Konferenza Ġenerali
Il-Barka tar-Rivelazzjoni Kontinwa lill-Profeti u r-Rivelazzjoni Personali biex Tiggwida Ħajjitna
Konferenza Ġenerali April 2020


Il-Barka tar-Rivelazzjoni Kontinwa lill-Profeti u r-Rivelazzjoni Personali biex Tiggwida Ħajjitna

Ir-rivelazzjoni kontinwa ngħatat u qed tingħata permezz tal-mezzi li stabbilixxa l-Mulej.

Illum se nkellimkom dwar ir-rivelazzjoni kontinwa mogħtija lill-profeti u r-rivelazzjoni personali kontinwa biex tiggwida ħajjitna.

Xi kultant aħna nirċievu r-rivelazzjoni anke meta ma nkunux nafu l-għanijiet tal-Mulej. Ftit qabel ma l-Presbiteru Jeffrey R. Holland ġie msejjaħ bħala Appostlu f’Ġunju tal-1994, jiena kelli esperjenza rivelatorja mill-isbaħ li hu kien se jiġi msejjaħ. Jiena kont rappreżentant reġjonali u ma stajt insib l-ebda raġuni għalfejn jiena kelli ningħata dak l-għarfien. Iżda meta konna għadna missjunarji żgħażagħ ġo l-Ingilterra fil-bidu tas-snin 60, aħna konna kollegi ta’ xulxin, u veru kont inħobbu. Jiena kkunsidrajt dik l-esperjenza bħala mument ta’ ħniena mill-aktar tenera. F’dawn l-aħħar snin, jiena staqsejt lili nnifsi jekk il-Mulej kienx qed iħejjini biex inkun il-minuri fit-Tnax għal kollega missjunarju inkredibbli li kien il-kollega minuri tiegħi meta konna missjunarji żgħażagħ.1 Jien xi kultant inwissi lill-missjunarji żgħażagħ biex ikunu ġentili mal-kollega minuri tagħhom għax qatt ma jistgħu jobsru meta hu jispiċċaw bħala l-kollega anzjan tagħhom.

Jien għandi testimonjanza ferma li din il-Knisja rrestawrata hi mmexxija mis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Hu jaf lil min għandu jsejjaħ bħala l-Appostli tiegħu u f’liema ordni jsejħilhom. Hu jaf ukoll kif għandu jħejji lill-Appostlu anzjan tiegħu biex ikun il-profeta u l-President tal-Knisja.

Dalgħodu kienet barka għalina li kellna l-opportunità nisimgħu lill-għażiż profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, iwassal proklamazzjoni biċentinarja mil-aktar profonda lid-dinja dwar ir-Restawrazzjoni tal-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.2 Din id-dikjarazzjoni importanti mill-President Nelson għamlitha ċara li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu taf l-oriġni, l-eżistenza, u d-direzzjoni tagħha għall-ġejjieni lill-prinċipju tar-rivelazzjoni kontinwa. Il-proklamazzjoni l-ġdida tirrappreżenta l-komunikazzjoni ta’ Missier kollu mħabba lil uliedU.

Żmien ilu, il-President Spencer W. Kimball esprima s-sentimenti li jien qed inħoss illum. Hu ddikjara: “Fos il-ħwejjeġ kollha, li … l-aktar li għandna nkunu grati għalihom hu li s-smewwiet verament huma miftuħin u li l-knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu hi mwaqqfa fuq il-blata tar-rivelazzjoni. Ir-rivelazzjoni kontinwa hi verament l-aktar ħaġa vitali fl-evanġelju tal-Mulej u s-Salvatur il-ħaj, Ġesù Kristu.”3

Il-profeta Ħenok ra ż-żmien li fih qegħdin ngħixu. Il-Mulej wera lil Ħenok il-ħażen kbir li kien se jaħkem lid-dinja u hu bassar dwar “it-taħbit il-kbir” li kien se jseħħ. Madankollu, il-Mulej wiegħed, “Iżda jiena se nippreserva lill-poplu tiegħi.”4 “U t-tjieba jiena se nibgħat mis-smewwiet; u l-verità se noħroġ mill-art, biex tixhed dwar l-Iben Uniġenitu tiegħi.”5

