Skrittura
Mosija 3


Kapitlu 3

Is‑sultan Benjamin ikompli bid‑diskors tiegħu—Il‑Mulej Omnipotenti se jimministra fost il‑bnedmin f’tabernaklu tat‑tafal—Id‑demm se joħroġ mill‑pori kollha tiegħu hekk kif Huwa jpatti għad‑dnubiet tad‑dinja—Tiegħu hu l‑uniku isem li permezz tiegħu niksbu s‑salvazzjoni—Il‑bnedmin jistgħu jinżgħu l‑bniedem naturali u jsiru Qaddisin permezz tal‑Espjazzjoni—It‑turment tal‑ħżiena se jkun bħal belliegħa ta’ nar u kubrit. Madwar 124 Q.K.

1 U għal darb’oħra ħuti, nitlobkom tisimgħuni, għax għandi xi ħaġa oħra x’ngħidilkom; għax araw, għandi ħwejjeġ x’ngħidilkom dwar dak li għad irid iseħħ.

2 U l‑ħwejjeġ li jiena se ngħidilkom ġew żvelati lili minn anġlu mibgħut minn Alla. U huwa qalli: Qum; u jiena qomt, u rajtu wieqaf quddiemi.

3 U huwa qalli: Qum, u isma’ l‑kliem li se ngħidlek; għax ara, jiena ġejt biex inħabbarlek il‑bxara ta’ hena mill‑akbar.

4 Għax il‑Mulej sema’ talbek, u għamel ħaqq mis‑sewwa tiegħek, u bagħatni biex ngħarrfek li għandek biex tithenna; u li għandek tgħarraf lil niesek, ħalli huma jkunu jistgħu jithennew ukoll.

5 Għax ara, se jasal iż‑żmien, u mhuwiex fil‑bogħod, li b’qawwa, il‑Mulej Omnipotenti li jsaltan, illi kien, u li hu mill‑eternità għall‑eternità, se jinżel mis‑smewwiet fost ulied il‑bnedmin, u se jgħammar f’tabernaklu tat‑tafal, u se jmur fost il‑bnedmin, iwettaq mirakli mill‑aktar kbar, bħalli jfejjaq lill‑morda, iqajjem lill‑mejtin, jagħmel liz‑zopop jimxu, l‑għomja jaraw, u t‑torox jisimgħu, u jfejjaq kull xorta ta’ mard.

6 U hu sejjer ikeċċi x‑xjaten, jew l‑ispirti ħżiena li jgħammru fi qlub ulied il‑bnedmin.

7 U ara, huwa se jesperjenza t‑tiġrib, u l‑uġigħ fil‑ġisem, il‑ġuħ, l‑għatx u l‑għejja, sewwasew aktar milli bniedem jista’ jesperjenza, sakemm ma jwassluhx għall‑mewt; għax ara, id‑demm se joħroġ mill‑pori kollha tiegħu, u d‑diqa tiegħu se tkun mill‑aktar kbira minħabba l‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha tal‑poplu tiegħu.

8 U ismu se jkun Ġesù Kristu, Bin Alla, Missier is‑sema u l‑art, il‑Ħallieq ta’ kollox mill‑bidu taż‑żmien; u ommu se jkun jisimha Marija.

9 U ara, hu se jżur lil niesu, biex ulied il‑bnedmin ikunu jistgħu jiksbu s‑salvazzjoni sewwasew permezz tal‑fidi tagħhom f’ismu; u anke wara dan kollu huma se jħarsu lejh bħala raġel, u jgħidu li għandu fih ix‑xitan, u sejrin jagħtuh is‑swat, u jsallbuh.

10 U fit‑tielet jum huwa se jqum mill‑imwiet; u ara, hu se jagħmel ħaqq mid‑dinja; u ara, dan kollu se jsir sabiex isir ħaqq ġust minn ulied il‑bnedmin.

11 Għax ara, demmu wkoll se jpatti għad‑dnubiet ta’ dawk li waqgħu minħabba l‑ħtija ta’ Adam, li mietu mingħajr ma kienu jafu r‑rieda ta’ Alla għalihom, jew li waqgħu fid‑dnub bla ma kienu jafu.

12 Iżda ħażin u ħażin ikun għalih dak li jaf li qed jeħodha kontra Alla! Għax min hu bħalu ma jistax jikseb is‑salvazzjoni ħlief permezz tal‑indiema u l‑fidi fil‑Mulej Ġesù Kristu.

13 U l‑Mulej Alla bagħat lill‑profeti qaddisa tiegħu fost ulied il‑bnedmin, biex ixandru dawn il‑ħwejjeġ lil kull tribù, ġens, u ilsien, ħalli b’hekk dawk kollha li jemmnu li Kristu għandu jiġi, dawn ikunu jistgħu jiksbu maħfra ta’ dnubiethom, u jithennew b’hena mill‑aktar kbira, bħallikieku huwa diġà ġie fosthom.

