Skrittura
Mosija 4


Kapitlu 4

Is‑sultan Benjamin ikompli d‑diskors tiegħu—Is‑salvazzjoni tinkiseb minħabba l‑Espjazzjoni—Emmnu f’Alla biex issalvaw—Ippreservaw il‑maħfra ta’ dnubietkom permezz tal‑fedeltà—Aqsmu ġidkom mal‑foqra—Agħmlu kollox b’għaqal u b’ordni. Madwar 124 Q.K.

1 U issa, ġara li meta s‑sultan Benjamin temm jgħid il‑kliem li ġie mwassal lilu mill‑anġlu tal‑Mulej, huwa ħares ħarsa lejn il‑miġemgħa, u araw huma waqgħu mal‑art, għax inħakmu mill‑biża’ tal‑Mulej.

2 U huma bdew jikkunsidraw lilhom infushom fl‑istat karnali tagħhom, saħansitra anqas mit‑trab tal‑art. U flimkien għajtu b’leħen għoli u qalu: Ikollok ħniena minna, u nitolbuk tapplika d‑demm espjatorju ta’ Kristu sabiex aħna nkunu nistgħu nirċievu maħfra ta’ dnubietna, u qalbna tissaffa; għax aħna nemmnu f’Ġesù Kristu, Iben Alla, li ħoloq is‑sema u l‑art, u kull ħaġa oħra; illi għandu jinżel fost ulied il‑bnedmin.

3 U ġara li wara li huma qalu dan il‑kliem l‑Ispirtu tal‑Mulej niżel fuqhom, u huma mtlew bil‑hena, u kisbu maħfra ta’ dnubiethom, u kellhom il‑paċi fil‑kuxjenza, minħabba l‑fidi mill‑aktar kbira li kellhom f’Ġesù Kristu li għandu jiġi, skont il‑kliem li qalilhom is‑sultan Benjamin.

4 U s‑sultan Benjamin reġa’ fetaħ fommu u beda jkellimhom u jgħid: Ħbiebi u ħuti, qrabati u niesi, nerġa’ nitlobkom tisimgħuni, biex intom tkunu tistgħu tisimgħu u tifhmu l‑kumplament tal‑kliem li jiena se ngħidilkom.

5 Għax araw, jekk l‑għarfien tat‑tjubija ta’ Alla bħalissa qajjem fikom ir‑rikonoxxenza tax‑xejn tagħkom, u tal‑istat indenn u dekadut tagħkom—

6 Jiena ngħidilkom, jekk intom ksibtu għarfien tat‑tjubija ta’ Alla, u tal‑qawwa inkomparabbli tiegħu, u tal‑għerf tiegħu, u tal‑paċenzja tiegħu, u tas‑sabar tiegħu lejn ulied il‑bnedmin; kif ukoll, tal‑espjazzjoni li ġiet imħejjija sa mill‑ħolqien tad‑dinja, ħalli permezz tagħha s‑salvazzjoni tkun tista’ tingħata lil dak li jafda fil‑Mulej, u bi ħrara jħares il‑kmandamenti tiegħu, u jibqa’ fil‑fidi sewwasew sat‑tmiem ta’ ħajtu, jiġifieri sat‑tmiem tal‑ħajja tal‑ġisem mortali—

7 Jien ngħidilkom, li dan hu dak il‑bniedem li jirċievi s‑salvazzjoni, permezz tal‑espjazzjoni li ġiet imħejjija sa mill‑ħolqien tad‑dinja għall‑umanità kollha, li ilha teżisti sa mill‑waqgħa ta’ Adam, li teżisti bħalissa, jew li għal dejjem se teżisti, sewwasew sal‑aħħar tad‑dinja.

8 U dan hu l‑mod kif tista’ tinkiseb is‑salvazzjoni. U m’hawn l‑ebda salvazzjoni oħra ħlief din li dwarha tkellimna; lanqas ma hemm l‑ebda kundizzjonijiet li permezz tagħhom il‑bniedem jista’ jsalva ħlief il‑kundizzjonijiet li jiena kellimtkom dwarhom.

