Skrittura
Mosija 29


Kapitlu 29

Mosija jipproponi li jintgħażlu mħallfin minflok sultan—Slaten ħżiena jwaqqgħu lill‑poplu tagħhom fid‑dnub—Alma ż‑żgħir jintgħażel bħala prim imħallef permezz ta’ leħen il‑poplu—Huwa wkoll il‑qassis il‑kbir fuq il‑Knisja—Alma l‑kbir u Mosija jmutu. Madwar 92–91 Q.K.

1 Issa meta Mosija għamel dan huwa bagħat proklama mal‑pajjiż kollu, fost in‑nies kollha, fejn xtaq ikun jaf kif jaħsbuha dwar min kellu jkun is‑sultan tagħhom.

2 U ġara li leħen il‑poplu qal: Aħna nixtiequ li ibnek Aron għandu jkun is‑sultan tagħna u l‑mexxej tagħna.

3 Issa Aron kien tela’ fl‑art ta’ Nefi, għalhekk is‑sultan ma setax jgħaddi s‑saltna f’idejh; u Aron lanqas ma kien se jaċċetta li jieħu f’idejh is‑saltna; u ħadd minn fost ulied Mosija ma kien lest li jieħu f’idejh is‑saltna.

4 Għalhekk is‑sultan Mosija reġa’ bagħat proklama fost il‑poplu; iva, sewwasew huwa bagħatha bil‑miktub fost il‑poplu. U dan huwa l‑kliem li huwa kiteb, fejn qal:

5 Araw, ja poplu tiegħi, jew aħjar ħuti, għax jiena nistmakom bħala tali, nixtieq li intom tixtarru ftit dwar dak li ntlabtu tixtarru dwaru—peress hija x‑xewqa tagħkom li jkollhom sultan.

6 Issa jiena nistqarr magħkom li dak li bi dritt is‑saltna għandha tgħaddi f’idejh ma aċċettahiex, u mhux lest jieħu f’idejh is‑saltna.

7 U issa jekk kellu jinħatar xi ħadd ieħor minfloku, araw jiena nibża’ li fostkom iqum it‑tilwim. U jaf jagħti l‑każ li ibni, li tiegħu bi dritt is‑saltna hi, jispiċċa jinkorla u jwassal biex hu jipperswadi lil parti minn dan il‑poplu biex tmur warajh, fejn dan iwassal għal gwerer u tilwim fostkom, li jispiċċa jkun il‑kawża ta’ ħafna tixrid ta’ demm u tgħawwiġ ta’ triq il‑Mulej, iva, u jwassal biex jeqred l‑erwieħ ta’ bosta nies.

8 Issa jien ngħidilkom ejjew inkunu għaqlin u nixtarru ftit dwar dawn il‑ħwejjeġ, għax aħna m’għandna l‑ebda dritt li neqirdu lil ibni, lanqas m’għandu jkollna dritt li neqirdu lil xi ħadd ieħor jekk huwa jinħatar minfloku.

9 U jekk ibni jerġa’ lura għall‑kburija u l‑frugħa huwa jirtira dak li qal, u jieħu tiegħu bid‑dritt is‑saltna, u dan iwassal biex hu kif ukoll dan il‑poplu jaqgħu waħda sew fid‑dnub.

10 U issa ejjew inkunu għaqlin u nirriflettu ftit dwar dawn il‑ħwejjeġ, u nagħmlu dak li jġib il‑paċi fost dan il‑poplu.

11 Għalhekk jiena nkun is‑sultan tagħkom għal kumplament ta’ ħajti; madankollu, ejjew naħtru mħallfin, biex jagħmlu ħaqq minn dan il‑poplu skont il‑liġi tagħna; u nirranġaw mill‑ġdid l‑affarijiet ta’ dan il‑poplu, fejn naħtru nies għaqlin bħala mħallfin, li jagħmlu ħaqq minn dan il‑poplu skont il‑kmandamenti ta’ Alla.

12 Issa ikun aħjar jekk bniedem jagħmel ħaqq minnu Alla milli l‑bniedem, għax il‑ħaqq ta’ Alla huwa dejjem ġust, iżda l‑ħaqq tal‑bniedem mhux dejjem ġust.

13 Għalhekk, jekk kien possibbli li intom ikollkom nies ġusti bħala slaten tagħkom, li jwettqu l‑liġijiet ta’ Alla, u jagħmlu ħaqq minn dan il‑poplu skont il‑kmandamenti tiegħu, iva, jekk jista’ jkollkom nies bħala slaten tagħkom li jagħmlu sewwasew dak li għamel missieri Benjamin għal dan il‑poplu—jien ngħidilkom, jekk dejjem dan ikun il‑każ mela jkun jaqbel li jkollkom dejjem slaten biex imexxukom.

