2010-2019
Nistgħu Nagħmlu Aħjar u Nkunu Aħjar
April 2019 Konferenza Ġenerali


Nistgħu Nagħmlu Aħjar u Nkunu Aħjar

Araw li l-indiema ta’ kuljum tagħkom tkun xi ħaġa daqstant integrali minn ħajjitkom li intom tkunu tistgħu teżerċitaw is-saċerdozju b’qawwa akbar minn qatt qabel.

Għeżież ħuti, kemm hi ħaġa li tispirani li nara quddiemi din il-kongregazzjoni vasta tal-battaljun tal-Mulej, battaljun ta’ rġiel li jħaddnu s-saċerdozju. X’forza setgħana għat-tajjeb intom! Aħna nħobbukom. Aħna nitolbu għalikom. U aħna verament grati għalikom.

M’ilux bdejt nikkontempla l-istruzzjoni li tana l-Mulej permezz tal-Profeta Joseph Smith: “Ara li ma’ din il-ġenerazzjoni titkellem kontinwament dwar l-indiema.”1 Din id-dikjarazzjoni nsibuha f’ bosta postijiet oħra fl-iskrittura.2 Twassalna biex nistaqsu l-mistoqsija ovvja: “Allura kulħadd jeħtieġ li jindem?” It-tweġiba hija iva.

Ħafna huma n-nies li jikkunsidraw l-indiema bħala kastig—xi ħaġa li nistgħu nevitaw ħlief fl-aktar ċirkustanzi serji. Iżda dan is-sentiment li niġu penalizzati ġej minn Satana. Huwa jipprova jibblokkana milli nħarsu lejn Ġesù Kristu,3 li jinsab wieqaf b’dirgħajh miftuħa,4 li qed jittama u hu lest biex ifejjaqna, jaħfrilna, inaddafna, isaħħaħna, isaffina u jqaddisna.

Il-kelma għal indiema fit-Testment il-Ġdid bil-Grieg hi metanoeo. Il-prefiss meta- ifisser “bidla.” Is-suffiss -noeo huwa relatat ma’ kliem Grieg li jfisser “moħħ,” “għarfien,” “spirtu,” u “nifs.”5

Għalhekk, meta lilek u lili Ġesù jitlobna biex “nindmu,”6 Huwa qed jistedinna biex nibdlu moħħna, l-għarfien tagħna, l-ispirtu tagħna—anke l-mod kif nieħdu n-nifs. Huwa qed jitlobna biex nibdlu l-mod kif inħobbu, naħsbu, inservu, nqattgħu l-ħin tagħna, nittrattaw lin-nisa tagħna, ngħallmu lil uliedna u saħansitra nieħdu ħsieb ġisimna.

Xejn ma jilliberana aktar, ma jirraffinana aktar jew li hu aktar kruċjali għall-progressjoni individwali tagħna milli b’mod regolari u ta’ kuljum niffokaw fuq l-indiema. L-indiema mhijiex xi avveniment; hija proċess. Hija l-element ewlieni għall-ferħ u s-serħan il-moħħ. Meta tħaddimha flimkien mal-fidi, l-indiema tiftaħ l-aċċess tagħna għall-qawwa tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.7

Kemm jekk bid-diliġenza kollha intom tinsabu mexjin fit-triq tal-patt, kemm jekk żlaqtu jew ħriġtu mit-triq tal-patt, jew inkella minn fejn tinsabu bħalisa lanqas biss tistgħu taraw it-triq, nitlobkom biex tindmu. Esperjenzaw kuljum il-qawwa setgħana tal-indiema—li kull jum tagħmlu u tkunu ftit aħjar.

Meta aħna nagħżlu li nindmu, aħna nagħżlu li ninbidlu! Aħna nħallu lis-Salvatur jittrasformana fl-aqwa verżjoni tagħna nfusna. Aħna nagħżlu li nikbru spiritwalment u nirċievu l-ferħ—il-ferħ tal-fidwa fih.8 Meta aħna nagħżlu li nindmu, aħna nagħżlu li nsiru nixbhu aktar lil Ġesù Kristu!9

L-Aħwa, jeħtieġ li nagħmlu aħjar u nkunu aħjar għaliex aħna ninsabu f’battalja. Il-battalja mad-dnub hija reali. L-avversarju qed jikkwadrupla l-isforzi tiegħu biex iħarbat it-testimonjanzi u jimpedixxi l-ħidma tal-Mulej. Huwa jinsab jarma lis-segwaċi tiegħu b’armi potenti biex iżommna milli ingawdu mill-ferħ u l-imħabba tal-Mulej.10

L-indiema hija l-element ewlieni biex aħna nevitaw il-miżerja li nidħlu fiha permezz tan-nases tal-avversarju. Il-Mulej ma jistennix minna l-perfezzjoni f’dan l-istadju tal-progressjoni eterna tagħna. Iżda Hu jistenna minna li nsiru aktar u aktar safja. L-indiema ta’ kuljum tagħna hija l-mogħdija għas-safa, u s-safa twasslilna l-qawwa. Is-safa personali tista’ tagħmilna għodda setgħana f’idejn Alla. L-indiema tagħna—is-safa tagħna—tagħtina s-setgħa li ngħinu fil-ġabra ta’ Iżrael.