9 Emmnu f’Alla; emmnu li jeżisti, u li hu ħoloq kull ħaġa, kemm fis‑sema u anke fl‑art; emmnu li hu jippossedi kull għerf, u kull qawwa, kemm fis‑sema u anke fl‑art; emmnu li l‑bniedem ma jistax jifhem dak kollu li jista’ jifhem il‑Mulej.

10 U għal darb’oħra, emmnu li jeħtieġ li intom tindmu minn dnubietkom u tabbandunawhom, u tiċċekknu quddiem Alla; u tistaqsuh b’qalb sinċiera sabiex huwa jaħfrilkom; u issa, jekk intom temmnu dan kollu araw li twettquh.

11 U għal darb’oħra ngħidilkom kif għidt qabel, li hekk kif intom wasaltu biex għaraftu l‑glorja ta’ Alla, jew esperjenzajtu t‑tjubija tiegħu u doqtu mħabbtu, u ksibtu maħfra ta’ dnubietkom, li wasslitkom biex timlew ruħkom b’hena mill‑aktar kbira, bl‑istess mod nixtieq li intom tiftakru, u dejjem iżżommu f’moħħkom il‑kobor ta’ Alla u x‑xejn tagħkom, u t‑tjubija tiegħu u s‑sabar tiegħu lejkom, O ħlejjaq indenji, u ċekknu lilkom infuskom sewwasew b’umiltà mill‑aktar profonda, sejħu isem il‑Mulej kuljum, u ibqgħu sodi fil‑fidi ta’ dak li għandu jiġi, li ssemma b’fomm l‑anġlu.

12 U araw, jiena ngħidilkom li jekk intom tagħmlu dan intom tithennew dejjem, u tkunu mimlija bl‑imħabba ta’ Alla, u tippreservaw dejjem maħfra ta’ dnubietkom; u tikbru fl‑għarfien tal‑glorja ta’ dak li ħalaqkom, jew fl‑għarfien ta’ dak li hu ġust u veru.

13 U ma jkollkomx moħħ li tweġġgħu lil xulxin, iżda li tgħixu fis‑sliem, u tagħtu lil kull bniedem skont dak li jistħoqqlu.

14 U taraw li wliedkom ma jispiċċawx bil‑ġuħ, jew għerja, u taraw ukoll li huma ma jiksrux il‑liġijiet ta’ Alla, u li ma jiġġieldux u jargumentaw bejniethom, u jservu lix‑xitan, li hu sid id‑dnub, jew li hu l‑ispirtu l‑ħażin li tkellmu dwaru missirijietna, għax hu l‑għadu ta’ kull ma hu sewwa.

15 Iżda għandkom tgħallmuhom biex jimxu fit‑triqat tal‑verità u l‑għaqal; għandkom tgħallmuhom iħobbu lil xulxin, u jservu lil xulxin.

16 U intom ukoll għandkom tgħinu lil dawk li jeħtieġu l‑għajnuna tagħkom; għandkom taqsmu ġidkom ma’ dak li jinsab fil‑bżonn; u araw li l‑fqir ma jiġix jittallab magħkom għal xejn, u intom tkeċċuh ’l hemm.

17 Forsi tafu tgħidu: Dar‑raġel il‑miżerja tiegħu ġabha b’idejh; għalhekk se nibqa’ lura u ma naqsamx miegħu l‑ikel tiegħi, lanqas ma jien se naqsam miegħu ġidi biex huwa ma jibqax ibati, għax il‑kastig tiegħu hu wieħed ġust—

18 Iżda jien ngħidilkom, ja bniedem, kull min jagħmel dan, hu stess għandu verament għalfejn jindem; u jekk huwa ma jindimx minn dak li għamel hu jintilef għal dejjem, u ma jkollu l‑ebda sehem fis‑saltna ta’ Alla.

19 Għax araw, aħna mhux kollha tallaba? Mhux ilkoll niddependu fuq l‑istess Esseru, li hu Alla, għall‑ġid kollu li għandna, kemm għall‑ikel kif ukoll għall‑ilbies, u għad‑deheb, u għall‑fidda, u għal kull tip ta’ għana li aħna għandna?

20 U araw, anke bħalissa, intom kontu qed issejħu ismu, u tittallbu għal maħfra ta’ dnubietkom. U taħsbu li hu ħalliekom tittallbu għal xejn? Le; hu sawwab l‑Ispirtu tiegħu fuqkom, u ra li qalbkom timtela bl‑hena, u ra li intom tibqgħu b’fommkom magħluq ħalli ma tkunux tistgħu titkellmu, għax daqstant kbira kienet l‑hena tagħkom.

