Skrittura
3 Nefi 18


Kapitlu 18

Ġesù waqqaf is‑sagrament fost in‑Nefiti—Huma ġew ordnati sabiex jitolbu dejjem f’ismu—Min jiekol ġismu u jixrob demmu bla ma jixraqlu jiġi kkundannat—Id‑dixxipli jingħataw il‑qawwa li jagħtu l‑Ispirtu s‑Santu. Madwar W.K. 34.

1 U ġara li Ġesù ordna lid‑dixxipli tiegħu biex iġibulu ftit ħobż u nbid.

2 U waqt li huma marru għall‑ħobż u l‑inbid, huwa ordna lil dawk li kienu fost il‑miġemgħa biex ipoġġu bilqiegħda mal‑art.

3 U meta d‑dixxipli ġew lura bil‑ħobż u l‑inbid, huwa ħa l‑ħobż, qasmu u bierku; u tah lid‑dixxipli u ordnalhom sabiex jieklu.

4 U meta huma kielu u xebgħu, huwa ordnalhom biex jagħtu lill‑miġemgħa.

5 U meta dawk li kienu fost il‑miġemgħa kielu u xebgħu, huwa qal lid‑dixxipli: Araw fostkom se jiġi ordnat wieħed li lilu jiena se nagħti l‑qawwa li jaqsam il‑ħobż u jbierku u jagħtih lin‑nies tal‑knisja tiegħi, lil dawk kollha li jemmnu u jitgħammdu f’ismu.

6 U qisu li intom dejjem tagħmlu dan, l‑istess kif għamilt jien, sewwasew kif jiena qsamt il‑ħobż u beriktu u tajtu lilkom.

7 U dan għandkom tagħmlu b’tifkira ta’ ġismi, li lilkom jien urejt. U permezz ta’ dan intom tixhdu mal‑Missier li dejjem sejrin tiftakru fija. U jekk intom dejjem tiftakru fija intom ikollkom l‑Ispirtu tiegħi magħkom.

8 U ġara li meta huwa qal dan il‑kliem, huwa ordna lid‑dixxipli tiegħu biex jieħdu u jixorbu mill‑inbid tal‑kalċi, u ordnalhom ukoll sabiex jagħtu lill‑miġemgħa ħalli huma wkoll ikunu jistgħu jixorbu minnu.

9 U ġara li huma hekk għamlu, xorbu minnu u xebgħu; u huma taw lill‑miġemgħa, u huma xorbu u xebgħu.

10 U meta d‑dixxipli għamlu dan, Ġesù qalilhom: Henjin intom minħabba li għamiltu dan, għax intom obdejtu l‑kmandamenti tiegħi, u permezz ta’ dan qed tixhdu mal‑Missier li intom lesti tagħmlu dak li ordnajtilkom jien.

11 U intom għandkom dejjem tagħmlu dan għal dawk kollha li jindmu u jitgħammdu f’ismi; u dan għandkom tagħmluh b’tifkira ta’ demmi, li jien xerridt għalikom, ħalli tkunu tistgħu tixhdu mal‑Missier li intom dejjem lesti tiftakru fija. U jekk intom dejjem tiftakru fija intom ikollkom l‑Ispirtu tiegħi magħkom.

12 U jiena se nagħtikom kmandament li intom għandkom tagħmlu dawn il‑ħwejjeġ. U jekk intom tagħmlu dejjem dawn il‑ħwejjeġ, henjin intom, għaliex intom mibnija fuq il‑blata tiegħi.

13 Iżda dawk fostkom li jagħmlu aktar jew anqas minn hekk mhumiex mibnija fuq il‑blata tiegħi, iżda huma mibnija fuq pedament tar‑ramel; u meta tinżel ix‑xita, u jiġi l‑għargħar, u jonfħu l‑irwiefen, u fuqhom iħabbtu, huma jikkrollaw, u l‑bibien tal‑infern ikunu miftuħin lesti biex jilqgħuhom.

14 Għalhekk henjin intom jekk tħarsu l‑kmandamenti tiegħi, li l‑Missier ordnali biex nagħtikom.

15 Tassew, tassew, ngħidilkom, jeħtieġ li tishru u titolbu dejjem, ħalli ma tispiċċawx imġarrbin mix‑xitan, u hu jeħodkom fil‑jasar tiegħu.

16 U kif jiena tlabt fostkom hekk ukoll għandkom titolbu intom fil‑knisja tiegħi, fost in‑nies tiegħi li jindmu u jitgħammdu f’ismi. Araw jiena d‑dawl; jiena tajtkom eżempju.

17 U ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem lid‑dixxipli tiegħu, huwa reġa’ dar fuq il‑folla u qalilhom:

18 Araw, tassew, tassew, ngħidilkom, jeħtieġ li tishru u titolbu dejjem biex ma tidħlux fit‑tiġrib; għax Satana jridkom f’idejh, biex jgħaddikom mill‑għarbiel bħall‑qamħ.

