Konferenza Ġenerali
Naqsmu l-Messaġġ tar-Restawrazzjoni u l-Qawmien mill-Imwiet ma’ Ħaddieħor
Konferenza Ġenerali April 2020


Naqsmu l-Messaġġ tar-Restawrazzjoni u l-Qawmien mill-Imwiet ma’ Ħaddieħor

Ir-Restawrazzjoni tappartjeni lid-dinja kollha. U l-messaġġ tagħha hu urġenti speċjalment illum.

Waqt din il-konferenza ġenerali aħna tkellimna u kantajna b’ferħ dwar li jiġi fis-seħħ it-“tiġdid kollu,” li ilu mbassar minn żmien imbiegħed1 dwar li “jinġabar kollox taħt ras waħda, li hu Kristu,”2 dwar ir-ritorn tal-milja tal-evanġelju, tas-saċerdozju, u tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu fid-dinja, li lkoll kemm huma ninkluduhom fit-titlu “ir-Restawrazzjoni.”

Iżda r-Restawrazzjoni mhijiex biss għal dawk fostna li qed jifirħu biha llum. Ir-rivelazzjonijiet tal-Ewwel Viżjoni ma kinux biss għal Joseph Smith iżda ġew offruti bħala dawl u verità għal kull min “jonqsu l-għerf.”3 Il-Ktieb ta’ Mormon huwa l-possessjoni tal-umanità. L-ordinanzi saċerdotali tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni ġew imħejjija għal kull individwu, inkluż dawk li m’għadhomx jgħammru f’din il-ħajja mortali. Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien u l-barkiet tagħha huma intenzjonati għal dawk kollha li jriduhom. Id-don tal-Ispirtu s-Santu hu intenzjonat għal kulħadd. Ir-Restawrazzjoni tappartjeni lid-dinja kollha. U l-messaġġ tagħha hu urġenti speċjalment illum.

“Għalhekk, kemm hi kbira l-importanza li dawn il-ħwejjeġ inxandruhom mal-abitanti tad-dinja, ħalli huma jkunu jafu li l-ebda bniedem ma jista’ jgħammar fil-preżenza ta’ Alla, ħlief permezz tal-merti, u l-ħniena, u l-grazzja tal-Messija Mqaddes, li se jagħti ħajtu skont il-ġisem, u se jerġa’ jqum bil-qawwa tal-Ispirtu, sabiex huwa jġib fis-seħħ il-qawmien mill-imwiet tal-mejtin.”4

Mill-jum li fih Samuel Smith, ħu l-Profeta, mela l-barżakka tiegħu b’kopji stampati friski tal-Ktieb ta’ Mormon u telaq bil-mixi biex jaqsam l-iskrittura l-ġdida ma’ ħaddieħor, il-Qaddisin ħadmu bla heda “biex jgħarrfu lill-abitanti tad-dinja b’dawn il-ħwejjeġ.”

Fl-1920, dak li dak iż-żmien kien il-Presbiteru David O. McKay tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, telaq fuq vjaġġ ta’ sena jdur il-missjonijiet tal-Knisja. F’Mejju 1921, huwa kien wieqaf ġo ċimiterju żgħir ġewwa Fagali‘i, fis-Samoa, quddiem l-oqbra miżjuma verament tajjeb ta’ tlett itfal żgħar, it-tifla u ż-żewġ subien ta’ Thomas u Sarah Hilton. Dawn it-tfal ċkejknin—l-akbar fosthom kellu biss sentejn—mietu fiż-żmien meta Thomas u Sarah kienu qed iservu bħala koppja missjunarja żagħżugħa fl-aħħar tas-seklu dsatax.

Qabel telaq minn Utah, il-Presbiteru McKay wiegħed lil Sarah, li issa kienet spiċċat armla, li huwa kien se jmur iżur l-oqbra ta’ wliedha fis-Samoa peress li hi qatt ma kellha l-opportunita li tirritorna lura hemmhekk. Il-Presbiteru McKay kitbilha lura, “It-tlett itfal ċkejknin tiegħek, Sister Hilton, f’silenzju mill-aktar elokwenti … qed ikomplu bil-ħidma missjunarja nobbli tagħkom li bdiet kważi tletin sena ilu.” Imbagħad huwa żied vers minsuġ minnu stess:

B’idejn kollha mħabba għajnejhom ingħalqu,

B’idejn kollha mħabba riġlejhom ċkejknin tmiddew,

B’idejn stranġieri l-oqbra sempliċi tagħhom iżżejnu,

Minn stranġieri huma onorati, u minn stranġieri mibkija.5

Din l-istorja hija waħda fost eluf, mijiet ta’ eluf, li titkellem dwar iż-żmien, it-teżor, u l-ħajjiet li ġew issagrifikati tul dawn l-aħħar 200 sena biex jixxandar il-messaġġ tar-Restawrazzjoni. Il-qawwa tal-aspirazzjoni tagħna li nilħqu lil kull ġens, razza, ilsien, u poplu llum ma naqsitx hekk kif jixhdu għexieren ta’ eluf ta’ żgħażagħ u koppji li bħalissa jinsabu jservu s-sejħa tagħhom full-time; kif ukoll il-membri tal-Knisja b’mod ġenerali li jtennu l-istedina ta’ Filippu ‘ejja u ara’;6 u l-miljuni ta’ dollari li jintefqu kull sena biex isostnu dan l-isforz madwar id-dinja.

