Konferenza Ġenerali
Huwa Jimxi Quddiemna
Konferenza Ġenerali April 2020


Huwa Jimxi Quddiemna

Il-Mulej qed imexxi r-Restawrazzjoni tal-evanġelju Tiegħu u l-Knisja Tiegħu. Huwa jaf perfettament il-ġejjieni. Huwa jistedinkom għall-ħidma.

Għeżież ħuti, jiena grat li ninsab magħkom f’din il-konferenza ġenerali tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Fl-istedina tiegħu biex nirriflettu fuq il-mod kif il-Mulej permezz tar-Restawrazzjoni tal-Knisja tiegħu f’din l-aħħar dispensazzjoni bierek lilna u lill-maħbubin tagħna, il-President Russell M. Nelson wiegħed li l-esperjenza tagħna mhux biss se tkun waħda memorabbli, iżda li ma tintesiex.

L-esperjenza tiegħi kienet waħda memorabbli, kif jien ċert li kienet tagħkom. Jekk tkunx waħda li ma tintesiex jiddependi minn kull wieħed u waħda minna. Għalija din hi ħaġa sinifikanti peress li l-esperjenza li nipprepara għal din il-konferenza biddlitni b’tali mod li nixtieq li dan is-sentiment jibqa’ jgħammar fija. Ippermettuli nispjega ruħi.

It-tħejjija tiegħi wasslitni biex naqra dwar avveniment partikolari fir-Restawrazzjoni. Jiena qrajt dwar dik il-ġrajja diversi drabi qabel, iżda għalija minn dejjem kien rapport dwar laqgħa importanti li kienet tinvolvi lil Joseph Smith, il-profeta tar-Restawrazzjoni. Iżda din id-darba, jiena f’dan ir-rakkont rajt kif il-Mulej imexxi lilna, id-dixxipli Tiegħu, fil-Knisja tiegħu. Rajt xi jfisser għalina, in-nies mortali, li niġu mmexxija mis-Salvatur tad-dinja, il-Ħallieq—li jaf kollox, il-passat, il-preżent, u l-futur. Huwa, pass pass, jgħallimna u jiggwidana, filwaqt li qatt ma jisfurzana.

Il-laqgħa li jien qed niddeskrivi kienet mument kruċjali fir-Restawrazzjoni. Kienet laqgħa f’jum il-Mulej li saret fit-3 ta’ April, 1836, fit-Tempju ta’ Kirtland f’Ohio, sebat ijiem wara li ġie ddedikat. Joseph Smith iddeskriva dan il-mument importanti fl-istorja tad-dinja b’mod sempliċi. Parti kbira mir-rakkont tiegħu insibuha f’Duttrina u Patti sezzjoni 110:

“Fil-ħin ta’ wara nofsinhar, jiena għint lill-Presidenti l-oħra jqassmu l-Ikla tal-Mulej lill-membri tal-Knisja, fejn irċevewha mingħand it-Tnax, li kellhom il-privileġġ li dakinhar ibierku s-sagrament. Wara li wettaqt dan is-servizz għal ħuti, jiena erġajt mort fejn kien hemm il-pulptu, wara li tniżżel il-velu, u nżilt għarkupptejja flimkien ma’ Oliver Cowdery, u tlabna talba siekta u solenni. Wara li qomna mit-talba, it-tnejn li aħna rajna quddiem għajnejna din id-dehra li ġejja.”1

“Il-velu ttieħed minn quddiem moħħna, u l-għajnejn tal-għarfien tagħna nfetħu.

“Aħna rajna lill-Mulej wieqaf fuq il-balavustrat tal-pulptu, quddiemna; u taħt riġlejh kien hemm blokka deheb pur, li l-kulur tagħha kien qisu ambra.

Għajnejh kienu qishom fjamma nar; ix-xagħar ta’ rasu kien abjad bħas-silġ verġni; il-dehra ta’ wiċċu kienet tiddi aktar mid-dija tax-xemx; u leħnu kien jixbah il-ħoss tat-tgargir tal-ilmijiet qawwija, sewwasew il-leħen ta’ Jaħweh, jgħid:

“Jiena l-ewwel u l-aħħar, jiena dak li ngħix, jiena dak li ġie maqtul; jiena l-avukat tagħkom mal-Missier.

“Araw, dnubietkom huma maħfura; intom indaf quddiemi; għalhekk, għollu raskom u ifirħu.

