Skrittura
2 Nefi 4


Kapitlu 4

Leħi jagħti parir u jbierek lil nislu—Huwa jmut u jindifen—Nefi jeżulta fit‑tjubija ta’ Alla—Nefi jafda fil‑Mulej għal dejjem. Madwar 588–570 Q.K.

1 U issa, jiena, Nefi, se nitkellem dwar il‑profeziji li tkellem dwarhom missieri, dwar Ġużeppi, li ttieħed ġewwa l‑Eġittu.

2 Għax araw, hu verament ħabbar dwar in‑nisel kollu tiegħu. U l‑profeziji li huwa kiteb, ftit hawn akbar minnhom. U hu ħabbar dwarna, u dwar il‑ġenerazzjonijiet futuri tagħna; u jinsabu miktubin fuq il‑pjanċi tal‑bronż.

3 Għalhekk, wara li missieri waqaf jitkellem dwar il‑profeziji ta’ Ġużeppi, hu sejjaħ lil ulied Laman, is‑subien u l‑bniet tiegħu, u qalilhom: Araw, uliedi, intom li intom ulied l‑ewwel wild tiegħi, nitlobkom tisimgħu kliemi.

4 U l‑Mulej Alla qal li: Sakemm tħarsu l‑kmandamenti tiegħi intom se jkollkom ir‑risq fl‑art; u jekk ma tħarsux il‑kmandamenti tiegħi intom sejrin tinqatgħu mill‑preżenza tiegħi.

5 Iżda araw, uliedi, jien ma nistax ninżel ġo qabri qabel ma l‑ewwel nagħtikom il‑barka tiegħi; għax araw, jekk intom trabbejtu fit‑triq it‑tajba, intom ma toħorġux minnha.

6 Għalhekk, jekk intom misħutin, araw, se nagħtikom il‑barka tiegħi, li s‑saħta tkun tista’ tittieħed minn fuqkom u tinxteħet fuq ras il‑ġenituri tagħkom.

7 Għalhekk, minħabba l‑barka tiegħi, il‑Mulej Alla ma jippermettix li intom tintilfu; għalhekk, huwa jkun ħanin magħkom u man‑nisel tagħkom għal dejjem.

8 U ġara li wara li missieri waqaf ikellem lil ulied Laman, hu talab biex jinġabu quddiemu l‑ulied, subien u bniet, ta’ Lemwel.

9 U hu kellimhom u qalilhom: Araw, uliedi, li intom ulied it‑tieni iben tiegħi; araw, jiena se nagħtikom l‑istess barka li tajt lil ulied Laman; għalhekk, intom mhux se tinqerdu għal kollox; iżda fl‑aħħar mill‑aħħar in‑nisel tagħkom se jkun imbierek.

10 U ġara li meta missieri waqaf ikellimhom, araw, hu kellem lil ulied subien ta’ Ismagħel, iva, u lil niesu kollha.

11 U wara li waqaf ikellimhom, hu kellem lil Sam, u qallu: Imbierek inti, u nislek; għax inti se tiret l‑art bħal ħuk Nefi. U nislek se jiġi magħdud ma’ nislu; u inti se tkun sewwasew bħal ħuk, u nislek bħal nislu; u int se tkun imbierek fil‑jiem kollha ta’ ħajtek.

12 U ġara li wara li missieri, Leħi, kellem lil niesu kollha, skont is‑sentimenti ta’ qalbu u l‑Ispirtu tal‑Mulej li kien fih, huwa xjieħ. U ġara li huwa miet, u ġie midfun.

13 U ġara li ftit jiem biss wara mewtu, Laman u Lemwel u l‑ulied subien ta’ Ismagħel imtlew bil‑korla għalija minħabba t‑twiddib tal‑Mulej.

14 Għax jien, Nefi, ħassejt li kelli nkellimhom, skont kelmtu; għax jiena kellimthom dwar ħafna ħwejjeġ, u l‑istess missieri, qabel miet; ħafna minn dak li tkellimna dwaru jinsab miktub fuq il‑pjanċi l‑oħra tiegħi; għax il‑parti li hi aktar dwar storja tinsab miktuba fuq il‑pjanċi l‑oħra tiegħi.

15 U fuq dawn jiena nikteb il‑ħwejjeġ ta’ ruħi, u ħafna mill‑iskrittura li hi mnaqqxa fuq il‑pjanċi tal‑bronż. Għax fl‑iskrittura ruħi ssib is‑serħan, u qalbi tixtarrha, u jiena niktibha għat‑tagħlim u għall‑ġid ta’ wliedi.

16 Araw, fil‑ħwejjeġ tal‑Mulej ruħi ssib is‑serħan; u qalbi tixtarr kontinwament dwar il‑ħwejjeġ li jiena rajt u smajt.

17 Madankollu, minkejja t‑tjubija kbira tal‑Mulej, fejn urieni l‑għemejjel kbar u tal‑għaġeb tiegħu, qalbi tistqarr: O msejken bniedem li jien! Iva, inħoss qalbi trid tinqasam minħabba ġismi; ruħi titnikket minħabba ħżuniti.