Filwaqt li aħna ma nisfurzaw lil ħadd fl-istediniet tagħna, nittamaw li n-nies jitqanqlu permezz tal-istedina tagħna. Biex dan iseħħ, jien nemmen li neħtieġu tal-anqas tlett affarijiet: l-ewwel, l-imħabba tagħkom; it-tieni, l-eżempju tagħkom; u t-tielet, l-użu tagħkom tal-Ktieb ta’ Mormon.

L-istediniet tagħna ma jistgħux ikunu xi ħaġa ta’ interess personali; pjuttost, għandhom ikunu espressjoni ta’ mħabba altruwista.7 Din l-imħabba, magħrufa bħala karità, l-imħabba safja ta’ Kristu, jeħtieġ biss li nitolbu għaliha. Aħna mistednin, anke mitlubin, biex “nitolbu lill-Missier bil-qawwa kollha ta’ qalbna, sabiex inkunu mimlijin b’din l-imħabba.”8

Bħala eżempju, jiena se naqsam magħkom esperjenza li tkellmet dwarha Sister Lanett Ho Ching, li bħalissa qed isservi ma’ żewġha, il-President Francis Ho Ching, li jippresedi fuq il-Missjoni ta’ Apia, fis-Samoa. Sister Ho Ching tgħid:

“Snin ilu, fl-ewwel snin tal-ħajja miżżewġa tagħna, aħna morna ngħixu bħala familja f’dar ċkejkna ġewwa Laie, fil-Hawaii. It-tinda magħmula għal karozza li kien hemm mad-dar tagħna ġiet ikkonvertita f’appartament żgħir li fih kien jgħix raġel jismu Jonathan. Jonathan kien il-ġar tagħna f’post ieħor. Peress li ħassejna li ma kenitx kumbinazzjoni li l-Mulej poġġiena ħdejn xulxin, aħna ddeċidejna li nkunu aktar diretti miegħu dwar l-attivitajiet u s-sħubija tagħna fil-Knisja. Jonathan ħa gost bil-ħbiberija tagħna u kien jieħu pjaċir iqatta’ ħin mal-familja tagħna. Hu kien jieħu gost jitgħallem dwar l-evanġelju, iżda ma kienx interessat li jikkommetti ruħu biex jiġi l-Knisja.

“Maż-żmien, it-tfal tagħna lil Jonathan spiċċaw jgħajtulu ‘Ziju Jonathan.’ Hekk kif il-familja tagħna kompliet tikber, beda jikber ukoll l-interess ta’ Jonathan f’dak li kien jirrigwarda lilna. L-istedniet tagħna għal riċevimenti waqt xi festa jew f’għeluq snina u għal avvenimenti tal-iskola, u attivitajiet tal-Knisja estendejniehom għal-lejliet id-dar mal-familja u l-magħmudijiet tat-tfal.

“Darba waħda rċevejt telefonata mingħand Jonathan. Huwa kellu bżonn l-għajnuna. Huwa kien ibati mid-dijabete u kienet żviluppatlu infezzjoni severa f’siequ u kien hemm bżonn jaqtgħuhielu. Il-familja tagħna u l-membri tal-qasam li kienu joqogħdu viċin tagħna bqajna viċin tiegħu f’dan iż-żmien ta’ prova. Xi ħadd minna dejjem kien jibqa’ miegħu l-ispar, u ġew ukoll offruti lilu barkiet tas-saċerdozju. Meta Jonathan kien jinsab rikoverat lil hinn mid-dar, bl-għajnuna tal-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna, aħna naddafna l-appartament tiegħu. L-aħwa tas-saċerdozju bnewlu rampa mal-bieb tad-dar tiegħu u fil-kamra tal-banju poġġewlu rejling biex ikun jista’ jżomm miegħu. Meta Jonathan reġa’ lura d-dar, hu ħassu verament kommoss.