“Ħalli l-qlub ta’ ħutkom jifirħu, u ħallu lill-qlub tal-poplu kollu tiegħi jifirħu, dawk li, bl-enerġija kollha tagħhom, bnew din id-dar għal ismi.

“Għax araw, jiena aċċettajt din id-dar, u ismi se jkun hawn; u jien se nuri lili nnifsi fil-ħniena lill-poplu tiegħi f’din id-dar.

“Iva, jiena se nuri lili nnfisi lill-qaddejja tiegħi, u se nkellimhom permezz ta’ leħni, jekk il-poplu tiegħi jżomm il-kmandamenti tiegħi, u ma jniġġisx din id-dar qaddisa.

“Iva l-qlub ta’ eluf u ta’ għexieren ta’ eluf se jifirħu bil-kbir b’konsegwenza tal-barkiet li se jinxteħtu fuqhom, u d-dota li biha l-qaddejja tiegħi ġew iddotati f’din id-dar.

“U l-fama ta’ din id-dar se tinfirex sa artijiet barranin; u dan huwa l-bidu tal-barka li se tinxteħet fuq ras il-poplu tiegħi. Hekk għandu jkun. Ammen.

“Wara li ntemmen din il-viżjoni, is-smewwiet reġgħu nfetħu għalina; u Mosè deher quddiemna, u fdalna f’idejna l-imfietaħ tal-ġabra ta’ Iżrael mill-erba’ naħat tad-dinja, u t-tmexxija tal-għaxar tribujiet mill-art tat-tramuntana.

“Wara dan deher Elijas, u fdalna f’idejna d-dispensazzjoni tal-evanġelju ta’ Abraham, u qalilna li fina u fin-nisel tagħna l-ġenerazzjonijiet kollha ta’ warajna se jkunu mberkin.

“Wara li ntemmet din il-viżjoni, fil-pront rajna quddiemna viżjoni oħra mill-aktar kbira u glorjuża; fejn Elija l-profeta, li ttieħed fis-sema mingħajr ma daq il-mewt, deher quddiemna, u qal:

“Araw, iż-żmien mistenni wasal, li tkellem dwaru Malakija—li xehed li hu [Elija] għandu jintbagħat, qabel jum il-Mulej u jum il-biża’—

“Biex indawwar il-qlub tal-missirijiet lejn l-ulied, u l-ulied lejn il-missirijiet, ma tmurx l-art kollha tinqered—

“Għalhekk, l-imfietaħ ta’ din id-dispensazzjoni ġew fdati f’idejkom; u permezz t’hekk intom tistgħu tkunu tafu li jum il-Mulej u jum il-biża’ jinsab viċin, sewwasew wara l-għatba.”2

Issa jien dan ir-rakkont qrajtu diversi drabi qabel. L-Ispirtu s-Santu kkonferma miegħi li r-rakkont huwa vera. Iżda hekk kif jiena studjajt u ppreparajt għal din il-konferenza, jiena stajt nara b’aktar ċarezza l-qawwa tal-Mulej biex imexxi lid-dixxipli tiegħu bid-dettall fil-ħidma tiegħu.

Seba’ snin qabel Mosè fada f’idejn Joseph l-imfietaħ tal-ġabra ta’ Iżrael fit-Tempju ta’ Kirtland, “Joseph tgħallem mill- paġna tat-titlu tal-Ktieb ta’ Mormon li l-għan tiegħu kien li ‘juri lill-bqija tad-dar ta’ Iżrael … li huma jistgħu jkunu jafu l-patti tal-Mulej, biex huma ma jitwarrbux għal dejjem.’ Fl-1831, il-Mulej qal lil Joseph li l-ġabra ta’ Iżrael kienet se tibda ġewwa Kirtland, ‘U minn hemm [Kirtland], kull min se jintbagħat ħa jmur fost il-ġnus … biex Iżrael jiġi meħlus, u jiena se nkun qed immexxihom.’”3

Minkejja li l-ħidma missjunarja kienet meħtieġa għall-ġabra ta’ Iżrael, il-Mulej ispira lill-mexxejja tiegħu biex jgħallmu lit-Tnax, li saru fost l-ewwel missjunarji tagħna tal-ewwel żminijiet, “Ftakru, intom m’għandkomx tmorru fi ġnus oħra, qabel mal-ewwel tirċievu d-dota tagħkom.”4