21 U issa, jekk Alla li ħalaqkom, li fuqu tiddependu għal ħajjitkom u għal dak kollu li għandkom u dak kollu li intom, lest jagħtikom dak kollu li b’fidi titolbuh, li huwa xieraq, fejn temmnu li sejrin tirċievu, O mela, kemm verament għandkom taqsmu ġidkom bejnietkom.

22 U jekk tiġġudikaw lil dak il‑bniedem li jiġi jittallab magħkom għal ġidkom biex ma jinqeridx, u tikkundannawh, kemm tkun aktar ġusta l‑kundanna tagħkom talli żammejtu lura milli taqsmu ġidkom, liema ġid mhuwiex tagħkom iżda ta’ Alla, li tiegħu wkoll hija ħajjitkom; u madankollu intom la toffrulu talba, u lanqas tindmu mill‑ħaġa li intom għamiltu.

23 Jien ngħidilkom, ħażin ikun għalih dak il‑bniedem, għax ġidu għad jinqered miegħu; u issa, jien ngħid dawn il‑ħwejjeġ lil dawk li huma għonja fejn jidħlu l‑ħwejjeġ ta’ did‑dinja.

24 U għal darb’oħra, jiena ngħid lill‑foqra, intom li m’għandkomx iżda madankollu għandkom biżżejjed, li tgħixu minn jum għal jum; qed nirreferi għalikom kollha li tirriffjutaw lit‑tallab, għaliex m’għandkomx; nitlobkom tgħidu f’qalbkom li: jien ma nagħtix għax m’għandix, iżda kieku kelli kont nagħti.

25 U issa, jekk f’qalbkom intom tgħidu dan intom tibqgħu mingħajr ħtija, inkella tiġu kkundannati; u l‑kundanna tagħkom hi ġusta għax tkunu qed tixxenqu għal dak li ma ksibtux.

26 U issa, sabiex intom tiksbu dawn il‑ħwejjeġ li kellimtkom dwarhom—jiġifieri, biex minn jum għal ieħor tippreservaw maħfra ta’ dnubietkom, ħalli tkunu tistgħu timxu mingħajr ħtija quddiem Alla—nitlobkom sabiex taqsmu ġidkom mal‑foqra, kull bniedem skont dak li għandu, bħalli titimgħu lil min hu bil‑ġuħ, tlibbsu lill‑għeri, iżżuru lill‑marid u tamministraw għall‑bżonnijiet tiegħu, kemm spiritwali kif ukoll temporali, skont il‑ħtiġijiet tiegħu.

27 U araw li kollox iseħħ b’għaqal u b’ordni; għax mhuwiex meħtieġ li bniedem jiġri aktar milli jiflaħ. U għal darb’oħra, jaqbel li hu jkun diliġenti, ħalli b’hekk ikun jista’ jirbaħ il‑premju; għalhekk, kollox jeħtieġ li jsir b’ordni.

28 U nitlobkom sabiex tiftakru, li kull min fostkom jissellef mingħand il‑ġar tiegħu għandu jrodd lura l‑ħaġa li jkun issellef, skont il‑ftehim li jkun għamel, għax inkella tkunu waqajtu fid‑dnub; u forsi lill‑ġar tagħkom twassluh biex jaqa’ fid‑dnub ukoll.

29 U finalment, jien ma nistax ngħidilkom kull ħaġa li permezz tagħha tistgħu taqgħu fid‑dnub; għax tant hemm modi u mezzi diversi, li ma nistax insemmihom kollha.

30 Iżda li nista’ ngħidilkom hu dan, li jekk intom ma tikkontrollawx lilkom infuskom, u ħsibijietkom, u kliemkom, u għemilkom, u ma tosservawx il‑kmandamenti ta’ Alla, u ma tibqgħux fil‑fidi ta’ dak li smajtu dwar il‑miġja ta’ Sidna l‑Mulej, sewwasew sat‑tmiem ta’ ħajjitkom, intom tispiċċaw tintilfu. U issa, ja bniedem, ftakar, u tintilifx.