2010-2019
Rimarki tal-Għeluq
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Rimarki tal-Għeluq

Id-dinjità individwali teħtieġ konverżjoni sħiħa fil-moħħ u fil-qalb biex insiru nixbhu aktar lill-Mulej.

Għeżież ħuti, hekk kif ninsabu resqin lejn tmiem din il-konferenza storika, aħna nirringrazzjaw lill-Mulej talli ispira l-messaġġi u l-mużika li edifikawna. Aħna verament gawdejna festa spiritwali.

Aħna nafu li l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu jġib it-tama u l-ferħ lin-nies li jisimgħu u jagħtu każ id-duttrina Tiegħu. Aħna nafu wkoll li kull dar tista’ ssir santwarju veru ta’ fidi, fejn il-paċi, l-imħabba, u l-Ispirtu tal-Mulej jistgħu jgħammru.

Bla dubju, l-aktar parti importanti tar-Restawrazzjoni huwa t-tempju mqaddes. L-ordinanzi u l-patti sagri tiegħu huma kruċjali biex jitħejjew dawk in-nies li huma lesti ħalli jilqgħu lis-Salvatur fit-Tieni Miġja Tiegħu. Bħalissa aħna għandna 166 tempju ddedikat, u dalwaqt ikun hemm oħrajn.

Kull tempju, ġdid jew irrinovat, jinżamm miftuħ għall-pubbiku qabel ma ssir id-dedikazzjoni tiegħu. Ħafna ħbieb li mhumiex tat-twemmin tagħna jieħdu sehem fi żjajjar li jsiru f’dawn it-tempji u jitgħallmu xi ħaġa dwar il-barkiet tat-tempju. U xi wħud minn dawk il-viżitaturi jħossu li għandhom isiru jafu aktar. Uħud minnhom b’sinċerità jistaqsu kif jistgħu jikkwalifikaw għall-barkiet tat-tempju.

Bħala membri tal-Knisja, jeħtieġ li nkunu preparati biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħhom. Nistgħu nispjegaw li l-barkiet tat-tempju huma disponibbli għal dawk in-nies kollha li jħejju lilhom infushom. Iżda qabel ma huma jkunu jistgħu jidħlu f’tempju ddedikat, jeħtieġ li l-ewwel jikkwalifikaw. Il-Mulej irid li wliedu kollha jgawdu mill-barkiet eterni disponibbli fit-tempju Tiegħu. Huwa qalilna x’għandha tagħmel kull persuna biex tikkwalifika ħalli tidħol fid-dar imqaddsa Tiegħu.

Post tajjeb fejn aħna nistgħu nibdew din l-opportunità ta’ tagħlim hu li nindikaw il-kliem li hemm imnaqqax fuq il-faċċata tat-tempju: “Qdusija lill-Mulej: Id-Dar tal-Mulej.” Il-messaġġ tal-President Henry B. Eyring illum u ħafna messaġġi oħra ispirawna biex insiru aktar qaddisa. Kull tempju huwa post qaddis; kull min jattendi t-tempju għandu jagħmel li jista’ biex isir aktar qaddis.

Il-ħtiġijiet kollha biex tidħol fit-tempju huma relatati mal-qdusija personali. Biex jiġi evalwat kemm tinsab lesta, kull persuna li trid tgawdi l-barkiet tat-tempju jkollha żewġ intervisti: l-ewwel mal-isqof, mal-kunsillier fil-veskovat, jew mal-president tal-fergħa; imbagħad mal-president tal-wited jew tal-missjoni jew xi wieħed mill-kunsilliera tiegħu. F’dawk l-intervisti, huma jistaqsu diversi mistoqsijiet.

M’ilux xi wħud minn dawk il-mistoqsijiet ġew editjati biex ikunu aktar ċari. Issa nixtieq indurhom waħda magħkom:

  1. Għandek fidi f’Alla, il-Missier Etern; Ibnu, Ġesù Kristu; u l-Ispirtu s-Santu, u għandek testimonjanza tagħhom?

  2. Għandek testimonjanza tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu u tal-irwol Tiegħu bħala s-Salvatur u l-Feddej tiegħek?

  3. Għandek testimonjanza tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu?

  4. Inti ssostni lill-President tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien bħala l-profeta, il-bassâr, u r-rivelatur u bħala l-uniku persuna fid-dinja awtorizzata biex teżerċita l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju?

    Inti ssostni lill-membri tal-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu bħala profeti, bassâra, u rivelaturi?

    Inti ssostni l-Awtoritajiet Ġenerali l-oħra u l-mexxejja lokali tal-Knisja?