Il-Mulej għallem lill-Profeta Joseph Smith “li d-drittijiet tas-saċerdozju huma magħqudin flimkien b’mod inseparabbli mal-qawwiet tas-smewwiet, u li l-qawwiet tas-smewwiet jistgħu jiġu kkontrollati jew imħaddmin biss skont il-prinċipji tas-sewwa.”11

Aħna nafu x’inhu dak li jagħtina l-akbar aċċess għall-qawwiet tas-smewwiet. Nafu wkoll x’inhu dak li jfixkel il-progress tagħna—x’għandna bżonn nieqfu nagħmlu biex inkabbru l-aċċess tagħna għall-qawwiet tas-smewwiet. L-Aħwa, bl-għajnuna tat-talb fittxu li tifhmu liema hu dak l-ostaklu li qed iwaqqaf l-indiema tagħkom. Identifikaw x’qed iżommkom milli tindmu. Imbagħad, agħmlu l-bidla meħtieġa! Indmu! Ilkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu aħjar u nkunu aħjar minn qatt qabel.12

Hemm modi speċifiċi li hemm ċans jgħinuna ninbidlu. Mod speċifiku hu kif aħna nittrattaw ġisimna. Verament nimmeravilja ruħi bil-miraklu tal-ġisem uman. Hija xi ħaġa manjifika, essenzjali għat-tlugħ gradwali lejn l-ogħla potenzjal divin tagħna. Ma nistgħux navvanzaw mingħajru. Meta rregalalna ġisimna, Alla tana ċ-ċans li nagħmlu pass mill-aktar importanti biex insiru nixbhuh aktar.

Satana dan jifhmu. Huwa jiffustra ruħu bil-fatt li l-apostasija primortali tiegħu tiskwalifikah minn dan il-privileġġ, fejn spiċċa fi stat kostanti ta’ għira u riżentiment. Għalhekk, ħafna mit-tentazzjoni, jekk mhux il-parti kbira minnha, li huwa jpoġġilna quddiemna fit-triq tagħna tikkawżalna li nabbużaw ġisimna jew ġisem ħaddieħor. Peress li Satana huwa miżerabbli mingħajr ġisem, huwa jridna nkunu miżerabbli minħabba ġisimna.13

Ġismek huwa t-tempju personali tiegħek, maħluq biex fih jgħammar l-ispirtu etern tiegħek.14 Huwa importanti li intom tieħdu ħsieb dak it-tempju. Issa l-aħwa, jien nistaqsikom, intom aktar interessati li tilbsu u tieħdu ħsieb ġisimkom biex tidhru aktar attraenti għad-dinja milli biex togħġbu lil Alla? It-tweġiba tagħkom għal din il-mistoqsija tibgħat messaġġ dirett lil Alla dwar is-sentimenti tagħkom lejn ir-rigal traxxendenti li Huwa takom. Bil-mod kif inqimu ġisimna, l-aħwa, naħseb li nistgħu nagħmlu aħjar u nkunu aħjar.

Mod ieħor kif nistgħu wkoll nagħmlu aħjar u nkunu aħjar hu kif aħna nonoraw lin-nisa f’ħajjitna, fejn għandna nibdew bil-konjuġi tagħna u bit-tfal bniet tagħna, b’ommijietna u b’ħutna l-bniet.15

Ftit tax-xhur ilu, jiena rċevejt ittra ta’ qsim il-qalb mingħand waħda oħt għażiża. Hija kitbet: “Jien u wliedi l-bniet inħossuna li qegħdin f’kompetizzjoni qalila għall-attenzjoni bla distrazzjoni ta’ żwieġna u wliedna s-subien, b’aġġornamenti tal-isports erba’ u għoxrin siegħa kuljum, logħob tal-kompjuter, aġġornamenti dwar ir-rati tal-kambju, u analiżi kontinwa ta’ kull sport konċepibbli u l-ħin li jgħaddu jsegwuh. Inħossuna li qed nitilfu l-importanza tagħna ma’ żwieġna u wliedna s-subien għaliex il-logħob u l-isports huma aktar importanti minna.”16

L-aħwa, l-ewwel u l-akbar dmir tagħkom bħala rġiel li tħaddnu s-saċerdozju hu li tħobbu u tieħdu ħsieb martkom. Siru ħaġa waħda magħha. Kunu s-sieħeb tagħha. Agħmluha faċli biex hi wkoll tkun trid tkun is-sieħba tagħkom. L-ebda interess ieħor fil-ħajja m’għandu jieħu prijorità akbar milli tibnu relazzjoni eterna magħha. M’hemm xejn fuq it-televixin, fuq l-apparat mobbli jew fuq il-kompjuter li huwa aktar importanti mill-benesseri tagħha. Ikkunsidraw kif qed tqattgħu ħinkom u fejn qed tiddedikaw l-enerġija tagħkom. Dan jurikom fejn hi qalbkom. Itolbu biex qalbkom tkun intonata ma’ qalb martkom. Fittxu li tferrħuha. Fittxu l-kunsill tagħha u agħtu każ tiegħu. Il-kontribut tagħha jasal biex itejjeb l-għemejjel tagħkom.