Il-President Ezra Taft Benson għallem b’qawwa kbira li l-Ktieb ta’ Mormon, iċ-ċavi ċentrali tar-reliġjon tagħna, inħareġ mill-art biex tiġi fis-seħħ id-dikjarazzjoni li l-Mulej għamel lil Ħenok. Il-Missier u l-Iben u anġli u profeti li dehru lill-Profeta Joseph Smith kienu “mmexxija mis-smewwiet biex jirrestawraw il-qawwiet neċessarji tas-saltna.”6

Il-Profeta Joseph Smith irċieva rivelazzjoni wara l-oħra. Xi wħud ġew indirizzati waqt din il-konferenza. Bosta rivelazzjonijiet li rċieva l-Profeta Joseph ġew ippreservati għalina fid-Duttrina u Patti. Fil-kitbiet kanoniċi tal-Knisja nsibu l-moħħ u r-rieda tal-Mulej għalina f’din l-aħħar dispensazzjoni.7

Minbarra din l-iskrittura fundamentali importanti, aħna mberkin bir-rivelazzjoni kontinwa mogħtija lill-profeti ħajjin. Il-profeti huma “aġenti kkummissjonati tal-Mulej, awtorizzati li jitkellmu f’ismU.”8

Xi rivelazzjonijiet huma ta’ importanza monumentali, u oħrajn isaħħu l-għarfien tagħna dwar il-verità divina essenzjali u jipprovdulna gwida għal żmienna.9

Aħna verament grati għar-rivelazzjoni mogħtija lill-President Spencer W. Kimball li f’Ġunju 1978 estendiet il-barkiet tas-saċerdozju u tat-tempju lil kull membru den maskili tal-Knisja.10

Jiena servejt flimkien ma’ ħafna mit-Tnax li kienu preżenti u pparteċipaw meta ngħatat dik ir-rivelazzjoni. Kull wieħed minnhom, permezz ta’ konverżazzjonijiet personali, ikkonfermaw il-gwida spiritwali qawwija u unifikanti li l-President Kimball u huma esperjenzaw. Ħafna qalu li kienet l-aktar rivelazzjoni qawwija li huma qatt irċevew kemm qabel kif ukoll wara dak iż-żmien.11

Aħna li bħalissa qed inservu fil-Kworum tat-Tnax-il Appostlu fi żmienna ġejna mberkin hekk kif irċevejna rivelazzjonijiet mill-aktar sinifikanti permezz tal-profeti riċenti.12 Il-President Russell M. Nelson kien aġent ikkummissjonat mill-Mulej speċjalment fejn jidħlu rivelazzjonijiet li jgħinu lill-familji jibnu santwarji ta’ fidi fi djarhom, jiġbru flimkien l-ulied imxerrda ta’ Iżrael fuq iż-żewġ naħat tal-velu, u jbierku lill-membri ddotati fi ħwejjeġ relatati mal-ordinanzi sagri tat-tempju.

Meta fil-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 2018 tħabbar tibdil importanti li jbierek djarna, jiena xhedt “li fid-deliberazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewwel Presidenza u tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu ġewwa t-tempju, … wara li l-profeta għażiż tagħna talab lill-Mulej biex jagħtih rivelazzjoni … , aħna lkoll irċevejna konferma mill-aktar qawwija.”13

F’dak iż-żmien, ingħataw rivelazzjonijiet oħra relatati ma’ ordinanzi sagri tat-tempju iżda dawn ma ġewx imħabbra jew implimentati.14 Ingħata bidu għal din il-gwida permezz ta’ rivelazzjoni profetika mogħtija b’mod individwali lill-President Russell M. Nelson u permezz ta’ konferma qawwija u ħelwa lil dawk li ħadu sehem fil-proċess. Il-President Nelson speċifikament involva lis-sisters li jippresedu fuq is-Soċjetà tal-Għajnuna, fuq it-Tfajliet, u fuq l-organizzazzjonijiet tal-Primarja. Il-gwida finali, fit-tempju, lill-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu kienet profondament waħda spiritwali u qawwija. Aħna lkoll konna nafu li konna rċevejna l-moħħ, ir-rieda, u l-leħen tal-Mulej.15

Jien niddikjara bis-solennità kollha li r-rivelazzjoni kontinwa ngħatat u qed tingħata permezz tal-mezzi li stabbilixxa l-Mulej. Jiena nixhed li l-proklamazzjoni l-ġdida l-President Nelson wasslilna dalgħodu hi rivelazzjoni biex tbierek lin-nies kollha.

