Skrittura
Mosija 27


Kapitlu 27

Mosija jipprojbixxi l‑persekuzzjoni u ħeġġeġ l‑ugwaljanza—Alma ż‑żgħir u l‑erba’ wlied subien ta’ Mosija jippruvaw jeqirdu l‑Knisja—Jidhrilhom anġlu u jordnalhom biex jieqfu jagħmlu l‑ħażin—Alma jintlaqat mill‑inabbiltà li jitkellem—Jeħtieġ li l‑umanità kollha titwieled mill‑ġdid biex tikseb is‑salvazzjoni—Alma u wlied Mosija jwasslu l‑bxara t‑tajba. Madwar 100–92 Q.K.

1 U ġara li l‑persekuzzjonijiet li l‑knisja esperjenzat minn idejn dawk li ma jemmnux tant kibru li l‑membri tal‑knisja bdew igergru u jilmentaw mal‑mexxejja tagħhom dwar din il‑ħaġa; u huma bdew jilmentaw ma’ Alma. U Alma ħa l‑każ quddiem Mosija, is‑sultan tagħhom. U Mosija kkonsulta mal‑qassisin tiegħu.

2 U ġara li s‑sultan Mosija bagħat proklama madwar il‑pajjiż kollu biex fost dawk li ma jemmnux m’għandu jkun hemm ħadd li jippersegwita lil xi persuna li kienet tagħmel parti mill‑knisja ta’ Alla.

3 U ġie mogħti kmand strett mal‑knejjes kollha li ma kellu jkun hemm l‑ebda persekuzzjonijiet bejniethom, li għandu jkun hemm l‑ugwaljanza bejn il‑bnedmin kollha;

4 Li l‑ebda sens ta’ kburija jew suppervja m’għandu jiddisturba l‑paċi tagħhom; li kull bniedem għandu jistma lil għajru bħalu nnifsu, u jaħdem b’idejh biex imantni lilu nnifsu.

5 Iva, u l‑qassisin u l‑għalliema kollha tagħhom għandhom jaħdmu b’idejhom biex imantnu lilhom infushom, f’kwalunkwe sitwazzjoni ħlief jekk ikunu morda, jew verament fil‑bżonn; u għax huma għamlu dan, il‑grazzja ta’ Alla ġiet mogħtija lilhom bil‑kotra.

6 U beda jkun hemm paċi kbira fl‑art; u n‑nies bdew joktru bil‑kbir, u bdew jinxterdu mal‑wiċċ kollu tal‑art, iva, mat‑tramuntana u man‑nofsinhar, mal‑lvant u mal‑punent, u bdew jibnu bliet kbar u rħula f’kull naħa tal‑pajjiż.

7 U l‑Mulej żarhom u tahom ġid kbir, u huma saru poplu mill‑aktar kbir u għani.

8 Issa l‑ulied subien ta’ Mosija kienu fost dawk li ma jemmnux; u fosthom kien hemm ukoll wieħed mit‑tfal ta’ Alma, u hu kien jismu Alma, għal missieru; madankollu, hu sar bniedem mill‑aktar ħażin u jqim l‑idoli. U hu kien raġel ta’ ħafna kliem, u lin‑nies qalilhom bosta kliem ħelu; għalhekk huwa wassal lil bosta min‑nies biex iwettqu ħafna mill‑istess ħażen li kien iwettaq hu.

9 U hu beda jfixkel bil‑kbir il‑progress tal‑knisja ta’ Alla; huwa beda jirbaħ qlub il‑nies; beda jikkawża bosta tilwim fost il‑poplu; u lill‑għadu ta’ Alla beda jagħtih iċ‑ċans li jeżerċita l‑qawwa tiegħu fuqhom.

10 U ġara li waqt li kien għaddej jeqred il‑knisja ta’ Alla, għax huwa beda jipprova jeqred il‑knisja bil‑moħbi flimkien ma’ wlied Mosija, u jmexxi lill‑poplu tal‑Mulej fit‑triq il‑ħażina, kontra l‑kmandamenti ta’ Alla, kif ukoll tas‑sultan—

11 U kif għidtilkom, hekk kif kienu għaddejjin jeħduha kontra Alla, araw, dehrilhom anġlu tal‑Mulej; u hu niżel bħallikieku kien qiegħed ġewwa sħaba; u tkellem b’leħen iriegħed, li wassal biex l‑art li kienu fuqha titheżżeż;

12 U huma tant stagħġbu, li waqgħu mal‑art, u ma fehmux il‑kliem li huwa qalilhom.

13 Madankollu huwa reġa’ għajjat u qal: Alma, qum u ismagħni, għalfejn qed tippersegwita l‑knisja ta’ Alla? Għax il‑Mulej qal: Din hi l‑knisja tiegħi li jiena se nwaqqaf; u xejn mhu se jġarrafha, ħlief id‑diżubbidjenza tal‑poplu tiegħi.