Jekk hemm bżonn li tindmu minħabba l-mod kif ittrattajtu n-nisa l-aktar viċin tagħkom, agħmlu dan issa. U Ftakru li hija r-responsabbiltà tagħkom li tgħinu n-nisa f’ħajjitkom jirċievu l-barkiet li jinkisbu meta aħna ngħixu l-liġi tal-kastità tal-Mulej. Qatt tkunu r-raġuni għalfejn xi mara ma tkunx tista’ tirċievi l-barkiet tagħha tat-tempju.

L-aħwa, aħna lkoll jeħtieġ li nindmu. Jeħtieġ li nqumu minn fuq is-sufan, inneħħu minn idejna l-kontroll tat-televixin u nqumu min-nagħsa spiritwali tagħna. Wasal iż-żmien li nilbsu l-korazza sħiħa ta’ Alla ħalli nidħlu b’ruħna u ġisimna għall-aktar ħidma importanti fid-dinja. Huwa ż-żmien li “nibdew inxejru l-minġel tagħna, u naħsdu bil-qawwa u s-saħħa tagħna kollha u b’moħħna kollu.”17 Il-forzi tal-ħażen qatt ma wrew il-qawwa tagħhom aktar mil-lum. Bħala qaddejja tal-Mulej, aħna ma nistgħux norqdu waqt li għaddejja din il-battalja.

Il-familja tagħkom teħtieġ it-tmexxija u l-imħabba tagħkom. Il-kworum tagħkom u dawk fil-qasam jew fil-fergħa tagħkom jeħtieġu l-għajnuna tagħkom. U dawk kollha li jiltaqgħu magħkom jeħtieġ li jkunu jafu kif jidher u kif jaġixxi dixxiplu veru tal-Mulej.

Għeżież ħuti, intom ġejtu magħżulin minn Missierna biex tiġu fid-dinja f’dan iż-żmien kruċjali minħabba l-kuraġġ spiritwali li wrejtu fil-ħajja primortali. Intom fost l-aktar irġiel twajbin u qalbiena li qatt ġew fid-dinja. Satana jaf min intom u min kontu intom fid-dinja primortali u hu jifhem il-ħidma li jeħtieġ isseħħ qabel ir-ritorn tas-Salvatur. U wara eluf ta’ snin jipprattika l-arti tal-qerq tiegħu, l-avversarju huwa ta’ esperjenza u inkorrettibbli.

Nirringrazzjaw lil Alla, is-saċerdozju li aħna nħaddnu huwa ferm aktar b’saħħtu mill-qerq tal-avversarju. Nitlobkom biex tkunu l-irġiel u l-ġuvintur li jridkom tkunu l-Mulej. Araw li l-indiema ta’ kuljum tagħkom tkun xi ħaġa daqstant integrali minn ħajjitkom li intom tkunu tistgħu teżerċitaw is-saċerdozju b’qawwa akbar minn qatt qabel. Dan hu l-uniku mod kif intom tistgħu żżommu lilkom u lill-familja tagħkom spiritwalment ‘il bogħod mill-periklu fiż-żmien ta’ sfida li għandna quddiemna.

Il-Mulej jeħtieġ irġiel altruwisti li jpoġġu l-benesseri ta’ ħaddieħor qabel tagħhom. Jeħtieġ irġiel li intenzjonalment jaħdmu biex jisimgħu b’ċarezza l-leħen tal-Ispirtu. Jeħtieġ irġiel tal-patt li jżommu l-patti tagħhom b’integrità. Jeħtieġ irġiel li huma determinati li jżommu lilhom infushom sesswalment safja—irġiel denji li jista’ jiddependi fuqhom f’mument ta’ urġenza biex jagħtu barkiet b’ qalb safja, moħħ nadif u idejn lesti biex jaqduh. Il-Mulej jeħtieġ irġiel ħerqana biex jindmu—irġiel mimlijin entużjażmu biex iservu u jkunu parti mill-battaljun tal-Mulej ta’ rġiel li jħaddnu s-saċerdozju.

Jiena nberikkom biex tkunu dawn it-tip ta’ rġiel. Inberikkom bil-kuraġġ li tindmu kuljum u titgħallmu kif teżerċitaw il-qawwa sħiħa tas-saċerdozju. Inberikkom biex twasslu l-imħabba tas-Salvatur lil martkom u lil uliedkom u lil dawk kollha li jafukom. Inberikkom biex tagħmu aħjar u tkunu aħjar. U nberikkom li hekk kif tagħmlu dan l-isforz, intom tesperjenzaw il-mirakli f’ħajjitkom.

Aħna ninsabu ingaġġati fil-ħidma ta’ Alla s-Setgħan. Ġesù hu l-Kristu. Aħna l-qaddejja Tagħhom. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.