Konferenza Ġenerali
Kif Ibierek liż-Żgħażagħ is-Saċerdozju
Konferenza Ġenerali April 2020


Kif Ibierek liż-Żgħażagħ is-Saċerdozju

Aħna ġejna mogħtijin l-opportunità li nimministraw bħall-anġli, li nxandru l-evanġelju fil-kontinenti kollha tad-dinja, u li ngħinu l-erwieħ jersqu lejn Kristu.

Ħuti, jiena verament grat ta’ din l-opportunità li nkellimkom f’din il-lejla storika dwar ir-rigal sagru tas-saċerdozju u l-qawwa meraviljuża tiegħu li jbierek liż-żgħażagħ f’din id-dispensazzjoni. Nitlob li minkejja l-imperfezzjoni tiegħi, l-Ispirtu jgħinni ngħallem il-verità.

L-Ewwel Presidenza fakkret lilkom kollha li tħaddnu s-Saċerdozju ta’ Aron li “intom qed tgħixu fi żmien ta’ opportunitajiet u sfidi kbar—żmien li fih ġie rrestawrat is-saċerdozju. Intom għandkom l-awtorità li tamministraw l-ordinanzi tas-Saċerdozju ta’ Aron. Hekk kif bl-għajnuna tat-talb u b’mod den intom teżerċitaw dik l-awtorità, intom tbierku bil-kbir il-ħajja ta’ dawk ta’ madwarkom.”1 Bħala l-ġuvintur tal-Knisja, aħna ġejna mfakkra wkoll li aħna “ulied maħbubin ta’ Alla, u Hu għandu ħidma għalina xi nwettqu”2 u aħna nassistuh fil-ħidma tiegħu li “iġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.” (Moses 1:39).

Is-saċerdozju huwa l-awtorità li tamministra l-ordinanzi u l-patti tal-evanġelju tas-Salvatur lil dawk li huma denji li jirċevuhom. Permezz ta’ dawn l-ordinanzi u l-patti sagri tas-saċerdozju aħna nistgħu niksbu l-milja tal-barkiet tal-Espjazzjoni tas-Salvatur li jgħinuna niksbu d-destin divin tagħna.

Joseph Smith kien żagħżugħ imsejjaħ minn Alla biex jirrestawra l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u, għal dak il-għan, ġie mogħti s-saċerdozju li użah biex ibierek lill-umanità. Duttrina u Patti 135 issemmi ħafna barkiet li Joseph ta liż-żgħażagħ f’din id-dispensazzjoni. Naqraw: “Wara Ġesù, l-ebda bniedem ieħor li xi darba għex fuq l-art ma għamel daqstant għas-salvazzjoni tal-bnedmin fid-dinja, daqs Joseph Smith. … Huwa ġab il-Ktieb ta’ Mormon fid-dinja … ; bagħat il-milja tal-evanġelju ta’ dejjem … lejn l-erba’ rkejjen tad-dinja; ġab fis-seħħ ir-rivelazzjonijiet u l-kmandamenti li jiffurmaw id-Duttrina u Patti … ; hu ġabar flimkien bosta eluf ta’ Qaddisin tal-Aħħar Żmien, … u ħalla warajh fama u isem li ma jista’ jeqridhom ħadd ” (Doctrine and Covenants 135:3).

Biex aħna nservu b’mod effettiv kif għamel Joseph, jeħtieġ li nikkwalifikaw b’mod den ħalli nużaw il-qawwa tas-saċerdozju tal-Mulej. Waqt li kienu qed jittraduċu l-Ktieb ta’ Mormon, Joseph u Oliver Cowdery riedu jitgħammdu, iżda ma kellhomx l-awtorità biex jagħmlu dan. Fil-15 ta’ Mejju, 1829, huma niżlu għarkupptejhom biex jitolbu u ġie jżurhom Ġwanni l-Battista, li tahom l-imfietaħ u l-awtorità tas-Saċerdozju ta’ Aron, fejn qalilhom, “O qaddejja kollegi tiegħi, f’isem il-Messija jiena nikkonferixxi fuqkom is-Saċerdozju ta’ Aron, li jħaddan fih l-imfietaħ tal-ministeru tal-anġli, u tal-evanġelju tal-indiema, u tal-magħmudija b’immersjoni għall-maħfra tad-dnubiet” (Doctrine and Covenants 13:1).

Aħna ġejna mogħtijin l-opportunità li nimministraw bħall-anġli, li nxandru l-evanġelju fil-kontinenti kollha tad-dinja, u li ngħinu l-erwieħ jersqu lejn Kristu. Dan is-servizz ipoġġina f’ħidma waħda flimkien ma’ Ġwanni l-Battista, Moroni, Joseph Smith, il-President Russell M. Nelson, u qaddejja diliġenti oħra tal-Mulej.

Is-servizz tagħna fis-saċerdozju tiegħu, u permezz ta’ dan l-istess saċerdozju, jiġbor flimkien lil dawk li huma ddedikati biex jimxu wara t-tagħlim tal-Mulej u jgħixu skont l-istess tagħlim b’eżattezza, li jien personalment naf li taf tkun ħaġa diffiċli hekk kif inħabbtu wiċċna mal-isfidi taż-żogħżija. Iżda li ningħaqdu biex inwettqu l-ħidma tiegħu flimkien ma’ dawn il-qaddejja tal-Mulej kollegi tagħna jgħinna nissaħħu kontra t-tentazzjonijiet u l-qerq tal-avversarju. Intom tistgħu tkunu sinjal ta’ dawl għal dawk kollha li mhumiex ċerti minnhom infushom. Id-dawl li hemm fikom jiddi b’tant qawwa li ma’ kull min intom tiltaqgħu jiġi mbierek sempliċiment għax ikun fil-kumpanija tagħkom. Xi kultant jaf ikun diffiċli nagħrfu l-preżenza tal-kollegi spiritwali tagħna, iżda jiena grat li naf li jien membru ta’ kworum fidil tas-saċerdozju, li nista’ naħdem ma’ sħabi tal-kworum biex nersaq aktar viċin ta’ Kristu.