18 Inħossni ċċirkondat, minħabba t‑tiġrib u d‑dnubiet li malajr ifixkluni.

19 U meta jkolli x‑xewqa li nifraħ, qalbi titniehed minħabba dnubieti; madankollu, jiena naf f’min fdajt ruħi.

20 Alla tiegħi kien l‑għajnuna tiegħi; hu mexxieni fl‑hemm tiegħi fid‑deżert; u hu ħarisni fuq l‑ilma tal‑abbissi l‑kbar.

21 Huwa mlieni bl‑imħabba tiegħu, sewwasew sakemm ġismi sefa kkunsmat.

22 Huwa beżbeż lill‑għedewwa tiegħi, sakemm wassalhom biex jitriegħdu quddiemi.

23 Araw, huwa sama’ l‑għajta tiegħi matul il‑jum, u hu tani l‑għarfien permezz ta’ dehriet matul il‑lejl.

24 U matul il‑jum jiena mort b’kuraġġ kbir nitlob lil Alla b’qawwa; iva, jiena għollejt leħni lejn is‑sema; u niżlu l‑anġli u daru bija.

25 U fuq ġwienaħ l‑Ispirtu tiegħu nġarr ġismi għal fuq muntanji mill‑aktar għoljin. U għajnejja raw ħwejjeġ kbar, iva, sewwasew kbar wisq għall‑bniedem; għalhekk jiena ġejt mitlub biex ma niktibhomx.

26 Għalhekk, jekk jiena rajt ħwejjeġ daqstant kbar, jekk il‑Mulej fil‑kondixxendenza tiegħu lejn ulied il‑bnedmin żar lill‑bnedmin b’daqstant ħniena, għalfejn qalbi għandha titnikket u ruħi tibqa’ titlajja fil‑wied tan‑niket, u ġismi jiddgħajjef, u saħħti tonqos, minħabba l‑hemm tiegħi?

27 U għalfejn għandi naqa’ fid‑dnub, minħabba ġismi? Iva, għalfejn għandi nagħti lok għat‑tentazzjoni, li l‑malinn ikollu post f’qalbi biex jeqred il‑paċi tiegħi u jgħakkes ruħi? Għalfejn il‑korla fija minħabba l‑għadu tiegħi?

28 Stenbaħ, O ruħi! Tibqax aktar imtaqqla bid‑dnub. Ifraħ, O qalbi, u tagħmilx il‑wisa’ aktar għall‑għadu ta’ ruħi.

29 Terġax tinkorla minħabba l‑għedewwa tiegħi. Tħallix li saħħti tonqos minħabba l‑hemm tiegħi.

30 Ifraħ, O ruħi, u għajjat lill‑Mulej, u għid: O Mulej, jiena se nfaħħrek għal dejjem; iva, ruħi se tifraħ fik, O Alla tiegħi, u l‑blata tas‑salvazzjoni tiegħi.

31 O Mulej, se tifdi ruħi? Se teħlisni minn idejn l‑għedewwa tiegħi? Se twassalni biex nibda nitriegħed kif nara quddiemi d‑dnub?

32 Jalla l‑bibien tal‑infern jingħalqu kontinwament quddiemi, għaliex qalbi maqsuma u l‑ispirtu tiegħi niedem! O Mulej, tagħlaqx il‑bibien tas‑sewwa tiegħek quddiemi, ħalli nkun nista’ nimxi fil‑mogħdija tal‑wied fond, ħalli nkun nista’ nibqa’ strett fit‑triq għall‑wita!

33 O Mulej, dawwarni bil‑mantar tas‑sewwa tiegħek! O Mulej, agħmel mod kif inkun nista’ naħrab minn quddiem l‑għedewwa tiegħi! Iddritta l‑mogħdija li għandi quddiemi! La tqegħidx tfixkil fi triqi—iżda neħħi kull ostaklu minn quddiemi, u tostakolax triqti, iżda t‑toroq tal‑għadu tiegħi.

34 O Mulej, jiena afdajt fik, u se nibqa’ nafda fik għal dejjem. Mhux se nafda fid‑driegħ tal‑laħam; għax naf li misħut hu dak li jafda fid‑driegħ tal‑laħam. Iva, misħut hu dak li jafda fil‑bniedem jew ifittex il‑qawwa tiegħu fil‑ġisem.

35 Iva, jiena naf li Alla jagħti b’id miftuħa lil dak li jitlob. Iva, Alla tiegħi jagħtini, jekk ma nitlobx ħażin; għalhekk jiena ngħolli leħni lejk; iva, lilek insejjaħ, O Alla tiegħi, il‑blata tas‑sewwa tiegħi. Ara, jiena se ngħolli leħni għal dejjem lejk, O blata tiegħi u Alla ta’ dejjem tiegħi. Ammen.