Aħna Nistiednu lil Kulħadd biex Jiffesteġġja madwar il-Mejda tal-Mulej

Minn qalbna aħna niddikjaraw ukoll ix-xewqa tagħna li nerġgħu ningħaqdu ma’ dawk li jinsabu inċerti mit-testimonjanza tagħhom, li huma anqas attivi, jew li isimhom tneħħa mir-reġistri tal-Knisja. Nixtiequ niffesteġġjaw magħkom “permezz ta’ kliem Kristu” mal-medja tal-Mulej, biex nitgħallmu x’għandna nagħmlu aħna lkoll.16 Aħna għandna bżonnkom! Il-Knisja għandha bżonnkom! Il-Mulej għandu bżonnkom! It-talba sinċiera tagħna hi li intom tingħaqdu magħna u flimkien inqimu lis-Salvatur tad-dinja. Aħna nafu li xi wħud minnkom stajtu esperjenzajtu xi offiża, xi azzjoni ħażina, jew xi mġieba oħra li mhijiex Kristjana. Nafu wkoll li xi wħud qed jesperjenzaw ċerti sfidi fil-fidi tagħhom li mhux dejjem jiġu apprezzati, mifhuma, jew risolti.

Il-fidi ta’ wħud mill-membri tal-azzar l-aktar fidili tagħna wkoll għaddiet minn żmien ta’ sfida. Kemm jogħġobni r-rakkont veru ta’ W.W. Phelps, li abbanduna l-Knisja u xehed kontra l-Profeta Joseph Smith ġewwa qorti f’Missouri. Wara li nidem, huwa kiteb lil Joseph, “Jien naf is-sitwazzjoni tiegħi, inti tafha, u Alla jafha, u jien irrid insalva jekk jgħinuni sħabi.”17 Joseph ħafirlu, reġa’ involvih fil-ħidma, u b’imħabba kitiblu, “Min qabel kien ħabib, fl-aħħar mill-aħħar jerġa’ jsir ħabib.”18

Ħuti, irrispettivament x’inhi s-sitwazzjoni tagħkom, jekk jogħġobkom kunu afu li l-Knisja u l-membri tagħha se jerġgħu jilqgħukom lura!

Rivelazzjoni Personali biex Tiggwida Ħajjitna

Ir-rivelazzjoni personali hi disponibbli għal dawk kollha li b’umiltà jfittxu l-gwida tal-Mulej. Hi importanti daqs rivelazzjoni profetika. Rivelazzjoni spiritwali personali mingħand l-Ispirtu s-Santu wasslet biex miljuni jirċievu t-testimonjanza neċessarja li jitgħammdu u jiġu kkonfermati membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.

Ir-rivelazzjoni personali hija l-barka profonda li nirċievu wara l-magħmudija meta aħna “nitqaddsu permezz tal-għotja tal-Ispirtu s-Santu.”19 Għadni niftakar rivelazzjoni spiritwali speċjali li rċevejt meta kelli 15-il sena. Ħija l-għażiż kien qed ifittex li jikseb il-gwida tal-Mulej dwar kif kellu jwieġeb lill-maħbub missierna, li ma riedx li ħija jservi missjoni. Jiena tlabt ukoll b’intenzjoni sinċiera u rċevejt rivelazzjoni personali dwar il-verità tal-evanġelju.

