Konferenza Ġenerali
Biex Huma Jaraw
Konferenza Ġenerali April 2020


Biex Huma Jaraw

Fittxu u itolbu biex ikollkom opportunitajiet li fihom tħallu d-dawl tagħkom jiddi biex ħaddieħor ikun jista’ jara t-triq lejn Ġesù Kristu.

Ħuti, qlubna ġew imbierka u mġedda bl-Ispirtu li ħassejna f’din il-konferenza.

Immaġni
Kolonna ta’ dawl

Mitejn sena ilu, kolonna ta’ dawl niżlet fuq tfajjel żagħżugħ f’nofs masġar. F’dak id-dawl, Joseph Smith ra lil Alla l-Missier u lil Ibnu, Ġesù Kristu. Id-dawl tagħhom biegħed id-dalma spiritwali li ksiet lid-dinja u wera t-triq ’il quddiem għal Joseph Smith—u għalina lkoll. Minħabba d-dawl li ġie żvelat dak inhar, aħna nistgħu nirċievu l-milja tal-barkiet disponibbli permezz tal-Espjazzjoni tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

B’virtù tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju tiegħu, aħna nistgħu nimtlew bid-dawl tas-Salvatur tagħna. Madankollu, dak id-dawl mhuwiex intenzjonat biss għalikom u għalija. Ġesù Kristu sejħilna: “Araw li d-dawl tagħkom jiddi quddiem dan il-poplu, biex huma jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jigglorifikaw lil Missierkom li hu fis-smewwiet.”1 Jiena vera saret togħġobni l-frażi “biex huma jaraw,” Hi stedina ċara mingħand il-Mulej biex inkunu aktar intenzjonali fl-għajnuna li nagħtu lill-oħrajn biex huma jaraw it-triq u b’hekk jersqu lejn Kristu.

Immaġni
Il-Presbiteru L. Tom Perry

Meta jien kelli 10 snin, aħna bħala familja kellna l-unur li nospitaw lill-Presbiteru L. Tom Perry tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu waqt li kien jinsab fuq xogħol fil-belt tagħna.

Fi tmiem il-jum, il-familja tagħna u l-familja Perry poġġejna bilqiegħda fis-salott tagħna biex ingawdu t-torta tat-tuffieħ delizzjuża ta’ ommi, waqt li l-Presbiteru Perry beda jirrakkontalna stejjer ta’ Qaddisin minn madwar id-dinja. Verament bdejt naffaxxina ruħi.

Kien qed isir il-ħin meta ommi sejħitli fil-kċina u staqsietni mistoqsija sempliċi: “Bonnie, lit-tiġieġ tmajthom?”

Qalbi waqfet; ma kontx tmajthom. Peress li ma ridtx nitlaq mill-preżenza ta’ Appostlu tal-Mulej, jiena ssuġġerejt li t-tiġieġ setgħu jibqgħu jsumu sa filgħodu.

“Ommi wieġbet b’qawwa “le.” F’dak il-mument, il-Presbiteru Perry daħal fil-kċina u bil-leħen sod u mimli entużjażmu tiegħu staqsa, “Smajt sew li xi ħadd għandu bżonn jitma t-tiġieġ? Jiena u t-tifel tiegħi nistgħu ngħinuk?”

O, kemm saret xi ħaġa ta’ ferħ issa li titma’ t-tiġieġ! Jien tlaqt niġri biex inġib il-lampa s-safra l-kbira. Kollni eċċitament, jiena mxejt fuq quddiem fit-trejqa li tagħti għall-gallinar bit-tiġieġ. Bil-lampa titbandal f’idi, aħna qsamna l-ġardina bil-qamħirrum u għaddejna tul l-għalqa tal-qamħ.

Meta wasalna ħdejn il-foss tal-irrigazzjoni li kien jaqsam il-passaġġ, jiena istintivament qbiżt għan-naħa l-oħra kif għamilt tant ljieli oħra qabel. Ma ġiex f’moħħi li l-Presbiteru Perry kien qed jipprova jlaħħaq miegħi f’dak il-passaġġ mudlam u li ma kien rah qatt qabel. Id-dawl jiżfen f’idi ma tantx kien ta’ għajnuna għalih biex jara l-foss. Mingħajr dawl tajjebbiex jara fejn kien sejjer, siequ marret direttament fl-ilma u smajtu jokrob. Hekk kif bdejt nippanikja, jiena dort lura u rajt lill-ħabib ġdid tiegħi joħroġ siequ mxarrba għasra mill-fossa u jneħħi l-ilma miż-żarbun tal-ġilda tqil tiegħu.