14 U anke jiena ħdimt bil‑qawwa u l‑ħila kollha li għandi, biex ngħallimkom il‑kmandamenti ta’ Alla, u nistabbilixxi l‑paċi mal‑pajjiż kollu, ħalli ma jkun hawn l‑ebda gwerer jew tilwim, l‑ebda serq, jew issakkeġġar, l‑ebda qtil, jew xi tip ta’ ħażen;

15 U kull min wettaq il‑ħażen, lilu jiena kkastigajt skont ir‑reat li huwa wettaq, skont il‑liġi li ġiet mogħtija lilna minn missirijietna.

16 Issa jien ngħidilkom, peress li mhux il‑bnedmin kollha huma ġusti, ma jaqbilx li intom ikollkom sultan jew slaten bħala mexxejja tagħkom.

17 Għax araw, sultan wieħed ħażin iwassal biex jitwettaq tant ħażen, iva, u sseħħ qerda mill‑aktar kbira!

18 Iva, ftakru fis‑sultan Noè, fil‑ħażen tiegħu u l‑għemejjel mistkerrha tiegħu, kif ukoll fil‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha tal‑poplu tiegħu. Araw x’qerda mill‑aktar kbira niżlet fuqhom; kif ukoll minħabba ħżunithom huma nġiebu fil‑jasar.

19 U kieku ma kienx għall‑interpożizzjoni tal‑Ħallieq kollu għerf tagħhom u dan minħabba l‑indiema sinċiera tagħhom, huma inevitabbilment kienu jibqgħu fil‑jasar sa issa.

20 Iżda araw, huwa ħelishom peress li huma umiljaw ruħhom quddiemu; u peress li huma talbuh b’qawwa huwa ħelishom mill‑jasar; u b’dal‑mod il‑Mulej jaħdem bil‑qawwa tiegħu f’kull każ fost ulied il‑bnedmin, fejn joffri d‑driegħ ta’ ħniena tiegħu lil kull min jistkenn fih.

21 U araw, issa jien ngħidilkom, intom ma tistgħux tneħħu mit‑tron sultan inġust ħlief permezz ta’ ħafna tilwim, u tant tixrid ta’ demm.

22 Għax araw, hu għandu sħabu fil‑ħażen, u jżomm l‑għassiesa madwaru; u jeqred għal kollox il‑liġijiet ta’ dawk li saltnu bil‑ġustizzja qablu; u jgħaffeġ taħt riġlejh il‑kmandamenti ta’ Alla;

23 U hu jippromulga liġijiet, u jibgħathom fost il‑poplu tiegħu, iva, liġijiet skont il‑ħażen tiegħu; u kull min ma jobdix il‑liġijiet tiegħu jara li huwa jinqered; u dawk kollha li jeħduha kontrih huwa jibgħat l‑armati tiegħu għall‑gwerra kontrihom, u jekk ikun jista’ jeqridhom; u b’dal‑mod sultan inġust jgħawweġ triqat is‑sewwa kollu.

24 U issa araw jiena ngħidilkom, ma jaqbilx li jiġu fuqkom għemejjel mistkerrha bħal dawn.

25 Għalhekk, agħżlu intom imħallfin, permezz ta’ leħen dan il‑poplu, biex isir ħaqq minnkom skont il‑liġijiet li ngħataw lilkom minn missirijietna, li huma korretti, u li ngħataw lilhom permezz ta’ id il‑Mulej.

26 Issa mhijiex ħaġa komuni li leħen il‑poplu jkun jixtieq xi ħaġa li tmur kontra dak li hu ġust; iżda hi ħaġa komuni li l‑minoranza tal‑poplu tixtieq dak li mhuwiex ġust; għalhekk araw li tibqgħu twettqu dil‑ħaġa u tgħadduha bħala liġi—wettqu xogħolkom permezz ta’ leħen il‑poplu.

27 U jekk jasal żmien meta leħen il‑poplu jagħżel il‑ħażen, dak hu ż‑żmien meta jiġu fuqkom il‑ġudizzji ta’ Alla; iva, dak hu ż‑żmien meta hu jiġi jżurkom f’nofs qerda kbira sewwasew kif ġara meta huwa żar din l‑art qabel.

28 U issa jekk ikollkom imħallfin, u huma ma jagħmlux ħaqq minnkom skont il‑liġi li ngħatat, intom tistgħu taraw li jsir ħaqq minnhom minn imħallef superjuri.

29 Jekk l‑imħallfin superjuri jagħmlu ħaqq li mhux ġust, għandkom taraw li numru żgħir minn fost l‑imħallfin inferjuri jinġabru flimkien, u huma jagħmlu ħaqq mill‑imħallfin superjuri, skont leħen il‑poplu.

30 U jien nordnalkom biex tagħmlu dawn il‑ħwejjeġ fil‑biża’ tal‑Mulej; u nordnalkom biex tagħmlu dawn il‑ħwejjeġ, u ma jkollhom l‑ebda sultan; ħalli jekk dawn in‑nies iwettqu d‑dnubiet u l‑ħażen, ikollhom iwieġbu għalihom huma stess.

31 Għax araw jien ngħidilkom, id‑dnubiet ta’ bosta nies twettqu minħabba l‑ħażen tas‑slaten tagħhom; għalhekk il‑ħażen tagħhom iwieġbu għalih is‑slaten tagħhom.