19 Għalhekk jeħtieġ li titolbu dejjem lill‑Missier f’ismi;

20 U kull ma titolbu lill‑Missieri f’ismi, li hu sewwa, u temmnu li se tirċievu, araw dan jingħata lilkom.

21 Itolbu fil‑familji tagħkom lill‑Missier, dejjem f’ismi, biex martkom u wliedkom ikunu mberkin.

22 U araw, intom għandkom tiltaqgħu flimkien ta’ spiss; u m’għandkom iżżommu lil ħadd milli jiġi għandkom meta tiltaqgħu flimkien, iżda ħalluhom jiġu għandkom u żżommuhomx milli jagħmlu dan;

23 Iżda għandkom titolbu għalihom, u ma tkeċċuhomx ’il barra; u jekk huma jibdew jiġu għandkom ta’ spiss għandkom titolbu għalihom lill‑Missier, f’ismi.

24 Għalhekk, żommu dawlkom fil‑għoli sabiex idawwal lid‑dinja. Araw jiena d‑dawl li għandkom iżżommu fil‑għoli—dak li lili rajtuni nagħmel. Araw intom tistgħu taraw li jiena tlabt lill‑Missier, u intom lkoll xhieda ta’ dan.

25 U tistgħu taraw li jien ma ordnajt lil ħadd minnkom biex jitlaq, iżda minflok ordnajt biex intom tiġu għandi, ħalli tkunu tistgħu tħossuni u tarawni; l‑istess għandkom tagħmlu intom fid‑dinja; u kull min jikser dan il‑kmandament ikun qed jippermetti lilu nnifsu li jiddaħħal fit‑tiġrib.

26 U ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem, huwa reġa’ xeħet għajnejh fuq id‑dixxipli li huwa għażel, u qalilhom:

27 Araw fis‑sewwa, fis‑sewwa, ngħidilkom, jiena se nagħtikom kmandament ieħor, u mbagħad jeħtieġ li mmur għand Missieri biex inkun nista’ nwettaq kmandamenti oħra li huwa tani.

28 U issa araw, dan hu l‑kmandament li jien se nagħtikom, li intom għandkom taraw li ma jkun hemm ħadd li konxjament jiekol ġismi u jixrob demmi bla ma jixraqlu, meta intom tamministrawhom;

29 Għax kull min jiekol u jixrob ġismi u demmi bla ma jixraqlu jkun qed jiekol u jixrob il‑kundanna ta’ ruħu; għalhekk jekk tkunu tafu li xi ħadd ma jixraqlux li jiekol u jixrob ġismi u demmi għandkom żżommuh milli jagħmel dan.

30 Madankollu, m’għandkomx tkeċċuh ’il barra minn fostkom, iżda lilu għandkom taqdu u għandkom titolbu għalih lill‑Missier, f’ismi; u jekk huwa jindem u jitgħammed f’ismi, mbagħad intom għandkom tilaqgħuh fostkom, u lilu għandkom tagħtuh minn ġismi u demmi.

31 Iżda jekk ma jindimx huwa m’għandux ikun magħdud mal‑poplu tiegħi, ħalli ma jmurx jeqred lill‑poplu tiegħi, għax araw jiena nagħraf in‑nagħaġ tiegħi, u huma magħduda.

32 Madankollu, m’għandkomx tkeċċuh ’il barra mis‑sinagogi tagħkom, jew mill‑postijiet li fihom tqimu, għax lil min hu bħalu intom għandkom tkomplu taqdu; għax ma tafux jekk xi darba huma jerġgħu lura u jindmu, u jiġu għandi b’impenn sħiħ f’qalbhom, u jiena nfejjaqhom; u intom tkunu l‑mezz li wasslilhom is‑salvazzjoni.

33 Għalhekk, araw li tħarsu l‑kliem li jiena ordnajtilkom ħalli ma taqgħux taħt il‑kundanna; għax ħażin għalih dak li lilu l‑Missier jikkundanna.

34 U jien qed nagħtikom dawn il‑kmandamenti minħabba l‑argumenti li qamu bejnietkom. U henjin intom jekk ma targumentawx bejnietkom.

35 U issa jiena se mmur għand il‑Missier, għax hemm bżonn li jien immur għand il‑Missier minħabba fikom.

36 U ġara li meta Ġesù temm jgħid dan il‑kliem, huwa mess b’idu lid‑dixxipli li huwa għażel, wieħed, wieħed, sakemm hu messhom ilkoll, u waqt li kien qed imisshom beda jkellimhom.

37 U l‑miġemgħa ma semgħetx il‑kliem li huwa qal, għalhekk huma ma taw l‑ebda xhieda ta’ dan; iżda d‑dixxipli taw xhieda li huwa tahom il‑qawwa li huma jagħtu l‑Ispirtu s‑Santu. U aktar tard jien se nurikom li din ix‑xhieda hija vera.

38 U ġara li meta Ġesù messhom ilkoll, ġiet sħaba u għattiet lill‑miġemgħa, hekk li huma ma setgħux jaraw lil Ġesù.

39 U waqt li huma kienu jinsabu mgħottija huwa telaq minn ħdejhom, u tela’ fis‑smewwiet. U d‑dixxipli raw b’għajnejhom u taw xhieda li huwa kien reġa’ tela’ fis‑smewwiet.