Skrittura
Mosija 26


Kapitlu 26

Bosta membri tal‑Knisja jitmexxew fid‑dnub minn dawk li ma jemmnux—Alma jiġi mwiegħed il‑ħajja eterna—Dawk li jindmu u jitgħammdu jiksbu l‑maħfra—Il‑membri midinbin tal‑Knisja li jindmu u jistqarru dnubiethom ma’ Alma u mal‑Mulej jiġu maħfura; għax inkella, huma ma jingħaddux fost il‑poplu tal‑Knisja. Madwar 120–100 Q.K.

1 Issa ġara li kien hemm ħafna mill‑ġenerazzjoni li għadha tiela’ li ma setgħux jifhmu kliem is‑sultan Benjamin, peress li kienu għadhom tfal ċkejknin fiż‑żmien li fih huwa kellem lill‑poplu tiegħu; u huma ma kinux jemmnu fit‑tradizzjoni ta’ missirijiethom.

2 Huma ma kinux jemmnu dak li kien intqal dwar il‑qawmien mill‑imwiet tal‑mejtin, lanqas ma kienu jemmnu dwar il‑miġja ta’ Kristu.

3 U issa minħabba n‑nuqqas ta’ fidi tagħhom huma ma setgħux jifhmu l‑kelma ta’ Alla; u qalbhom twebbset.

4 U ma ridux jitgħammdu; lanqas ma riedu jingħaqdu mal‑knisja. U kienu nies maqtugħin għalihom fejn tidħol il‑fidi tagħhom, u baqgħu hekk anke wara, sewwasew fl‑istat karnali u midneb tagħhom; għax ma kinux isejħu lill‑Mulej Alla tagħhom.

5 U issa fir‑renju ta’ Mosija huma lanqas biss kienu jgħoddu daqs nofs il‑poplu ta’ Alla; iżda minħabba n‑nuqqas ta’ qbil li kien hemm bejn l‑aħwa huma kibru aktar fin‑numru.

6 Għax ġara li huma qarrqu b’ħafna nies, li kienu fil‑knisja, bil‑kliem ħelu tagħhom, u wassluhom biex iwettqu bosta dnubiet; għalhekk kien hemm il‑bżonn li dawk li wettqu d‑dnub, li kienu fil‑Knisja, kellhom jiġu mwissija mill‑knisja.

7 U ġara li huma nġiebu quddiem il‑qassisin, u ttieħdu għand il‑qassisin mill‑għalliema; u l‑qassisin ġabuhom quddiem Alma, li kien il‑qassis il‑kbir.

8 Issa s‑sultan Mosija ta lil Alma s‑setgħa fuq il‑knisja.

9 U ġara li Alma ma kien jaf xejn dwarhom; iżda kien hemm bosta xhieda kontrihom; iva, in‑nies waqfu hemm u kienu ħafna li xehdu dwar ħżunithom.

10 Issa ħaġa bħal din qatt ma kienet ġrat qabel fil‑knisja; għalhekk Alma ħass ruħu titħawwad, u ordna li huma jittieħdu quddiem is‑sultan.

11 U hu qal lis‑sultan: Ara, bosta huma dawn li aħna ġibna quddiemek, li qed jiġu mixlija minn ħuthom; iva, u huma nqabdu jwettqu kull tip ta’ ħażen. U huma ma jridux jindmu minn ħżunithom; għalhekk aħna ġibnihom quddiemek, ħalli tkun tista’ tagħmel ħaqq minnhom skont ir‑reati tagħhom.

12 Iżda s‑sultan Mosija qal lil Alma: Ara, jiena mhux se nagħmel ħaqq minnhom; għalhekk jien se nagħtihom f’idejk biex tagħmel ħaqq minnhom.

13 U issa Alma reġa’ għal darb’oħra ħass ruħu titħawwad; u hu mar u staqsa lill‑Mulej x’kellu jagħmel dwar din il‑ħaġa, għax beża’ li jagħmel dak li mhuwiex xieraq f’għajnejn Alla.

14 U ġara li wara li fetaħ qalbu kollha ma’ Alla, huwa sama’ leħen il‑Mulej jgħidlu:

15 Imbierek inti, Alma, u mberkin dawk li ġew mgħammdin fl‑ilmijiet ta’ Mormon. Imbierek inti minħabba l‑fidi kbira tiegħek u dan sempliċiment għax inti smajt il‑kliem tal‑qaddej tiegħi Abinadi.

16 U mberkin dawk li għandhom fidi kbira għax sempliċiment huma semgħu l‑kliem li għidtilhom inti.

17 U mbierek inti għaliex waqqaft knisja fost dan il‑poplu; u huma sejrin jistabbilixxu ruħhom u se jkunu l‑poplu tiegħi.