32 U issa nixtieq li din l‑inugwaljanza ma tibqax aktar f’din l‑art, speċjalment fost dan il‑poplu tiegħi; iżda nixtieq li din l‑art tkun art ta’ ħelsien, u kull bniedem ikun jista’ jgawdi d‑drittijiet u l‑privileġġi tiegħu bl‑istess mod, sakemm il‑Mulej jara li aħna nistgħu ngħixu u nirtu l‑art, iva, sewwasew sakemm fuq wiċċ l‑art ikun għad baqa’ xi ħadd minn nisilna.

33 U s‑sultan Mosija kitbilhom bosta ħwejjeġ oħra, fejn żvelalhom x’kienu l‑isfidi u l‑inkwiet li jgħaddi minnhom sultan ġust, iva, it‑tbatija kollha tar‑ruħ għall‑poplu tagħhom, kif ukoll l‑ilmenti kollha tan‑nies lis‑sultan tagħhom; u hu spjegalhom dan kollu.

34 U qalilhom li dawn il‑ħwejjeġ m’għandhomx isiru; iżda t‑tagħbija għandu jġorrha l‑poplu kollu, fejn kull bniedem għandu jġorr is‑sehem tiegħu.

35 U hu żvelalhom ukoll x’kienu l‑iżvantaġġi kollha li jkollhom jgħaddu minnhom, jekk ikollhom sultan inġust imexxihom;

36 Iva, il‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha kollha tiegħu, u l‑ħafna gwerer, u tilwim, u tixrid ta’ demm, u s‑serq, u l‑issakkeġġar, u l‑għemejjel żienja, u kull xorta ta’ ħażen li ma jistax jingħadd—u qalilhom li dawn il‑ħwejjeġ m’għandhomx isiru, li b’mod espliċitu jmorru kontra l‑kmandamenti ta’ Alla.

37 U issa ġara li wara li s‑sultan Mosija bagħat dawn il‑ħwejjeġ fost il‑poplu huma ħassewhom konvinti dwar il‑verità ta’ kliemu.

38 Għalhekk huma ma xtaqux aktar li jkollhom sultan, u nibtet ħerqa kbira fihom li kull bniedem għandu jkollu opportunità ugwali mal‑pajjiż kollu; iva, u kull bniedem esprima r‑rieda li jwieġeb għad‑dnubiet tiegħu stess.

39 Għalhekk, ġara li huma nġabru flimkien fi gruppi mal‑pajjiż kollu, biex isemmgħu leħinhom dwar min għandhom ikunu l‑imħallfin tagħhom, biex jagħmlu ħaqq minnhom skont il‑liġi li ġiet mogħtija lilhom; u huma ferħu bil‑kbir minħabba l‑ħelsien li ġie mogħti lilhom.

40 U l‑imħabba tagħhom lejn Mosija kibret ferm; iva, huma kienu jistmawh aktar minn kull bniedem ieħor; għax ma kinux iħarsu lejh bħala xi tirann li kien qed jipprova jagħmel xi gwadann, iva, dak il‑profitt li jħassar ir‑ruħ; għax huwa ma talab minnhom l‑ebda ġid materjali, lanqas ma kien jieħu gost bit‑tixrid tad‑demm; iżda huwa stabbilixxa l‑paċi fl‑art, u hu ra li niesu jiġu meħlusa minn kull tip ta’ jasar; huwa għalhekk li huma jistmawh ħafna, iva, huma jistmawh verament.

41 U ġara li huma ħatru mħallfin biex imexxuhom, jew biex jagħmlu ħaqq minnhom skont il‑liġi; u huma għamlu dan madwar il‑pajjiż kollu.

42 U ġara li Alma nħatar biex ikun l‑ewwel prim imħallef, hu li kien ukoll il‑qassis il‑kbir, wara li missieru kien tah din il‑kariga, u għamlu responsabbli minn dak kollu li kellu x’jaqsam mal‑knisja.

43 U issa ġara li Alma mexa fi triqat il‑Mulej, u hu ħares il‑kmandamenti tiegħu, u hu għamel ħaqq skont is‑sewwa; u kien hemm paċi kontinwa mal‑pajjiż kollu.

44 U b’dal‑mod bdiet is‑saltna tal‑imħallfin tul l‑art kollha ta’ Żaraħemla, fost in‑nies kollha li kienu jissejħu Nefiti; u Alma kien l‑ewwel prim imħallef.

45 U issa ġara li missieru, li kellu tnejn u tmenin sena, miet, wara li għex ħajtu jwettaq il‑kmandamenti ta’ Alla.

46 U ġara li Mosija, li kellu tlieta u sittin sena, miet ukoll, fit‑tlieta u tletin sena tas‑saltna tiegħu; u dan kien jagħmel b’kollox ħames mija u disa’ snin minn meta Leħi ħalla Ġerusalemm.

47 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑saltna tas‑slaten fuq il‑poplu ta’ Nefi; u b’hekk ġiet fi tmiemha ħajjet Alma, li kien il‑fundatur tal‑knisja tagħhom.