  5. Il-Mulej qal li kollox għandu “iseħħ f’indafa” quddiemu (Doctrine and Covenants 42:41).

    Tagħmel inti l-almu tiegħek biex tkun moralment nadif fi ħsibijietek u fl-imġieba tiegħek?

    Inti tobdi l-liġi tal-kastità?

  6. Timxi inti wara t-tagħlim tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu fl-imġieba privata u pubblika tiegħek mal-membri tal-familja tiegħek u ma’ ħaddieħor?

  7. Inti tappoġġja jew tippromwovi xi tagħlim, drawwiet, jew duttrina li jmorru kontra dawk tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien?

  8. Tagħmel l-almu tiegħek biex tqaddes jum is-Sabbath, kemm fid-dar, kif ukoll fil-knisja; biex tattendi l-laqgħat tiegħek; biex titħejji ħalli b’mod den tieħu sehem fis-sagrament; u biex tgħix ħajtek f’armonija mal-liġijiet u l-kmandamenti tal-evanġelju?

  9. Tagħmel l-almu tiegħek biex tkun onest f’dak kollu li tagħmel?

  10. Inti tħallas dieċmi sħiħa?

  11. Il-Kelma tal-Għerf tifhimha u tobdiha?

  12. Għandek obbligi finanzjarji jew xi obbligi oħra lejn xi ex-konjuġi jew lejn xi tfal?

    Jekk iva, bħalissa inti tinsab tonora dawk l-obbligi?

  13. Inti żżomm il-patti li għamilt fit-tempju, fosthom li tilbes l-ilbies tat-tempju kif mgħallem tagħmel fid-dotazzjoni?

  14. F’ħajtek hemm xi dnubiet serji li jeħtieġ li tirrisolvihom mal-awtoritajiet tas-saċerdozju bħala parti mill-indiema tiegħek?

  15. Inti tikkunsidra lilek innifsek den li tidħol fid-dar tal-Mulej u tipparteċipa fl-ordinanzi tat-tempju?

Għada, dawn il-mistoqsijiet riveduti għar-rakkomandazzjoni tat-tempju se jitqassmu lill-mexxejja tal-Knisja madwar id-dinja.

Minbarra li jwieġeb dawk il-mistoqsijiet b’onestà huwa mifhum li kull bniedem adult li jidħol it-tempju għandu jilbes l-ilbies sagru tas-saċerdozju taħt il-ħwejjeġ regolari tiegħu. Dan huwa simboliku għal impenn ġewwieni li kuljum sejrin nagħmlu li nistgħu biex insiru aktar bħall-Mulej. Ifakkarna wkoll biex nibqgħu fidili kuljum lejn il-patti li nagħmlu u li nimxu kuljum fit-triq tal-patt b’mod ogħla u aktar qaddis.

Issa, għal ftit ħin, nixtieq inkellem liż-żgħażagħ tagħna. Aħna nħeġġukom biex tikkwalifikaw għal rakkomandazzjonijiet tat-tempju għal użu limitat. Intom tiġu mistoqsijin biss dawk il-mistoqsijiet li huma applikabbli għalikom fit-tħejjija tagħkom għall-ordinanzi tal-magħmudija u l-konferma bi prokura. Aħna verament grati għad-dinjità u r-rieda tagħkom li tipparteċipaw f’dik il-ħidma sagra tat-tempju. Aħna nirringrazzjawkom!

Id-dinjità individwali biex tidħol fid-dar tal-Mulej teħtieġ tħejjija spiritwali individwali kbira. Iżda bl-għajnuna tal-Mulej, xejn mhu impossibbli. F’ċerti aspetti, huwa aktar faċli li tibni tempju milli tibni poplu ppreparat għat-tempju. Id-dinjità individwali teħtieġ konverżjoni sħiħa fil-moħħ u fil-qalb biex inkunu nixbhu aktar lill-Mulej, inkunu ċittadini onesti, inkunu eżempju aħjar, u nkunu nies aktar qaddisa.