B’żarbun għasra u jżaqżaq, il-Presbiteru Perry għenni nitma t-tiġieġ. Meta lestejna, b’imħabba qalli, “Bonnie, għandi bżonn nara l-passaġġ. Għandi bżonn id-dawl jurini fejn inkun miexi.”

Jien kont qed nitfa’ dawl iżda mhux b’mod li seta’ jgħin lill-Presbiteru Perry. Issa, peress li sirt naf li hu kellu bżonn id-dawl tiegħi biex jimxi tul il-passaġġ mingħajr periklu, jiena bdejt niffoka d-dawl eżatt quddiem il-passi tiegħu u rnexxielna nerġgħu lura d-dar bla problemi.

Għeżież ħuti, jien għaddejt snin nixtarr il-prinċipju li tgħallimt mill-Presbiteru Perry. L-istedina tal-Mulej li nħallu d-dawl tagħna jiddi ma jfissirx li bl-addoċċ nibdew inxejru raġġ dawl ’l hawn u raġġ ’l hemm u ndawlu lid-dinja b’mod ġenerali. Ifisser li niffokaw id-dawl tagħna b’tali mod li ħaddieħor jara t-triq li twassalhom lejn Kristu. Ifisser li niġbru lil Iżrael fuq din in-naħa tal-velu—ngħinu lil ħaddieħor jara l-pass li jmiss ’il quddiem billi jagħmel u jħares il-patti sagri ma’ Alla.2

Is-Salvatur xehed, “Araw jiena d-dawl; jiena tajtkom eżempju.”3 Ejjew nagħtu ħarsa lejn wieħed mill-eżempji tiegħu.

Il-mara ħdejn il-bir kienet Samaritana li ma kenitx taf lil Ġesù Kristu u ħafna kienu jħarsu lejha bħala mara abbandunata min-niesha stess. Ġesù ltaqa’ magħha u beda jkellimha. Hu kellimha dwar l-ilma. Imbagħad hu wassalha lejn dawl akbar hekk kif iddikjara lilu nnifsu bħala “l-ilma ħaj.”4

B’kompassjoni, Kristu kien konxju tagħha u tal-bżonnijiet tagħha. Hu ltaqa’ mal-mara fejn hija kienet u beda billi kellimha dwar xi ħaġa familjari u komuni. Kieku Hu waqaf ikellimha hemm, diġà kienet tkun laqgħa pożittiva. Iżda ma kienx iwassal biex hi tmur fil-belt u tiddikjara, “Ejjew, araw … : tgħid, dan il-Messija?”5 Gradwalment, permezz tal-konverżazzjoni li kellhom, hi skopriet lil Ġesù Kristu, u minkejja l-passat tagħha, hi saret strument tad-dawl, jiddi biex juri t-triq lil ħaddieħor.6

Issa ejjew inħarsu lejn tnejn min-nies li mxew wara l-eżempju tad-dawl jiddi tas-Salvatur. M’ilux il-ħabib tiegħi Kevin kien f’ikla bilqiegħda ħdejn bniedem negozjant. Hu beda jinkwieta dwar xiex kien se joqgħod jitkellem miegħu għal sagħtejn sħaħ. Wara suġġeriment li hu rċieva mill-Ispirtu, Kevin staqsieh, “Xi tgħidli dwar il-familja tiegħek. Minn fejn ġejjin?”

Dan ir-raġel ftit li xejn kien jaf dwar l-antenati tiegħu, għalhekk Kevin ħareġ il-mowbajl tiegħu, u qallu, “Jien għandi app li jgħaqqad in-nies mal-familji tagħhom. Ejja naraw x’nistgħu nsibu.”

Wara diskussjoni fit-tul, il-ħabib il-ġdid ta’ Kevin staqsieh, “Għalfejn il-familja hi daqshekk importanti għall-knisja tagħkom?”

Kevin wieġeb sempliċiment, “Aħna nemmnu li aħna nkompli ngħixu wara li mmutu, Jekk aħna nidentifikaw l-antenati tagħna u nieħdu isimhom f’post sagru li jissejjaħ tempju, aħna nistgħu nwettqu l-ordinanzi taż-żwieġ li jżommu l-familji tagħna flimkien anke wara l-mewt.”7

Kevin beda jkellmu dwar xi ħaġa li hu u l-ħabib ġdid tiegħu kellhom komuni. Imbagħad hu sab mod kif seta’ jixhed dwar id-dawl u l-imħabba tas-Salvatur.