L-Irwol tal-Ispirtu s-Santu

Ir-rivelazzjoni personali hi bbażata fuq veritajiet spiritwali li nirċievu mill-Ispirtu s-Santu.20 L-Ispirtu s-Santu hu r-rivelatur u x-xhud tal-verità kollha, speċjalment dik relatata mas-Salvatur. Mingħajr l-ispirtu s-Santu, ma nistgħux inkunu nafu li Ġesù hu l-Kristu. L-irwol importanti tiegħu hu li jixhed dwar il-Missier u l-Iben u t-titli tagħhom u l-glorja tagħhom.

L-Ispirtu s-Santu jista’ jinfluwenza lil kulħadd b’mod qawwi.21 Din l-influwenza tibqa’ kostanti biss jekk persuna titgħammed u tirċievi d-don tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu jservi wkoll bħala aġent li jnaddaf fil-proċess tal-indiema u l-maħfra.

L-Ispirtu jikkomunika b’modi meraviljużi. Il-Mulej uża din id-deskrizzjoni sabiħa:

“Jiena nkellimkom f’moħħkom u f’qalbkom, permezz tal-Ispirtu s-Santu, li jinżel fuqkom u jgħammar f’qalbkom.

“U issa, araw, dan hu l-ispirtu tar-rivelazzjoni.”22

Minkejja li l-impatt tiegħu jaf ikun inkredibbilment wieħed qawwi, ħafna drabi jasal għandna bħal żiffa ħelwa.23 L-iskrittura tinkludi bosta eżempji ta’ kif l-Ispirtu jinfluwenza moħħna, fosthom li jwasslilna l-paċi f’moħħna,24 jokkupa moħħna,25 idawwal moħħna,26 u saħansitra jibgħat leħen ġewwa moħħna.27

Xi prinċipji li jħejjuna biex nirċievu r-rivelazzjoni jinkludu:

  • Nitolbu għall-gwida spiritwali. B’qima u b’umiltà jeħtieġ infittxu u nistaqsu28 u nkunu paċenzjużi u sottomessi.29

  • Inħejju għall-ispirazzjoni. Dan jeħtieġ li aħna nkunu f’armonija mat-tagħlim tal-Mulej u nobdu l-kmandamenti tiegħu.

  • Nieħdu sehem fis-sagrament b’mod den. Meta nagħmlu dan, aħna nixhdu u nagħmlu patt ma’ Alla li aħna nieħdu fuqna isem ibnu l-qaddis u li niftakru fih u nħarsu l-kmandamenti miegħu.

Dawn il-prinċipji jħejjuna biex nirċievu, nagħrfu, u nimxu wara s-suġġerimenti u l-gwida tal-Ispirtu s-Santu. Dawn jinkludu “ħwejjeġ paċifiċi … li jwasslu l-ferħ u … l-ħajja eterna.”30

It-tħejjija spiritwali tagħna tissaħħaħ ferm meta aħna nistudjaw regolarment l-iskrittura u l-veritajiet tal-evanġelju u nixtarru f’moħħna l-gwida li nkunu qed infittxu. Iżda ftakru biex tkunu paċenzjużi u tafdaw fl-orarju tal-Mulej. Aħna ningħataw il-gwida mill-Mulej omnixxenti meta Hu “deliberatament jagħżel li jgħallimna.”31

Ir-Rivelazzjoni fis-Sejħiet u l-Assenjazzjonijiet Tagħna

L-Ispirtu s-Santu jipprovdi wkoll ir-rivelazzjoni fis-sejħiet u l-assenjazzjonijiet tagħna. Mill-esperjenza tiegħi, il-gwida spiritwali mill-aktar sinifikanti ħafna drabi niksbuha meta nkunu qed nippruvaw inbierku lil ħaddieħor waqt li nwettqu r-responsabbiltajiet tagħna.

Niftakar meta kont għadni isqof żagħżugħ kont irċevejt telefonata urġenti minn koppja miżżewġa ftit qabel ma kont se naqbad ajruplan minħabba xogħol. Qabel huma waslu ħdejja tlabt lill-Mulej biex inkun naf kif stajt inberikhom. Ġiet żvelata lili n-natura tal-problema tagħhom u kif jien kelli nweġibhom. Dik il-gwida rivelatorja tatni ċ-ċans li nwettaq ir-responsabbiltajiet sagri tas-sejħa tiegħi bħala isqof minkejja l-ħin veru limitat li kelli. Isqfijiet minn madwar id-dinja jaqsmu miegħi wkoll esperjenzi simili. Bħala president tal-wited, jien mhux biss irċevejt rivelazzjoni importanti iżda wkoll irċevejt korrezzjoni personali li kienet neċessarja biex inwettaq l-għanijiet tal-Mulej.

