Magħqudin biex Inwettqu l-Ħidma ta’ Alla
L-aktar mod effettiv biex inwettqu l-potenzjal divin tagħna hu li naħdmu flimkien, imberkin bil-qawwa u l-awtorità tas-saċerdozju.
Għeżież ħuti mill-aktar meraviljużi, hu pjaċir kbir għalija li ninsab magħkom. Irrispettivament minn fejn qed tisimgħuni, ngħannaq waħda miegħi lil ħuti n-nisa u b’qalbi nieħu b’idejn ħuti l-irġiel. Aħna ninsabu magħqudin fil-ħidma tal-Mulej.
Meta naħsbu dwar Adam u Eva, ħafna drabi l-ewwel ħaġa li tiġina f’moħħna hi l-ħajja idillika tagħhom fil-Ġnien tal-Għeden. Nimmaġina li t-temp kien dejjem perfett—la sħun wisq u lanqas kieseħ wisq—u li l-frott u l-ħxejjex delizzjużi kienu jikbru b’abbundanza madwarhom fejn huma setgħu jieklu dak li riedu. Peress li għalihom din kienet dinja ġdida, kien hemm ħafna x’jiskopru, għalhekk kull jum kien wieħed interessanti hekk kif huma kienu jsiru midħla mal-ħajja tal-annimali u jesploraw in-natura mill-isbaħ ta’ madwarhom. Huma ngħataw ukoll kmandamenti x’jobdu u kellhom modi differenti kif jagħmlu dan, u dan wassal biex għall-ewwel setgħu esperjenzaw xi ftit ta’ anzjetà u konfużjoni.1 Iżda hekk kif ħadu ċerti deċiżjonijiet li bidlulhom ħajjithom għal dejjem, huma tgħallmu jaħdmu flimkien u ngħaqdu biex iwettqu l-għanijiet li Alla kellu għalihom—u għal uliedu kollha.
Issa mmaġinaw din l-istess koppja fil-ħajja mortali. Huma kellhom jaħdmu għall-ikel tagħhom, bdew iħarsu lejn ċerti annimali bħala l-ikel għalihom, u kien hemm sfidi diffiċli li setgħu jegħlbuhom biss jekk huma jiddiskutu u jitolbu flimkien. Nimmaġina li kien hemm xi drabi li fihom ma qablux dwar il-mod kif kellhom jiffaċċjaw dawk l-isfidi. Madankollu, permezz tal-Waqgħa, huma tgħallmu li kien essenzjali li jaġixxu f’għaqda u mħabba. Fit-tagħlim li rċevew minn sorsi divini, huma ġew mgħallmin il-pjan tas-salvazzjoni u l-prinċipji tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu li jagħmel dan il-pjan operabbli. Peress li fehmu li l-iskop tagħhom fid-dinja u l-għan etern tagħhom kienu identiċi, huma sabu ċertu sodisfazzjon u rnexxew fl-abbiltà tagħhom li jaħdmu flimkien f’imħabba u tjieba.
Hekk kif tweldulhom it-tfal, Adam u Eva għallmu lill-familja tagħhom dak li tgħallmu mingħand messaġġiera mis-smewwiet. Huma ffokaw fuq il-ħtieġa li jgħinu lil uliedhom jifhmu u jħaddnu wkoll dawk il-prinċipji li setgħu jagħmluhom ferħanin f’din il-ħajja, kif ukoll ippreparati biex jerġgħu lura għand il-ġenituri tagħhom tas-smewwiet wara li jkunu kabbru l-abbiltajiet tagħhom u wrew li huma ubbidjenti lejn Alla. F’dan il-proċess, Adam u Eva tgħallmu japprezzaw il-ħiliet differenti tagħhom u għenu lil xulxin fil-ħidma eternament sinifikanti tagħhom.2
Hekk kif għaddew sekli u millenji sħaħ, iċ-ċarezza tal-kontribuzzjoni ispirata u interdipendenti tal-bnedmin issa ġiet imċajpra b’ċerta misinformazzjoni u nuqqas ta’ fehma. Tul iż-żmien ta’ bejn dak il-bidu meraviljuż fil-Ġnien tal-Għeden u llum, l-avversarju rnexxa mhux ħażin fl-għan tiegħu li jifred l-irġiel u n-nisa fl-attentati tiegħu li jirbaħ l-erwieħ. Luċifru jaf li jekk jirnexxilu jeqred l-unità li l-irġiel u n-nisa jħossu bejniethom, jekk jirnexxilu jħawwadna dwar il-valur divin u r-responsabbiltajiet tal-patti tagħna, hu jasal biex jirnexxilu jeqred lill-familji, li huma l-units essenzjali tal-eternità.