Jidher li t-Tempju ta’ Kirtland kien importanti għall-pjan pass pass tal-Mulej għallinqas għal żewġ raġunijiet: L-ewwel, Mosè stenna sakemm it-tempju kien lest biex jirrestawra l-imfietaħ tal-ġabra ta’ Iżrael. U t-tieni, il-President Joseph Fielding Smith għallem li “il-Mulej talab lill-Qaddisin biex jibnu tempju [it-Tempju ta’ Kirtland] li fih hu jkun jista’ jiżvela l-imfietaħ tal-awtorità u fejn l-appostli jkunu jistgħu jiġu ddotati u mħejjija biex jiżbru d-dwieli tiegħu għall-aħħar darba.”5 Minkejja li d-dota tat-tempju kif nafuha llum ma kenitx ġiet amministrata fit-Tempju ta’ Kirtland, bit-twettiq tal-profezija, l-ordinanzi preparatorji tat-tempju bdew jiġu introdotti hemmhekk, flimkien ma’ nixxiegħa ta’ manifestazzjonijiet spiritwali li armaw lil dawk imsejħin fuq missjonijiet bid-dota mwiegħda ta’ “qawwa mill-għoli”6 li wasslet għal ġabra kbira permezz tas-servizz missjunarju.

Wara li l-imfietaħ tal-ġabra ta’ Iżrael ġew fdati f’idejn Joseph, il-Mulej ispira lill-Profeta biex jibgħat lill-membri tat-Tnax fuq missjonijiet. Hekk kif bdejt nistudja, bdejt nara b’ċarezza li l-Mulej kien ħejja bid-dettall it-triq għat-Tnax biex huma jmorru fuq missjonijiet barra l-pajjiż fejn in-nies kienu ġew imħejjija biex jemmnuhom u jsostnuhom. Maż-żmien, permezz tagħhom, eluf waslu biex jinġabu fil-Knisja rrestawrata tal-Mulej.

Skont ir-reġistri tagħna, huwa kkalkulat li bejn 7,500 u 8,000 ġew mgħammdin waqt iż-żewġ missjonijiet tat-Tnax fil-Gżejjer Brittaniċi. Dan ħejja l-pedament għall-ħidma missjunarja fl-Ewropa. Sal-aħħar tas-seklu 19 madwar 90,000 ruħ inġabru lejn l-Amerika bil-biċċa l-kbira minnhom ġejjin mill-Gżejjer Brittaniċi u l-Iskandinavja.7 Il-Mulej ispira lil Joseph u lil dawk il-missjunarji fidili li marru għal din il-ħidma biex jiksbu ħsad li, għal dak iż-żmien, żgur kien jidher ferm akbar mill-abbiltà tagħhom. Iżda l-Mulej, bil-viżjoni perfetta u t-tħejjija tiegħu, għamel dan kollu possibbli.

Tiftakru intom il-lingwaġġ apparentament sempliċi u kważi poetiku li hemm f’sezzjoni 110 tad-Duttrina u Patti:

“Araw, iż-żmien mistenni wasal, li tkellem dwaru Malakija—li xehed li hu [Elija] għandu jintbagħat, qabel jum il-Mulej u jum il-biża’—

“Biex indawwar il-qlub tal-missirijiet lejn l-ulied, u l-ulied lejn il-missirijiet, ma tmurx l-art kollha tinqered—

“Għalhekk, l-imfietaħ ta’ din id-dispensazzjoni ġew fdati f’idejkom; u permezz t’hekk intom tistgħu tkunu tafu li jum il-Mulej u jum il-biża’ jinsab viċin, sewwasew wara l-għatba.”8

Jiena nixhed li l-Mulej ra sew fil-futur u li Huwa jinsab imexxina biex ngħinuH iwettaq l-għanijiet tiegħu fl-aħħar żminijiet.

Meta bosta snin ilu jiena kont qed inservi fil-Veskovat li Jippresedi, jiena kont ġejt mitlub nissorvelja l-grupp tad-disinn u l-iżvilupp li ħoloq dik li tajnieha l-isem ta’ FamilySearch. Jiena qed noqgħod attent li ngħid li jien “issorveljajt” il-ħolqien tiegħu, u mhux ngħid “mexxejt.” Ħafna nies brillanti ħallew warajhom karrieri u ġew biex jibnu dak li ried il-Mulej.