Nassigurakom li lkoll kemm aħna nistgħu nirċievu l-gwida rivelatorja hekk kif b’umiltà naħdmu fl-għalqa tal-Mulej. Il-gwida li nirċievu tiġi ħafna drabi mill-Ispirtu s-Santu. Xi kultant u minħabba ċerti għanijiet, tiġi direttament mingħand il-Mulej. Jiena personalment nixhed li dan hu veru. Il-gwida f’isem il-Knisja, b’mod inġenerali, tasal għand il-President u l-profeta tal-Knisja.

Aħna, bħala Appostli ta’ żmienna, għandna l-privileġġ li naħdmu u nivvjaġġaw flimkien mal-profeta kurrenti tagħna, il-President Nelson. Nipparafraża dak li Wilford Woodruff qal dwar il-Profeta Joseph Smith; dan japplika bl-istess mod għall-President Nelson. Jiena rajt “il-ħidma tal-Ispirtu ta’ Alla preżenti miegħu, u r-rivelazzjonijiet ta’ Ġesù Kristu jingħataw lilu u rajt ukoll it-twettiq ta’ dawk ir-rivelazzjonijiet.”32

It-talba umli tiegħi llum hi li kull wieħed u waħda minna nfittxu r-rivelazzjoni kontinwa li tiggwida ħajjitna u nimxu wara l-Ispirtu hekk kif inqimu lill-Alla l-Missier f’isem is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, li dwaru jiena nixhed f’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Fl-1960 meta l-età għas-servizz missjunarju għall-ġuvintur kienet niżlet minn 20 għal 19-il sena, jiena kont wieħed minn tal-aħħar grupp ta’ 20 sena; il-Presbiteru Jeffrey R. Holland kienet wieħed minn tal-ewwel ta’ 19-il sena.

  2. Ara “Ir-Restawrazzjoni tal-Milja tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu: Proklamazzjoni Biċentinarja lid-Dinja,” f’Russell M. Nelson, “Hear Him,” Liahona, Mejju 2020, 91. Din il-proklamazzjoni tingħaqad ma’ ħamsa oħra li ngħataw f’din id-dispensazzjoni mill-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu.

  3. Teachings of Presidents of the Church: Spencer W. Kimball (2006), 243; ara wkoll Mattew 16:13–19.

  4. Moses 7:61.

  5. Moses 7:62. Il-Mulej kompla, “U t-tjieba u l-verità jiena nwassal biex jgħaddu minn fuq id-dinja bħal dilluvju, biex jiġbru flimkien lill-magħżulin tiegħi mill-erba’ rkejjen tad-dinja” (Moses 7:62; ara wkoll Salm 85:11).

  6. Ezra Taft Benson, “The Gift of Modern Revelation,” Ensign, Nov. 1986, 80.

  7. Arae Ezra Taft Benson, “The Gift of Modern Revelation,” 80.

  8. Hugh B. Brown, “Joseph Smith among the Prophets” (Is-Sittax-il Ċerimonja Annwali b’Tifkira ta’ Joseph Smith, Istitut tar-Reliġjon ta’ Logan, 7 ta’ Diċ., 1958), 7.

  9. Ara Hugh B. Brown, “Joseph Smith among the Prophets,” 7. F’kull każ, ir-rivelazzjonijiet huma f’armonija mal-kelma ta’ Alla mogħtija lill-profeti ta’ qabel.

  10. Ara Official Declaration 2; ara wkoll 2 Nephi 26:33. Ir-rivelazzjoni implimentata fid-duttrina msemmija fil-Ktieb ta’ Mormon li “kulħadd l-istess għal Alla,” inkluż min hu “iswed u abjad, ilsir u ħieles, raġel u mara” (2 Nephi 26:33). Din ir-rivelazzjoni meraviljuża ngħatat u ġiet ikkonfermata fil-kamra sagra ta’ fuq tat-Tempju ta’ Salt Lake mill-Kunsill tal-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu.