Satana jħeġġiġna biex noqogħdu nipparagunaw lilna nfusna bħala għodda biex joħloq sentimenti ta’ superjorità jew inferjorità, filwaqt li jaħbi l-verità eterna li d-differenzi intrinsiki tal-irġiel u n-nisa tahomna Alla u għandhom l-istess valur. Hu pprova jiddegrada l-kontribut tan-nisa kemm fil-familja kif ukoll fis-soċjetà ċivili, biex b’hekk inaqqas l-influwenza edifikanti għat-tajjeb tagħhom. L-għan tiegħu dejjem kien li jrawwem taqbida għall-poter minflok ma jħallina niċċelebraw il-kontribut uniku tal-irġiel u n-nisa li jikkumplimentaw lil xulxin u jikkontribwixxu għall-għaqda.
Għalhekk, tul is-snin u madwar id-dinja, ċerta fehma sħiħa tal-kontribuzzjoni u r-responsabbiltajiet interdipendenti b’mod divin, u madankollu differenti, tan-nisa u l-irġiel spiċċat biex kważi għebet għal kollox. In-nisa f’bosta soċjetajiet saru sottervjenti għall-irġiel minflok ma’ jaħdmu spalla ma’ spalla magħhom, fejn l-attivitajiet tagħhom huma limitati għal ambitu mill-aktar dejjaq. Il-progress spiritwali naqas ferm tul dawk iż-żminijiet mudlama; fil-fatt, ftit kien id-dawl spiritwali li seta’ jippenetra l-imħuħ u l-qlub daqstant mgħaddsa fit-tradizzjonijiet tad-dominanza.
U mbagħad id-dawl tal-evanġelju rrestawrat qabad jiddi “aktar mill-qawwa tax-xewx”3 meta Alla l-Missier u Ibnu, Ġesù Kristu, dehru lit-tfajjel Joseph Smith fil-bidu tar-rebbiegħa tal-1820 f’dak il-bosk qaddis fit-tramuntana ta’ New York. Dak l-avveniment ta bidu għal nixxiegħa fi żmienna ta’ rivelazzjoni mis-smewwiet. Wieħed mill-ewwel elementi tal-Knisja oriġinali ta’ Kristu li kellu jiġi rrestawrat kien l-awtorità tas-saċerdozju ta’ Alla. Hekk kif ir-Restawrazzjoni kompliet isseħħ, l-irġiel u n-nisa bdew jirrealizzaw mill-ġdid l-importanza u l-potenzjal li jaħdmu flimkien bħala sħab, awtorizzati u mmexxija minnu f’din il-ħidma sagra.