“Jonathan reġa’ beda jieħu l-lezzjonijiet missjunarji. Il-ġimgħa ta’ qabel l-Ewwel tas-Sena, hu ċempilli u staqsieni, ‘Xi pjanijiet għandkom għal-Lejliet l-Ewwel tas-Sena?” Jiena fakkartu dwar ir-riċeviment li nagħmlu kull sena. Iżda minflok, huwa wieġeb, ‘Irridkom tiġu għall-magħmudija tiegħi! Irrid li dis-sena nibdieha tajjeb.’ Wara 20 sena ta’ ‘ejja u ara,’ ‘ejja u għin,’ u ‘ejja u ibqa’, din ir-ruħ prezzjuża kienet lesta biex titgħammed.

“Fl-2018, meta aħna ġejna msejħin biex inkunu l-president u s-sieħba tal-missjoni, is-saħħa ta’ Jonathan bdiet tbatti. Aħna tlabnieh jibqa’ b’saħħtu sakemm nerġgħu lura. Huwa dam jikkumbatti kważi sena, iżda l-Mulej kien qed jippreparah biex imur lura d-dar. Huwa miet fil-paċi f’April 2019. Uliedi l-bniet attendew il-funeral taz- ‘Ziju Jonathan’ u kantaw l-istess għanja li kantajna fil-magħmudija tiegħu.

Jiena se nintroduċi t-tieni ħtieġa kif nistgħu naqsmu b’suċċess ma’ ħaddieħor il-messaġġ tar-Restawrazzjoni bil-mistoqsija: x’jista’ jagħmel l-istedina tiegħek tappella aktar għal dak li jkun? Mhux inti stess, l-eżempju ta’ ħajtek? Ħafna li semgħu u rċevew il-messaġġ tar-Restawrazzjoni għall-ewwel ħassewhom jattiraw ruħhom b’dak li huma raw f’xi membru jew membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Jista’ jkun il-mod kif dawn il-membri jittrattaw lil ħaddieħor, huma x’jgħidu jew ma jgħidux, kemm baqgħu sodi f’sitwazzjonijiet diffiċli, jew sempliċiment minħabba d-dehra ta’ wiċċhom.9

Hi x’inhi r-raġuni, aħna ma nistgħux naħarbu l-fatt li jeħtieġ li aħna nifhmu u ngħixu l-prinċipji tal-evanġelju rrestawrat bl-aħjar mod possibli biex l-istediniet tagħna jħajru lil dak li jkun. Hija xi ħaġa li spiss nirreferu għaliha llum bħala awtentiċità. Jekk l-imħabba ta’ Kristu tgħammar fina, oħrajn ikunu jafu li l-imħabba tagħna lejhom hija ġenwina. Jekk id-dawl tal-Ispirtu s-Santu jinsab jaqbad ġewwa fina, Hu jispiċċa jkebbes id-Dawl ta’ Kristu fihom.10 Dak li intom verament, joħloq sens ta’ awtentiċità għall-istedina tagħkom biex huma jiġu u jesperjenzaw il-ferħ tal-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

It-tielet ħaġa neċessarja hi l-użu frekwenti tal-istrument tal-konverżjoni li Alla għażel għal din l-aħħar dispensazzjoni tal-evanġelju, il-Ktieb ta’ Mormon. Hija evidenza tanġibbli tas-sejħa profetika ta’ Joseph Smith u tal-evidenza konvinċenti tad-divinità u l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu. L-espożizzjoni tiegħu fil-pjan tal-fidwa ta’ Missierna tas-Smewwiet huwa bla paragun. Meta intom taqsmu l-Ktieb ta’ Mormon ma’ ħaddieħor, intom tkunu qed taqsmu magħhom ir-Restawrazzjoni.

Meta Jason Olson kien għadu tfajjel adoloxxenti, huwa kien ġie mwissi kemm-il darba mill-membri tal-familja u minn oħrajn biex ma jsirx Kristjan. Madankollu, huwa kellu żewġt iħbieb tajbin, li kienu membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, u spiss kienu jiddiskutu miegħu dwar ir-reliġjon. Sħabu, Shea u Dave, kienu jwieġbu b’rispett l-argumenti li ħaddieħor kien jitma lil Jason bihom kontra l-fidi f’Ġesù Kristu. Finalment, huma tawh kopja tal-Ktieb ta’ Mormon, u qalulu, “Dan il-ktieb se jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek. Jekk jogħġbok aqrah.” Kontra qalbu huwa aċċetta li jieħu l-ktieb u poġġieh fil-barżakka tiegħu, fejn dam hemm għal diversi xhur. Huwa ma riedx iħallih id-dar fejn setgħu jarawh il-membri tal-familja tiegħu, u ma riedx jiddiżappunta lil Shea u lil Dave billi jagħtihulhom lura. Finalment, huwa huwa ddeċieda li s-soluzzjoni kienet li jaħraq il-ktieb.