  11. Ħafna mill-Appostli indikaw li r-rivelazzjoni tant kienet waħda qawwija u sagra li kwalunkwe kliem biex jiddiskriviha ma kien suffiċjenti, anzi, pjuttost, seta’ jwassal biex inaqqas min-natura profonda u setgħana tar-rivelazzjoni.

  12. Ara “The Family: A Proclamation to the World,” Liahona, Mejju 2017, 145. Din il-proklamazzjoni tħabbret mill-President Gordon B. Hinckley waqt il-laqgħa ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna li saret fit-23 ta’ Settembru, 1995, fil-Belt ta’ Salt Lake, Utah. Ara wkoll Thomas S. Monson, “Welcome to Conference,” Liahona, Nov. 2012, 4–5. Il-President Monson ħabbar li l-età għas-servizz missjunarju kienet se tonqos.

  13. Quentin L. Cook, “Konverżjoni Profonda u Dejjiema lejn Missierna tas-Smewwiet u Sidna Ġesù Kristu,” Liahona, Nov. 2018, 811.

  14. Ir-rivelazzjonijiet relatati mal-ordinanzi sagri tat-tempju kienu implimentati fit-tempji kollha mill-1 ta’ Jannar, 2019. Hu importanti nifhmu li d-dettalji speċifiċi dwar l-ordinanzi tat-tempju jiġu diskussi biss fit-tempju. Madankollu, il-prinċipji jistgħu jiġu mgħallmin. Il-Presbiteru David A. Bednar għallem b’mod veru sabiħ dwar is-sinifikat tal-patti u l-ordinanzi tat-tempju u kif permezz tagħhom “il-qawwa tad-divinità tkun tista’ tippenetra ħajjitna” (“Araw Li Din id-Dar Tinbena lil Ismi,” Liahona, Mejju 2020, 86).

  15. Dan il-proċess u l-laqgħat li għamilna saru fit-Tempju ta’ Salt Lake f’Jannar, fi Frar, f’Marzu, u f’April tal-2018. L-aħħar rivelazzjoni lill-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax ngħatat fis-26 ta’ April, 2018.

  16. Ara 2 Nephi 32:3.

  17. Saints: The Story of the Church of Jesus Christ in the Latter Days, vol. 1, The Standard of Truth, 1815–1846 (2018), 418.

  18. Saints, 1:418.

  19. 3 Nephi 27:20.

  20. L-Ispirtu s-Santu hu membru tad-Divinità (ara 1 Ġwanni 5:7; Doctrine and Covenants 20:28). Hu għandu ġisem ta’ spirtu, forma u xbieha ta’ bniedem (ara Doctrine and Covenants 130:22). L-influwenza tiegħu tinsab kullimkien. Hu ħaġa waħda fil-għan ma’ Missierna tas-Smewwiet u ma’ Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna.

  21. Għal għarfien komprensiv dwar id-Dawl ta’ Kristu u d-differenza bejn id-Dawl ta’ Kristu u l-Ispirtu s-Santu, ara 2 Nephi 32; Doctrine and Covenants 88:7, 11–13; “Light of Christ,” Dizzjunarju tal-Bibbja. Ara wkoll Boyd K. Packer, “The Light of Christ,” Liahona, Apr. 2005, 8–14.

  22. Doctrine and Covenants 8:2–3.

  23. Ara Helaman 5:30; Doctrine and Covenants 85:6.

  24. Ara Doctrine and Covenants 6:23.

  25. Ara Doctrine and Covenants 128:1.

  26. Ara Doctrine and Covenants 11:13.

  27. Ara Enos 1:10.

  28. Ara Mattew 7:7–8.

  29. Ara Mosiah 3:19.

  30. Doctrine and Covenants 42:61.

  31. Neal A. Maxwell, All These Things Shall Give Thee Experience (2007), 31.

  32. Wilford Woodruff, f’ Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 283.