Fl-1842, meta n-nisa tal-Knisja, li kienet nieqsa mill-esperjenza, riedu jiffurmaw grupp uffiċjali biex jgħinu fil-ħidma, il-President Joseph Smith ħassu ispirat li jorganizzahom “taħt id-direzzjoni tas-saċerdozju wara l-mudell tas-saċerdozju.”4 Huwa qal, “Issa jien se ngħaddi l-muftieħ f’idejkom f’isem Alla …—dan hu l-bidu ta’ żmien aħjar.”5 U mal-ewwel dawra ta’ dak il-muftieħ sal-lum, għadd ta’ opportunitajiet għan-nisa, kemm edukattivi, politiċi, u ekonomiċi bdew gradwalment jespandu madwar id-dinja.6
Din l-organizzazzjoni ġdida għan-nisa, li ssemmiet is-Soċjetà tal-Għajnuna, kienet differenti minn kull soċjetà oħra tan-nisa ta’ dak iż-żmien għax ġiet imwaqqfa minn profeta li aġixxa skont l-awtorità tas-saċerdozju biex jagħti lin-nisa ċerta awtorità, responsabbiltajiet sagri, u pożizzjonijiet uffiċjali fl-istruttura tal-Knisja, mhux separati minnha.7
Minn żmien il-Profeta Joseph Smith sal-lum, ir-restawrazzjoni kontinwa ta’ kull ħaġa wasslet ċerta illuminazzjoni fuq l-awtorità u l-qawwa tas-saċerdozju li jgħin kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa jwettqu r-responsabbiltajiet maħtura b’mod divin tagħhom. M’ilux ġejna mgħallmin li n-nisa li jiġu distinti taħt id-direzzjoni ta’ xi ħadd li jħaddan l-imfietaħ tas-saċerdozju joperaw bl-awtorità tas-saċerdozju fis-sejħiet tagħhom.8
F’Ottubru 2019, il-President Russell M. Nelson għallem li n-nisa li ġew iddotati fit-tempju għandhom il-qawwa tas-saċerdozju f’ħajjithom u fi djarhom hekk kif huma jħarsu l-patti sagri li għamlu ma’ Alla .9 Hu spjega li “is-smewwiet jinsabu miftuħin għan- nisa li huma iddotati bil-qawwa ta’ Alla li hi riżultat tal-patti tagħhom tas-saċerdozju daqskemm huma għall-irġiel li jħaddnu s-saċerdozju.” U hu ħeġġeġ lill-aħwa nisa kollha biex “tagħmlu użu mill-qawwa tas-Salvatur biex tgħinu lill-familja tagħkom u lil dawk li tħobbu.”10
Dan x’ifisser għalik u għalija? Kif jista’ jibdel ħajjitna l-għarfien tal-awtorità u l-qawwa tas-saċerdozju? Wieħed mill-imfietaħ hu li nifhmu li meta n-nisa u l-irġiel jaħdmu flimkien aħna nwettqu ferm aktar milli kieku naħdmu b’mod separat.11 L-irwoli tagħna pjuttost huma kumplimentari aktar milli kompetittivi. Għalkemm in-nisa ma jiġux ordnati f’uffiċċji tas-saċerdozju, kif innutat qabel, in-nisa huma mberkin bil-qawwa tas-saċerdozju hekk kif iħarsu l-patti tagħhom, u joperaw bl-awtorità tas-saċerdozju meta jiġu distinti għal xi sejħa.
F’jum sabiħ tax-xahar ta’ Awwissu, jiena kelli l-privileġġ li npoġġi bilqiegħda mal-President Russell M. Nelson fid-dar mibnija mill-ġdid ta’ Joseph u Emma Smith ġewwa Harmony, Pennsylvania, viċin tal-post fejn is-Saċerdozju ta’ Aron ġie rrestawrat f’dawn l-aħħar żminijiet. Fil-konverżazzjoni tagħna, il-President Nelson tkellem dwar l-irwol importanti li għandhom in-nisa fir-Restawrazzjoni.
Il-President Nelson: “Wieħed mill-aktar aspetti importanti li niftakar fihom meta niġi f’dan is-sit importanti tar-restawrazzjoni tas-saċerdozju hu l-irwol importanti li n-nisa għandhom fir-Restawrazzjoni.
“Meta Joseph beda jittraduċi l-Ktieb ta’ Mormon, min kien l-ewwel skriba? Mela, hu kien laħaq kiteb ftit, iżda mhux ħafna. Emma kompliet warajh.
“U mbagħad naħseb dwar kif Joseph mar fil-bosk biex jitlob ħdejn id-dar tagħhom f’Palmyra, New York. Huwa fejn mar? Hu mar fil-Masġar Sagru. Għalfejn mar hemm? Għax dak kien il-post li Ommu marret fih meta riedet titlob.