It-tieni storja hi dwar Ella, li kienet tilgħab il-basketball mal-kulleġġ tagħha. L-eżempju tagħha beda meta hi rċeviet is-sejħa tagħha għall-missjoni fiż-żmien li kienet għadha l-iskola. Hi għażlet li tiftaħ is-sejħa tagħha quddiem it-tìm tagħha. Huma ma kienu jafu kważi xejn dwar il-Knisja ta’ Ġesù Kristu u ma fehmux ix-xewqa ta’ Ella li sservi. Hi talbet ripetutament biex tkun taf kif kellha tispjega s-sejħa tagħha għall-missjoni b’mod li sħabha tat-tìm setgħu jħossu l-Ispirtu. It-tweġiba tagħha?

“Jiena għamilt preżentazzjoni bil-PowerPoint” qalet Ella, “għaliex jiena veru tal-ġenn.” Hi qaltilhom dwar il-potenzjal li sservi f’waħda minn iktar minn 400 missjoni u possibbilment anke titgħallem lingwa ġdida. Hija tkellmet dwar l-eluf ta’ missjunarji li diġà qed iservu. Ella spiċċat bili wriethom ritratt tas-Salvatur u qasmet magħhom din it-testimonjanza qasira: “Il-basketball hu wieħed mill-aktar affarijiet importanti f’ħajti. Jiena dort il-pajjiż u ħallejt lill-familja tiegħi warajja biex nilgħab għal dan il-kowċ u ma’ dan it-tìm. L-uniċi żewġ affarijiet li huma aktar importanti għalija mill-basketball huma l-fidi tiegħi u l-familja tiegħi.”8

Issa, f’każ li intom qed tgħidu, “Dawn huma eżempji kbar ta’ bozza tal-1,000, iżda jiena biss bozza tal-20,” ftakru li s-Salvatur xehed, “Jiena d-dawl li intom għandkom tgħollu biex jidher.”9 Hu jfakkarna li Hu jġibilna d-dawl jekk aħna sempliċiment nresqu lil ħaddieħor lejh.

Jien u intom għandna biżżejjed dawl x’naqsmu mal-oħrajn issa stess. Intom tistgħu ddawlu lill-pass li jmiss biex tgħinu lil xi ħadd jersaq aktar viċin ta’ Ġesù Kristu, u mbagħad il-pass li jmiss, u ta’ warajh.

Staqsu lilkom infuskom, “Min għandu bżonn id-dawl li intom għandkom biex isib il-trjqa li għandu bżonn iżda mhux qed jaraha?”

Għeżież ħbieb tiegħi, għaliex id-dawl jiddi tagħna hu daqstant importanti? Il-Mulej qalilna li “għad hawn ħafna fid-dinja … li qed jinżammu mill-verità sempliċiment għaliex ma jafux fejn jistgħu jsibuha”10 Aħna nistgħu ngħinu. Aħna nistgħu intenzjonalment nuru d-dawl tagħna ħalli ħaddieħor ikun jista’ jara. Aħna nistgħu nistednuhom.11 Aħna nistgħu nimxu l-vjaġġ ma’ dawk li qegħdin jippruvaw jagħmlu pass lejn is-Salvatur, hu kemm hu diffiċli. Aħna nistgħu niġbru flimkien lil Iżrael.

Jiena nixhed li l-Mulej ikabbar kull sforz żgħir li nagħmlu. L-Ispirtu s-Santu jurina x’għandna ngħidu u nagħmlu. Dawn l-attentati jistgħu jitolbu minna li noħorġu ftit miż-żona komda tagħna, iżda għandna nkunu ċerti li l-Mulej jgħin biex id-dawl tagħna jiddi.

Kemm jiena grata għad-dawl tas-Salvatur, li jkompli jmexxi din il-Knisja permezz tar-rivelazzjoni.

Immaġni
Is-Salvatur iżomm lampa.

Jiena nistieden lilna lkoll biex nimxu wara l-eżempju ta’ Ġesù Kristu u b’kompassjoni nkunu konxji ta’ dawk ta’ madwarna. Fittxu u itolbu biex ikollkom opportunitajiet li fihom tħallu d-dawl tagħkom jiddi biex ħaddieħor ikun jista’ jara t-triq lejn Ġesù Kristu. Il-wegħda tiegħu hi kbira: “Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja.”12 Jiena nixhed lis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, huwa t-triq, il-verità, il-ħajja, u d-dawl tad-dinja. F’isem Ġesù Kristu, amen.