Lejla waħda, b’lajter f’id waħda u l-Ktieb ta’ Mormon fl-oħra, huwa kien kważi se jagħti n-nar lill-ktieb meta sema’ leħen f’moħħu jgħidlu, “Taħarqux il-ktieb.” Sorpriż, huwa waqaf. Imbagħad, għax ħaseb li l-leħen kien biss immaġinazzjoni tiegħu, hu reġa’ pprova jqabbad il-lajter. Għal darb’oħra, reġa’ nstema’ leħen f’moħħu: “Mur fil-kamra tiegħek u aqra l-ktieb tiegħi.” Jason neħħa l-lajter, mar lura fil-kamra tas-sodda tiegħu, fetaħ il-Ktieb ta’ Mormon, u beda jaqra. Huwa kompla jaqra jum wara l-ieħor, ħafna drabi sas-sigħat bikrija ta’ filgħodu. Hekk kif Jason wasal fl-aħħar tal-ktieb u talab, huwa kiteb, “Ħassejtni nimtela bl-Ispirtu minn rasi sa saqajja. … Ħassejtni mimli dawl. … Kienet l-aktar esperjenza ta’ ferħ li qatt kelli f’ħajti.” Huwa fittex li jitgħammed u aktar tard sar missjunarju huwa stess.

Nistgħu ngħidu li hi ħaġa ovvja li minkejja l-imħabba ġenwina u s-sinċerità tagħna, ħafna mill-istediniet li nagħmlu biex naqsmu l-messaġġ tar-Restawrazzjoni jekk mhux il-biċċa l-kbira minnhom, jiġu rrifjutati. Iżda ftakru dan: kulħadd huwa den ta’ din l-istedina—“ilkoll l-istess għal Alla”;11 il-Mulej kuntent b’kull sforz li nagħmlu, ikun xi jkun ir-riżultat; stedina li ġiet irrifjutata mhijiex raġuni biex intemmu l-ħbiberija tagħna; u nuqqas ta’ interess illum jaf jinbidel f’interess għada. Jiġri x’jiġri, l-imħabba tagħna tibqa’ waħda kostanti.

Ejjew ma ninsew qatt li r-Restawrazzjoni hi riżultat ta’ prova intensa u sagrifiċċju. Iżda dan hu suġġett għal darb’oħra. Illum aħna nifirħu fil-frott tar-Restawrazzjoni, li waħda mill-akbar fosthom hi l-qawwa li għal darb’oħra tgħaqqad fl-art kif ukoll fis-sema.12 Kif iddeskriva snin ilu l-President Gordon B. Hinckley, “Jekk ma ħareġ xejn min-niket, mis-sofferenza, u mill-uġigħ tar-restawrazzjoni ħlief il-qawwa tas-siġill tas-saċerdozju mqaddes li tgħaqqad il-familji flimkien għal dejjem, kien ikun vallapena l-prezz li ġie mħallas.”13

L-akbar wegħda tar-Restawrazzjoni hija l-fidwa permezz ta’ Ġesù Kristu. Il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu huwa prova li Hu, fil-fatt, jippossjedi l-qawwa biex jifdi lil dawk kollha li jersqu lejh—jifdihom min-niket, mill-inġustizzja, mid-dispjaċir, mid-dnub, u saħansitra mill-mewt. Illum Ħadd il-Palm; bħal-lum ġimgħa l-Għid. Aħna niftakru, aħna dejjem niftakru, is-sofferenza u l-mewt ta’ Kristu biex ipatti għal dnubietna, u aħna niċċelebraw l-aktar Ħadd meraviljuż fost il-Ħdud kollha, jum il-Mulej, li fih Hu qam mill-mewt. Minħabba l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu, ir-Restawrazzjoni għandha tifsira, il-ħajja mortali tagħna għandha tifsira, u ultimament l-istess eżistenza tagħna għandha tifsira.

Joseph Smith, il-profeta l-kbir tar-Restawrazzjoni, joffri t-testimonjanza komprensiva għal żmienna dwar Kristu imqajjem mill-imwiet: “Li hu jgħix! Għax aħna rajnih, sewwasew fuq il-lemin ta’ Alla.”14 Jiena nżid ix-xhieda tiegħi ma’ dik ta’ Joseph u tal-appostli u l-profeti ta’ qablu u l-appostli u l-profeti li ġew warajh, li Ġesù ta’ Nazaret huwa l-Messija mwiegħed, l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla, u l-Feddej tal-umanità mqajjem mill-imwiet.

“Aħna nixhdu li dawk li bl-għajnuna tat-talb jistudjaw il-messaġġ tar-Restawrazzjoni u jaġixxu b’fidi, ikunu mberkin li jiksbu x-xhieda personali tagħhom tad-divinità tiegħu u tal-għan tiegħu li jħejji d-dinja għall-imwiegħda Tieni Miġja tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.”15 Il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu jagħmel ċerti l-wegħdiet tiegħu. F’isem Ġesù Kristu, amen.