“Dawn huma biss tnejn min-nisa li kellhom irwol ewlieni fir-restawrazzjoni tas-saċerdozju u fir-Restawrazzjoni tal-Knisja. Bla dubju, aħna nistgħu ngħidu li n-nisa tagħna huma importanti llum daqs kemm kienu f’dak iż-żmien. M’għandix dubju minn dan.”
Bħal Emma u Lucy u Joseph, aħna nkunu l-aktar effettivi meta nkunu lesti li nitgħallmu minn xulxin u nkunu magħqudin fl-għan tagħna li nsiru dixxipli ta’ Ġesù Kristu u ngħinu lil ħaddieħor tul it-triq.
Aħna mgħallmin li “is-saċerdozju jbierek lill-ħajja ta’ wlied Alla b’għadd kbir ta’ modi. … Fis-sejħiet tal-Knisja, fl-ordinanzi tat-tempju, fir-relazzjonijiet fil-familja, u fil-ministeru sieket u individwali, in-nisa u l-irġiel Qaddisin tal-Aħħar Żmien jibqgħu mexjin ’il quddiem bil-qawwa u l-awtorità tas-saċerdozju. Din l-interdipendenza tal-irġiel u n-nisa biex iwettqu l-ħidma ta’ Alla permezz tal-qawwa Tiegħu hija ċentrali għall-evanġelju ta’ Ġesù Kristu rrestawrat permezz tal-Profeta Joseph Smith.”12
L-għaqda hija essenzjali għall-ħidma divina li għandna l-privileġġ, u msejħin, li nwettqu, iżda din ma ssirx b’kumbinazzjoni. Teħtieġ ċertu sforz u ħin biex verament niddiskutu flimkien—biex nisimgħu lil xulxin, nifhmu l-veduti, u naqsmu l-esperjenzi ta’ xulxin—iżda l-proċess jirriżulta f’deċiżjonijiet aktar ispirati. Kemm jekk fid-dar jew fir-responsabbiltajiet tagħna tal-Knisja, l-aktar mod effettiv biex inwettqu l-potenzjal divin tagħna hu li naħdmu flimkien, imberkin bil-qawwa u l-awtorità tas-saċerdozju fl-irwoli differenti, madankollu komplimentari, tagħna.
Kif tidher illum dik is-sħubija fil-ħajja tan-nisa tal-patt? Ippermettuli naqsam magħkom dan l-eżempju.
Alison u John kellhom sħubija mill-aktar unika. Huma saqu rota ta’ bit-tnejn f’tlielaq qosra u twal. Biex tikkompeti b’suċċess fuq dik il-vettura, iż-żewġ persuni jeħtieġ li jkollhom ċerta armonija bejniethom. Iridu jxaqilbu lejn l-istess direzzjoni fl-istess ħin. Persuna ma tistax tiddomina lill-oħra, iżda jeħtieġ li jikkomunikaw b’mod ċar u t-tnejn jagħmlu l-parti tagħhom. Il-kaptan, fuq quddiem, għandu f’idejh il-kontroll tal-brejk u meta hemm bżonn li jieqfu. L-istroker, fuq wara, jeħtieġ joqgħod attent x’inhu jiġri u jkun lest li jżid fl-isforz jekk huma jkunu nqatgħu xi ftit lura jew inkella jnaqqas jekk ikunu jinsabu viċin wisq ta’ ċiklisti oħra. Huma jeħtieġ li jissapportjaw lil xulxin biex jagħmlu progress u jiksbu l-għan tagħhom.
