli tiegħu, nistiednu lil kulħadd biex ikun jaf—kif nafu aħna—li s-smewwiet huma miftuħin. Aħna naffermaw li Alla qiegħed jgħarraf ir-rieda tiegħu lill-għeżież uliedu. Aħna nixhdu li dawk li bl-għajnuna tat-talb jistudjaw il-messaġġ tar-Restawrazzjoni u jaġixxu b’fidi, ikunu mberkin li jiksbu x-xhieda personali tagħhom tad-divinità tiegħu u tal-għan tiegħu li jħejji d-dinja għall-imwiegħda Tieni Miġja tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.”15

Għeżież ħuti, dik hi l-proklamazzjoni biċentinarja lid-dinja dwar ir-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fil-milja tiegħu. Ġiet tradotta fi 12-il lingwa. Se tiġi tradotta f’lingwi oħra. Se tkun disponibbli immedjatament fuq il-website tal-Knisja, minfejn tistgħu tiksbu kopja. Studjawha weħdikom u mal-membri tal-familja tagħkom u ma’ sħabkom. Xtarru l-veritajiet u aħsbu dwar l-impatt li dawk il-veritajiet se jkollhom fuq ħajjitkom jekk tisimgħuhom, tagħtuhom widen, u toqogħdu attenti għall-kmandamenti u l-patti li jakkumpanjawhom.

Jien naf li Joseph Smith hu l-profeta ppredestinat li l-Mulej għażel biex jiftaħ din l-aħħar dispensazzjoni. Permezz tiegħu l-Knisja tal-Mulej ġie rrestawrata lid-dinja. Joseph issiġilla t-testimonjanza tiegħu permezz ta’ demmu. Kemm inħobbu u nonorah!

Alla jgħix! Ġesù hu l-Kristu! Il-Knisja tiegħu ġiet irrestawrata! Hu u Missieru, li hu Missierna tas-Smewwiet, qed iħarsu lilna lkoll. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.