18 Iva, imbierek hu dan il‑poplu li hu lest jieħu fuqu ismi; għax permezz ta’ ismi huma se jissejħu; u huma tiegħi.

19 U għax lili inti staqsejtni dwar id‑diżubbidjenti, imbierek inti.

20 Inti l‑qaddej tiegħi; u jiena nagħmel patt miegħek li inti se jkollok il‑ħajja eterna; u int se tkun il‑qaddej tiegħi u se tmur f’ismi, u tiġbor flimkien in‑nagħaġ tiegħi.

21 U min se jisma’ leħni se jkun in‑nagħġa tiegħi; u lilu għandek tilqa’ fil‑knisja, u lilu jiena nilqa’ wkoll.

22 Għax ara, din hi l‑knisja tiegħi; kull min jitgħammed għandu jitgħammed għall‑indiema. U dak li lilu inti tilqa’ għandu jemmen f’ismi; u lilu jiena naħfer liberalment.

23 Għax huwa jiena li nieħu fuqi d‑dnubiet tad‑dinja; għax huwa jiena li ħloqthom; u huwa jiena li nrodd lil dak li jibqa’ jemmen sat‑tmiem post fuq il‑lemin tiegħi.

24 Għax ara, huma jissejħu permezz ta’ ismi; u jekk lili jagħrfuni huma jiġu għandi, u jkollhom post għal dejjem fuq il‑lemin tiegħi.

25 U għad jiġri li mbagħad meta ddoqq it‑tieni tromba dawk li qatt ma għarfuni jiġu u jieqfu quddiemi.

26 U mbagħad huma jagħrfu li jiena l‑Mulej Alla tagħhom, li jiena l‑Feddej tagħhom; iżda huma ma jkunux iridu jiksbu l‑fidwa.

27 U mbagħad jiena nistqarr magħhom li jien lilhom ma nafhomx; u huma jmorru fin‑nar ta’ dejjem li tħejja għax‑xitan u għall‑anġli tiegħu.

28 Għalhekk jiena ngħidlek, li dak li ma jismax leħni, m’għandekx tilqgħu fil‑knisja tiegħi, għax lilu jiena m’iniex se nilqgħu fl‑aħħar jum.

29 Għalhekk jiena ngħidlek, Mur; u kull min ikun diżubbidjenti lejja, inti għandek tagħmel ħaqq minnu skont id‑dnubiet li huwa wettaq; u jekk huwa jistqarr dnubietu miegħek u miegħi, u jindem bis‑sinċerità ta’ qalbu, inti lilu għandek taħfer, u jiena naħfirlu wkoll.

30 Iva, u kemm‑il darba n‑nies tiegħi jindmu jiena naħfrilhom ħtijiethom kontrija.

31 U intom ukoll għandkom taħfru lil xulxin ħtijietkom; għax fis‑sewwa ngħidilkom, dak li ma jaħfirx il‑ħtijiet ta’ għajru meta jgħid li nidem, huwa stess ikun waqqa’ l‑kundanna fuqu nnifsu.

32 Issa jiena ngħidlek, Mur; u kull min ma jindimx minn dnubietu dan m’għandux jingħadd mal‑poplu tiegħi; u dan hu dak li għandu jiġi osservat minn issa ’l quddiem.

33 U ġara li meta Alma sema’ dan il‑kliem huwa kitbu ħalli jkun jista’ jippreservah, u jkun jista’ jagħmel ħaqq min‑nies ta’ dik il‑knisja skont il‑kmandamenti ta’ Alla.

34 U ġara li Alma mar u għamel ħaqq minn dawk li kienu nqabdu fil‑ħażen, skont il‑kelma tal‑Mulej.

35 U dawk kollha li nidmu minn dnubiethom u stqarrewhom, lilhom għaddhom man‑nies tal‑knisja;

36 U dawk li ma ridux jistqarru dnubiethom u jindmu minn ħżunithom, dawn ma ġewx magħduda man‑nies tal‑knisja, u isimhom ġie mħassar.

37 U ġara li Alma mexxa dak kollu li kellu x’jaqsam mal‑knisja; u fosthom reġa’ beda jsaltan is‑sliem u verament beda jkollhom ir‑risq f’dak kollu li kellu x’jaqsam mal‑knisja, u huma bdew iġibu ruħhom sewwa quddiem Alla, jilqgħu fosthom lil ħafna, u jgħammdu lil ħafna.

38 U issa Alma u l‑ħaddiema sħabu li kienu qed jieħdu ħsieb il‑knisja għamlu dan kollu, fejn huma bdew jimxu bir‑reqqa kollha, jgħallmu l‑kelma ta’ Alla f’kollox, jesperjenzaw kull tip ta’ tbatija, u jiġu ppersegwitati minn dawk li ma kinux jagħmlu parti mill‑knisja ta’ Alla.

39 U huma wissew lil ħuthom; u huma wkoll ġew imwissija, kull wieħed minnhom permezz tal‑kelma ta’ Alla, skont dnubietu, jew skont id‑dnubiet li huwa wettaq, fejn ġie ordnat lilu minn Alla sabiex jitlob bla heda, u jrodd il‑ħajr f’kollox.