L-għan tal-Ewwel Presidenza kienet li tnaqqas li jkun hemm ordinanzi doppji. It-tħassib ewlieni tagħhom kien li veru kien diffiċli li aħna nkunu jaf jekk l-ordinanzi ta’ persuna kinux diġà twettqu. Għal numru ta’ snin—jew dehru li kienu snin—il-membri tal-Ewwel Presidenza spiss kienu jistaqsuni, “Meta se tlesti?”

Bit-talb, bid-diliġenza, u bis-sagrifiċċju personali ta’ nies b’abbiltà kbira, din il-ħidma fl-aħħar twettqet. Kollox seħħ pass, pass. L-ewwel biċċa xogħol kienet li FamilySearch nagħmluha b’tali mod li wieħed faċli jużaha, għal dawk li ma kinux komdi wisq quddiem il-kompjuter. Sar aktar tibdil, u naf li se jkompli jkun hemm aktar tibdil, għaliex kull meta aħna jirnexxielna nsolvu problema ispirata waħda, aħna nkunu qed niftħu l-bieb għal aktar rivelazzjoni għal avvanzi li huma għallinqas importanti daqsha iżda li nkunu għadna ma skoprejnihomx. Anke illum FamilySearch qed isir dak li l-Mulej jeħtieġ għal parti mir-Restawrazzjoni tiegħu—u mhux biss biex nevitaw li jkollna ordinanzi doppji.

Il-Mulej tana ċ-ċans li ngħinu lin-nies jiksbu sentimenti ta’ familjarità u saħansitra mħabba lejn l-antenati tagħhom, u jwettqu l-ordinanzi tagħhom tat-tempju. Issa, kif il-Mulej żgur kien jaf li se jiġri, iż-żgħażagħ qed isiru dawk li jiggwidaw lill-ġenituri tagħhom u lill-membri tal-qasam tagħhom. Kollha kemm huma sabu ferħ kbir f’dan is-servizz.

L-ispirtu ta’ Elija qed jibdel il-qlub taż-żgħar u tal-kbar, tat-tfal u tal-ġenituri, tan-neputijiet u tan-nanniet. It-tempji dalwaqt jerġgħu jibdew jiskedaw b’ferħ diversi opportunitajiet ta’ magħmudija u ordinanzi sagri oħra. Ix-xewqa li nservu lill-antenati tagħna u r-rabta tal-ġenituri u l-ulied qed tikber.

Il-Mulej dan kollu rah minn qabel. Huwa ħejja għal dan, pass pass, l-istess kif Huwa għamel f’ċertu tibdil ieħor fil-Knisja tiegħu. Huwa qajjem u ħejja nies fidili li jagħżlu li jwettqu b’mod tajjeb affarijiet diffiċli. Huwa dejjem kien paċenzjuż biex b’imħabba jgħinna nitgħallmu “linja wara linja, preċett wara preċett, ftit minn hawn u ftit minn hemm.”9 Hu kostanti fl-orarju u fis-segwenza tal-intenzjoni tiegħu, madankollu Hu jiżgura li s-sagrifiċċju ħafna drabi jwasslilna barkiet kontinwi li ma nkunux indunajna bihom qabel.

Se nagħlaq billi nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn il-Mulej—Hu li ispira lill-President Nelson biex jistedinni biex nagħmel sagrifiċċju sabiex inħejji għal din il-konferenza. Kull siegħa u kull talba waqt it-tħejjija tiegħi ġabuli barka.

Jiena nistieden lilkom kollha li tisimgħu dan il-messaġġ jew taqraw dan il-kliem biex ikollkom fidi li l-Mulej qiegħed imexxi r-Restawrazzjoni tal-evanġelju tiegħu u l-Knisja tiegħu. Huwa jimxi quddiemna Huwa jaf perfettament il-ġejjieni. Huwa jistedinkom għall-ħidma. Huwa jingħaqad magħkom fiha. Huwa għandu mfassal pjan għas-servizz tagħkom. U anke waqt li intom tagħmlu sagrifiċċju, intom tħossu l-ferħ hekk kif tgħinu lil ħaddieħor iqum, sabiex ikun lest għall-miġja tiegħu.

Jiena nixhed magħkom li Alla l-Missier jgħix. Ġesù hu l-Kristu. Din hi l-Knisja tiegħu. Huwa jafkom u jħobbkom. Huwa jiggwidakom. Huwa ħejja t-triq għalikom. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.