Flimkien ma’ sħabna u l-familja tagħna, l-Ispirtu s-Santu hu l-kollega mill-aktar leali u ta’ min joqgħod fuqu. Iżda sabiex nistiednu s-sħubija kostanti tiegħu, jeħtieġ li aħna npoġġu lilna nfusna f’sitwazzjonijiet u f’postijiet fejn Hu jrid li jkun preżenti. Dan jista’ jibda minn djarna, hekk kif aħna naħdmu biex nagħmluhom post qaddis billi ta’ kuljum nipparteċipaw fl-istudju tal-iskrittura u fit-talb bħala familja u, aktar importanti, meta personalment nistudjaw l-iskrittura u nitolbu weħidna.

Immaġni
Enzo u oħtu
Immaġni
Enzo u l-familja tiegħu

Aktar kmieni din is-sena, jien ġejt mogħti opportunità mill-isbaħ li madankollu daħħlitni f’qoxorti li ngħin lill-oħti ż-żgħira, Oceane, timxi ’l quddiem fit-triq tal-patt billi taċċetta l-istedina li titgħammed u twettaq waħda mill-ħtiġijiet meħtieġa biex tidħol fis-saltna ċelestjali. Hi pposponiet il-magħmudija tagħha b’xahar, sakemm jiena ġejt ordnat qassis, biex tagħtini l-privileġġ li nwettaq l-ordinanza filwaqt li ħutna l-oħra l-bniet ukoll kellhom il-privileġġ li jaħdmu taħt id-direzzjoni tas-saċerdozju u jieqfu bħala xhieda. Hekk kif konna ninsabu weqfin fuq in-naħa opposta tal-fonti, u konna preparati biex nidħlu fl-ilma, jiena stajt ninnota li hi kienet eċċitata daqsi. U jien vera ħassejtni ħaġa waħda magħha kif rajt li hi kienet se tieħu d-deċiżjoni t-tajba. L-opportunità li neżerċita s-saċerdozju kienet teħtieġ minni li jien noqgħod aktar attent u anqas każwali fil-mod li bih ngħix l-evanġelju. Biex nitħejja tajjeb, dik il-ġimgħa jien mort it-tempju kuljum, issapportjat minn ommi, min-nanna, u minn oħti, biex inwettaq il-magħmudiji għall-mejtin.

Din l-esperjenza għallmitni ħafna dwar is-saċerdozju u kif nista’ neżerċitah b’mod den. Jien naf li dawk kollha li jħaddnu s-saċerdozju jistgħu jħossu l-istess ħwejjeġ li jien ħassejt jekk aħna nimxu wara l-eżempju ta’ Nefi li “immorru u nagħmlu” (ara 1 Nephi 3:7). Aħna ma nistgħux nibqgħu bilqiegħda ma nagħmlu xejn u nistennew lill-Mulej jużana fil-ħidma kbira tiegħu. M’għandniex noqogħdu nistennew li dawk li jeħtieġu l-għajnuna tagħna jiġu jfittxuna; hu d-dmir tagħna bħala rġiel li nħaddnu s-saċerdozju li nkunu ta’ eżempju u nieqfu bħala xhieda ta’ Alla. Jekk aħna qed nieħdu deċiżjonijiet li jżommuna milli nibqgħu mexjin bil-progress etern tagħna, jeħtieġ li nwettqu bidla f’ħajjitna issa stess. Satana jipprova jagħmel minn kollox biex iżommna fi stat karnali li nfittxu l-pjaċir sempliċi. Iżda jien naf li jekk aħna nagħmlu sforz, insibu lil dawk li jissapportjawna, u nindmu kuljum, il-barkiet li niksbu b’riżultat ta’ dan ikunu barkiet mill-aktar kbar u ħajjitna tinbidel għal dejjem hekk kif nibqgħu mexjin ’il quddiem fit-triq tagħna tal-patt.

Jien naf li din hi l-vera Knisja ta’ Ġesù Kristu, li hu s-Salvatur tagħna u li ddelega l-imfietaħ tas-saċerdozju lill-Appostli tiegħu, li jużawh biex jiggwidawna, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida, u biex iħejju d-dinja għar-ritorn tiegħu.

Jien naf li Joseph Smith kien il-profeta tar-Restawrazzjoni u li l-President Nelson hu l-profeta ħaj tagħna llum. Jien nistieden lilna lkoll biex nistudjaw il-ħajja ta’ dawn l-irġiel meraviljużi li jħaddnu s-saċerdozju u nfittxu li ntejbu kuljum ħajjitna ħalli nkunu lesti biex niltaqgħu mal-Ħallieq tagħna. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. L-Ewwel Presidenza, f’ Fulfilling My Duty to God (ktejjeb, 2010), 5.

  2. It-tema tal-kworum tas-Saċerdozju ta’ Aron, f’ General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 10.1.2, ChurchofJesusChrist.org.