14 U għal darb’oħra, l‑anġlu qal: Ara, il‑Mulej sema’ t‑talb tal‑poplu tiegħu, kif ukoll it‑talb tal‑qaddej tiegħu, Alma, li hu missierek; għax huwa talab għalik b’fidi kbira biex inti tkun tista’ tagħraf il‑verità; għalhekk, għal dan il‑għan jiena ġejt biex nikkonvinċik dwar il‑qawwa u l‑awtorità ta’ Alla, ħalli t‑talb tal‑qaddejja tiegħu jkun jista’ jinstama’ skont il‑fidi tagħhom.

15 U issa ara, tista’ inti tiddubita l‑qawwa ta’ Alla? Għax ara, leħni ma wassalx biex l‑art titriegħed? U lili mhux qed tarani quddiemek? U jiena mibgħut minn Alla.

16 Issa jiena ngħidlek: Mur, u ftakar fil‑jasar ta’ missirijietek fl‑art ta’ Ħelam, u fl‑art ta’ Nefi; u ftakar kemm huwa għamel għalihom ħwejjeġ kbar; għax huma kienu fil‑jasar, u hu ħelishom. U issa jiena ngħidlek, Alma, mur, u tkomplix aktar teqred il‑knisja, ħalli t‑talb tagħhom ikun jista’ jinstama’, anke jekk inti stess trid li tiġi mwarrab.

17 U issa ġara li dan kien l‑aħħar kliem li l‑anġlu qal lil Alma, u mbagħad telaq.

18 U issa Alma u dawk li kienu miegħu reġgħu nxteħtu mal‑art, tant huma spiċċaw miblugħin bil‑għaġeb; għax b’għajnejhom stess huma raw anġlu tal‑Mulej; u leħnu kien bħar‑ragħad, li riegħed l‑art; u huma kienu jafu li xejn ħlief il‑qawwa ta’ Alla ma seta’ jriegħed l‑art u jwassalha biex titheżżeż bħallikieku trid tinqasam min‑nofs.

19 U issa Alma tant baqa’ mistagħġeb li ma setgħax jitkellem, fejn lanqas biss seta’ jiftaħ fommu; iva, u hu ħassu dgħajjef tant li ma setax iċaqlaq idejh; għalhekk huwa ttieħed minn dawk li kienu miegħu, u ġarrewh bla ma tħarrek, sewwasew sakemm qegħduh quddiem missieru.

20 U lil missieru spjegawlu dak kollu li kienu għaddew minnu; u missieru feraħ, għax kien jaf li kienet il‑qawwa ta’ Alla.

21 U hu ordna biex tingħaqad flimkien il‑miġemgħa ħalli huma jkunu jistgħu jaraw b’għajnejhom x’kien għamel ma’ ibnu l‑Mulej, kif ukoll ma’ dawk li kienu miegħu.

22 U hu ordna biex il‑qassisin jinġabru flimkien; u huma bdew isumu, u jitolbu lill‑Mulej Alla tagħhom biex huwa jiftaħ fomm Alma, ħalli jkun jista’ jitkellem, kif ukoll biex huwa jikseb is‑saħħa f’riġlejh—ħalli għajnejn in‑nies ikunu jistgħu jinfetħu biex jaraw u jagħrfu t‑tjubija u l‑glorja ta’ Alla.