Alison spjegat: “Għall-ewwel ftit, il-persuna li tkun fil-pożizzjoni ta’ kaptan tgħid ‘Qum’ meta kien ikollna bżonn inqumu u ‘Brejk’ meta jkollna bżonn nieqfu ndawru l-pedala. Wara ftit, il-persuna li kienet l-istroker titgħallem tagħraf meta l-kaptan ikun se jqum jew se jagħfas il-brejk, mingħajr ma kien ikollna bżonn nitkellmu. Aħna tgħallimna nkunu nntunati dwar x’inhi tagħmel il-persuna l-oħra u nindunaw meta wieħed ikun qed isib ċerta diffikultà u b’hekk l-ieħor jipprova jagħmel aktar sforz. Kollox jiddependi fuq li nafdaw lil xulxin u naħdmu flimkien.”13
John u Alison kienu magħqudin mhux biss hekk kif kienu jkunu qed isuqu r-rota, iżda wkoll fiż-żwieġ tagħhom. It-tnejn li huma kienu jagħtu l-ewwel prijorità lill-ferħ tal-persuna l-oħra; it-tnejn kienu jfittxu t-tajjeb f’xulxin u jaħdmu biex jegħlbu l-affarijiet li ma tantx kienu daqshekk tajbin f’xulxin. F’ħajjithom daqqa jmexxi wieħed u daqqa l-oħra u wieħed jagħmel aktar sforz meta l-persuna l-oħra tkun qed issib ċerta diffikulta. It-tnejn japprezzaw il-kontribut ta’ xulxin u sabu tweġiba aħjar għall-isfidi tagħhom hekk kif għaqqdu flimkien it-talenti u r-riżorsi tagħhom. Huma verament magħqudin flimkien permezz tal-imħabba Kristjana tagħhom.
Li nsiru aktar f’armonija mal-mudell divin li naħdmu flimkien f’għaqda hi ħaġa importanti f’dawn iż-żminijiet fejn il-messaġġi ta’ “jien l-ewwel” jinsabu ma’ kullimkien. In-nisa jippossjedu doni distintivi u divini14 u ġew mogħtija responsabbiltajiet uniċi, iżda dawn mhumiex aktar—jew anqas—importanti mid-doni u r-responsabbiltajiet tal-irġiel. Kollha huma mfasslin u meħtieġa biex jiġi fis-seħħ il-pjan divin ta’ Missierna tas-Smewwiet li jagħti lill-uliedu kollha l-aqwa opportunità biex iwettqu l-potenzjal divin tagħhom.
Illum, “neħtieġu nisa li għandhom il-kuraġġ u l-viżjoni ta’ Ommna Eva”15 biex jingħaqdu mal-aħwa rġiel sabiex iressqu l-erwieħ lejn Kristu.16 L-irġiel jeħtieġ ikunu msieħba vera minflok ma’ jassumu li huma biss responsabbli, jew jaġixxu bħala “taparsi” sħab filwaqt li n-nisa jwettqu ħafna mix-xogħol. In-nisa jeħtieġ li jkunu lesti li “jagħmlu pass ’il quddiem u jieħdu l-post xieraq u bżonnjuż tagħhom”17 bħala sħab minflok ma jaħsbu li jridu jagħmlu kollox weħidhom jew jistennew li jgħidulhom x’għandhom jagħmlu.18
Li tara lin-nisa bħala parteċipanti importanti mhijiex biex toħloq parità iżda biex wieħed jifhem il-verità duttrinali. Minflok ma nistabbilixxu programm biex dan iseħħ, aħna nistgħu b’mod attiv naħdmu biex napprezzaw lin-nisa kif japprezzahom Alla: bħala sħab essenzjali fil-ħidma tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni.
Aħna lesti għal dan? Sejrin aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex negħlbu l-preġudizzju kulturi u minflok inħaddnu mudelli u drawwiet divini bbażati fuq duttrina fundamentali? Il-President Russell M. Nelson jistedinna biex “nimxu id f’id f’din il-ħidma sagra … li ngħinu sabiex id-dinja titħejja għat-Tieni Miġja tal-Mulej.”19 Hekk kif nagħmlu dan, aħna nitgħallmu napprezzaw il-kontribut ta’ xulxin u nkabbru l-effettività ta’ kif inwettqu l-irwoli divini tagħna. Aħna nħossu ferħ akbar milli qatt esperjenzajna.
Jalla kull wieħed u waħda minna nagħżlu li ningħaqdu flimkien fil-mod ispirat tal-Mulej biex ngħinu l-ħidma tiegħu timxi ’l quddiem. F’isem l-għażiż Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, amen.