Jiena nixhed li din it-tip ta’ ħidma preparatorja twasslilna barkiet bla għadd f’din il-ħajja u barkiet inimmaġinabbli fil-ħajja li jmiss, fosthom il-perpetwazzjoni tal-unit tal-familja tagħkom tul l-eternità “fi stat ta’ ferħ bla tmiem.”1

Issa nixtieq nitkellem dwar suġġett ieħor: il-pjanijiet għas-sena li ġejja. Fiż-żmien tar-rebbiegħa tas-sena 2020, se jkun eżattament 200 sena minn meta Joseph Smith esperjenza t-teofanija li nirreferu għaliha bħala l-Ewwel Viżjoni. Alla l-Missier u Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu, dehru lil Joseph, żagħżugħ ta’ 14-il sena. Dak l-avveniment kien ifisser il-bidu tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fil-milja sħiħa tiegħu, preċiżament kif imbassar fil-Bibbja Mqaddsa.2

Imbagħad kien hemm suċċessjoni sħiħa ta’ żjarat minn messaġġiera mis-smewwiet, fosthom Moroni, Ġwanni l-Battista, u l-Appostli tal-ewwel żminijiet Pietru, Ġakbu, u Ġwanni. Warajhom ġew oħrajn, fosthom Mosè, Elijas, u Elija. Kull wieħed minnhom ġab miegħu awtorità divina li tbierek għal darb’oħra lil ulied Alla fid-dinja.

Mirakolożament, aħna rċevejna wkoll il-Ktieb ta’ Mormon: Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu, skrittura li tmur id f’id mal-Bibbja Mqaddsa. Ir-rivelazzjonijiet ippubblikati fid-Duttrina u Patti u l-Ġawhra ta’ Valur Kbir ukoll saħħew ferm l-għarfien tagħna tal-kmandamenti u l-verità eterna ta’ Alla.

L-imfietaħ u l-uffiċċji tas-saċerdozju ġew irrestawrati, fosthom l-uffiċċju ta’ Appostlu, Sebgħin, patrijarka, qassis il-kbir, presbiteru, isqof, qassis, għalliem, u djaknu. U n-nisa li jħobbu lill-Mulej iservu b’kuraġġ fis-Soċjetà tal-Għajnuna, fil-Primarja, fit-Tfajliet, fl-Iskola tal-Ħadd, u f’sejħiet oħra tal-Knisja—kollha partijiet mill-aktar importanti tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fil-milja tiegħu.

Għalhekk, is-sena 2020 se tkun maħtura bħala s-sena biċentinarja. Il-konferenza ġenerali ta’ April li ġej se tkun differenti minn kull konferenza oħra ta’ qabel. Fis-sitt xhur li jmiss, nittama li kull membru u kull familja jitħejjew għal konferenza unika li se tfakkar il-vera sisien tal-evanġelju rrestawrat.

Jista’ jkun li tixtiequ tibdew it-tħejjija tagħkom billi taqraw mill-ġdid ir-rakkont ta’ Joseph Smith tal-Ewwel Viżjoni kif jinsab fil-Ġawhra ta’ Valur Kbir. Il-kors ta’ studju tagħna għas-sena li ġejja f’ Come, Follow Me huwa l-Ktieb ta’ Mormon. Intom tafu tridu tixtarru ċerti mistoqsijiet importanti bħal, “Kif kienet tkun differenti ħajti jekk l-għarfien li ksibt mill-Ktieb ta’ Mormon f’daqqa waħda jitteħidli?” jew “X’differenza għamlu għalija u għall-maħbubin tiegħi l-avvenimenti li ġraw mill-Ewwel Viżjoni ’l hawn?” Kif ukoll, bil-vidjos tal-Ktieb ta’ Mormon li issa qed ikunu disponibbli, jista’ jkun li tkunu tixtiequ tinkorporawhom fl-istudju individwali u tal-familja tagħkom.

Agħżlu l-mistoqsijiet tagħkom. Fasslu l-pjan tagħkom. Intilfu fid-dawl glorjuż tar-Restawrazzjoni. Hekk kif tagħmlu dan, il-konferenza ġenerali ta’ April li ġej mhux biss se tkun waħda memorabbli; se tkun waħda li żgur mhux se tinsew.

Issa biex nagħlaq, se nħallikom bl-imħabba tiegħi u bil-barka tiegħi li kull wieħed u waħda minnkom issiru aktar ferħanin u aktar qaddisa ma’ kull jum li jgħaddi. Sadattant, jekk jogħġobkom kunu ċerti li r-rivelazzjoni tkompli fil-Knisja u se tkompli taħt id-direzzjoni tal-Mulej sakemm “l-għanijiet ta’ Alla jitwettqu u l-Kbir Ġehova jgħid il-ħidma ġiet fis-seħħ.”3

Jiena b’hekk inberikkom, fejn nikkonferma l-imħabba tiegħi lejkom, bit-testimonjanza tiegħi li Alla jgħix! Ġesù hu l-Kristu! Din hi l-Knisja Tiegħu u aħna l-poplu Tiegħu. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.