23 U ġara li wara li huma għaddew jumejn u żewġt iljieli jsumu u jitolbu, Alma reġa’ kiseb lura s‑saħħa f’riġlejh, u hu qam bilwieqfa u beda jkellimhom, u jitlobhom biex jagħmlu l‑qalb:

24 Għaliex, huwa qal, jiena ndimt minn dnubieti, u ġejt mifdi mill‑Mulej; araw jiena ġejt imwieled mill‑Ispirtu.

25 U l‑Mulej qalli: Tistagħġibx li l‑bnedmin kollha, iva, irġiel u nisa, ta’ kull ġens, tribù, ilsien, u poplu, jeħtieġ li jitwieldu mill‑ġdid; iva, jitwieldu minn Alla, jinbidlu mill‑istat karnali u mitluf tagħhom, għal stat ta’ tjieba, fejn huma jiġu mifdijin minn Alla, u jsiru wliedu;

26 U b’hekk isiru ħlejjaq ġodda; u jekk ma jagħmlux dan, huma bl‑ebda mod ma jistgħu jirtu s‑saltna ta’ Alla.

27 Jiena ngħidilkom, jekk ma jiġrix hekk, huma jispiċċaw jitwarrbu; u jien naf dan għax kont kważi se niġi nwarrab.

28 Madankollu, wara li kelli ngħaddi minn daqstant tbatija, u fl‑indiema tiegħi sa kważi rajt il‑mewt, il‑Mulej fil‑ħniena tiegħu ħass li kellu jaħtafni minn ġon‑nar dejjem iħeġġeġ, u jiena ġejt imwieled minn Alla.

29 Ruħi ġiet mifdija minn daqstant imrar u mill‑jasar tal‑ħażen. Jiena kont ninsab fl‑aktar abbiss mudlam; iżda issa nista’ nara d‑dawl meraviljuż ta’ Alla. Ruħi kienet qed tiġi ttorturata minn turment bla tmiem; iżda ġejt maħtuf, u ruħi m’għadhiex aktar muġugħa.

30 Jiena warrabt lill‑Feddej tiegħi, u ċħadt dak li qalu missirijietna; iżda issa biex huma jkunu jistgħu jagħrfu minn qabel li hu għandu jiġi, u li hu jiftakar f’kull ħlejqa li huwa ħalaq, huwa se juri lilu nnifsu lil kulħadd.

31 Iva, kull irkoppa tmil, u kull ilsien jistqarr quddiemu. Iva, sewwasew fl‑aħħar jum, meta l‑bnedmin kollha għad jieqfu quddiemu biex huwa jagħmel ħaqq minnhom, imbagħad huma jistqarru, dawk li jgħixu mingħajr Alla fid‑dinja, li l‑kundanna tagħhom, ta’ kastig bla tmiem, hija waħda ġusta; u huma għad jitriegħdu, u jirtogħdu, u jinħbew mill‑ħarsa ta’ għajnu, li tara kollox.

32 U issa ġara li Alma beda minn issa ’l quddiem jgħallem lin‑nies, flimkien ma’ dawk li kienu ma’ Alma meta dehrilhom l‑anġlu, iterrqu madwar il‑pajjiż kollu, ixandru lin‑nies kollha l‑ħwejjeġ li huma semgħu u raw, kif ukoll ixandru l‑kelma ta’ Alla b’tant tbatija, fejn bdew jiġu ppersegwitati bil‑kbir minn dawk li ma kinux jemmnu, u bdew jiġu msawwta minn ħafna minnhom.

33 Iżda minkejja dan kollu, huma kienu ta’ konsolazzjoni kbira għall‑membri tal‑knisja, fejn saħħewlhom il‑fidi tagħhom, u bis‑sabar kollu u b’tant tbatija ħeġġewhom biex iħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla.

34 U erba’ minnhom kienu wlied Mosija; u isimhom kien Għammon, u Aron, u Omner, u Ħimni; dawn kienu l‑ismijiet ta’ wlied Mosija.

35 U huma daru l‑art kollha ta’ Żaraħemla, u marru qalb in‑nies kollha li kienu taħt ir‑renju tas‑sultan Mosija, b’ħerqa kbira jippruvaw isewwu l‑ħsara kollha li huma kienu għamlu lill‑knisja, jistqarru dnubiethom kollha, u jxandru dak kollu li huma raw, u jispjegaw il‑profeziji u l‑iskrittura lil dawk kollha li kellhom ix‑xewqa li jisimgħuhom.

36 U b’hekk huma kienu strumenti f’idejn Alla biex iwasslu lil ħafna biex jagħrfu l‑verità, iva, biex jagħrfu lill‑Feddej tagħhom.

37 U henjin huma verament! Għax huma xandru l‑paċi; huma xandru r‑riżq; u huma ħabbru lill‑poplu li l‑Mulej isaltan.