14 Madankollu l‑Mulej Alla ra li l‑poplu tiegħu kien poplu rasu iebsa, u huwa tahom liġi, sewwasew il‑liġi ta’ Mosè.

15 U bosta sinjali, u għeġubijiet, u simboli, u xbihat huwa wrihom, relatati mal‑miġja tiegħu; u anke profeti qaddisa kellmuhom dwar il‑miġja tiegħu; u madankollu huma webbsu qalbhom, u baqgħu ma fehmux li l‑liġi ta’ Mosè ma kienet tiswa għal xejn li kieku ma kienx għall‑espjazzjoni ta’ demmu.

16 U anke li kieku kien possibbli li t‑tfal ċkejknin jistgħu jaqgħu fid‑dnub huma ma setgħux isalvaw; iżda jien ngħidlek li huma mberkin; għax ara, hekk kif permezz ta’ Adam, jew tan‑natura, huma jaqgħu, bl‑istess mod id‑demm ta’ Kristu jpatti għal dnubiethom.

17 U barra minn hekk, jien ngħidlek, li m’għandu jingħata l‑ebda isem ieħor jew l‑ebda mod jew mezz ieħor li permezz tiegħu wlied il‑bnedmin jistgħu jiksbu s‑salvazzjoni, ħlief fl‑isem u permezz tal‑isem ta’ Kristu, il‑Mulej Omnipotenti.

18 Għax ara, hu jagħmel ħaqq, u l‑ħaqq tiegħu hu ġust; u t‑tifel li jmut fl‑infanzja tiegħu ma jintilifx; iżda l‑bnedmin jixorbu l‑kundanna ta’ ruħhom jekk huma ma jumiljawx irwieħhom u jsiru bħat‑tfal ċkejknin, u jemmnu li s‑salvazzjoni kienet, u hi, u se tkun, fid‑demm u permezz tad‑demm espjatorju ta’ Kristu, il‑Mulej Omnipotenti.

19 Għax il‑bniedem naturali hu għadu ta’ Alla, u ilu hekk mill‑waqgħa ta’ Adam, u hekk se jibqa’, għal dejjem ta’ dejjem, sakemm hu ma jissottomettix ruħu għat‑tħajjir tal‑Ispirtu s‑Santu, u jinża’ minn fuqu l‑bniedem naturali u jsir qaddis permezz tal‑espjazzjoni ta’ Kristu l‑Mulej, u jsir bħat‑tfal, sottomess, ta’ qalb ħelwa, umli, kollu sabar, mimli mħabba, lest li jissottometti ruħu għal dak kollu li lest jgħabbih bih il‑Mulej, sewwasew kif tifel ċkejken jissottometti ruħu għal missieru.

20 U barra minn hekk, jiena ngħidlek, li għad jasal iż‑żmien meta l‑għarfien ta’ Salvatur sejjer jinfirex ma’ kull ġens, tribù, ilsien u poplu.

21 U ara, meta jasal iż‑żmien, l‑ebda ruħ mhi se tinstab bla ħtija quddiem Alla, ħlief it‑tfal ċkejknin, sakemm ma tindimx u jkollha l‑fidi f’isem il‑Mulej Alla Omnipotenti.

22 U anke f’dan iż‑żmien, meta inti tkun għallimt lil niesek il‑ħwejjeġ li ordnalek il‑Mulej Alla tiegħek, anke hemm huma mhux se jinstabu aktar bla ħtija f’għajnejn Alla, dan dejjem skont il‑kliem li jiena għidtlek.

23 U issa jiena għidt il‑kliem li ordnali ngħid il‑Mulej Alla.

24 U jgħid il‑Mulej: Hu se jkun ta’ xhieda kontra dan il‑poplu, f’jum il‑ħaqq; u permezz tiegħu se jsir ħaqq minnhom, kull bniedem skont l‑għemejjel tiegħu, kemm jekk ikunu tajbin, u kemm jekk ikunu ħżiena.

25 U jekk ikunu ħżiena huma se jkunu jistgħu jagħrfu ħtijiethom u l‑għemejjel mistkerrha tagħhom, li jwassluhom biex jerġgħu lura mill‑preżenza tal‑Mulej għal stat ta’ miżerja u turment bla tmiem, minn fejn ma jistgħux jiġu lura; għalhekk huma jkunu xorbu l‑kundanna ta’ ruħhom.

26 Għalhekk, huma jkunu xorbu mit‑tazza tal‑korla ta’ Alla, fejn il‑ġustizzja ma tistax tibqa’ teħlishom aktar bl‑istess mod li ma setgħetx twaqqaf lil Adam milli jaqa’ talli kiel mill‑frotta pprojbita; għalhekk, il‑ħniena ma tkunx tista’ tibqa’ tagħmilhom għal dejjem tagħha.

27 U t‑turment tagħhom huwa bħal belliegħa ta’ nar u kubrit, li l‑fjammi tagħha ma jintfewx, u d‑duħħan tagħha jitla’ ’l fuq għal dejjem ta’ dejjem. Dan hu li ordnali l‑Mulej. Ammen.