Skrittura
Mosija 24


Kapitlu 24

Amulon jippersegwita lil Alma u lin‑nies tiegħu—Huma jingħataw il‑mewt jekk huma jitolbu—Il‑Mulej jara li t‑tagħbija tagħhom tidher ħafifa—Hu jeħlishom mill‑jasar, u huma jerġgħu lura f’Żaraħemla. Madwar 145–120 Q.K.

1 U ġara li Amulon kiseb il‑fiduċja tas‑sultan tal‑Lamaniti; għalhekk, is‑sultan tal‑Lamaniti ra li hu u ħutu kellhom jinħatru għalliema fuq il‑poplu tiegħu, iva, sewwasew fuq in‑nies li kienu fl‑art ta’ Xemlon, u fl‑art ta’ Xilom, u fl‑art ta’ Amulon.

2 Għax il‑Lamaniti kienu ħadu f’idejhom dawn l‑artijiet kollha; għalhekk, is‑sultan tal‑Lamaniti ħatar slaten fuq dawn l‑artijiet kollha.

3 U issa l‑isem tas‑sultan tal‑Lamaniti kien Laman, li kien issemma għal isem missieru; u għalhekk hu kien jissejjaħ is‑sultan Laman. U hu kien sultan fuq għadd kbir ta’ nies.

4 U huwa ħatar għalliema minn fost ħut Amulon f’kull art li kienet tinsab f’idejn niesu; u b’hekk l‑ilsien ta’ Nefi beda jiġi mgħallem fost in‑nies kollha tal‑Lamaniti.

5 U kienu nies mill‑aktar dħulin bejniethom; madankollu lil Alla ma kinux jafuh; u ħut Amulon ma għallmuhom xejn dwar il‑Mulej Alla tagħhom, u lanqas dwar il‑liġi ta’ Mosè; u lanqas ma għallmuhom kliem Abinadi;

6 Iżda huma għallmuhom li kellhom dejjem jiktbu l‑istorja tagħhom, u li jiktbu lil xulxin.

7 U b’dal‑mod il‑Lamaniti bdew jistagħnew, u bdew jinnegozjaw bejniethom u jikbru, u bdew isiru poplu qarrieq u makakk, fejn jidħol l‑għerf ta’ did‑dinja, iva, poplu mill‑aktar qarrieq, li jieħu gost b’kull xorta ta’ ħażen u serq, sakemm dan ma jkunx fost ħuthom stess.

8 U ġara li Amulon beda jħaddem is‑setgħa tiegħu fuq Alma u ħutu, u beda jippersegwitah, u ordna li wliedu kellhom jippersegwitaw lil uliedhom.

9 Għax Amulon kien jaf lil Alma, li hu kien wieħed mill‑qassisin tas‑sultan, u li kien hu li emmen kliem Abinadi u li kien ġie mkeċċi minn quddiem is‑sultan, u għalhekk huwa nkorla għalih; għax minkejja li fuqu kellu lis‑sultan Laman, huwa ħaddem is‑setgħa tiegħu fuqhom, u għabbihom bix‑xogħol, u poġġa fuqhom l‑argużini.

10 U ġara li tant kienet kbira t‑tbatija tagħhom li huma bdew jitolbu b’qawwa lil Alla.

11 U Amulon ordnalhom biex jieqfu mit‑talb tagħhom; u hu poġġa l‑għassiesa fuqhom sabiex jgħassuhom, biex kull min jinstab qiegħed jitlob lil Alla kellu jingħata l‑mewt.

12 U Alma u n‑nies tiegħu ma għollewx leħinhom lejn il‑Mulej Alla tagħhom, iżda fetħu qalbhom miegħu; u hu kien jaf x’kienu l‑ħsibijiet ta’ qalbhom.

13 U ġara li feġġ leħen il‑Mulej qalb it‑tbatija tagħhom, u qalilhom: Erfgħu raskom u agħmlu l‑qalb, għaliex jiena naf bil‑patt li intom għamiltu miegħi; u jiena nagħmel patt mal‑poplu tiegħi u neħilsu mill‑jasar.

14 U jiena nħaffef ukoll it‑tagħbija li tpoġġiet fuq spallejkom, li anke intom stess ma tħossuhiex fuq daharkom, anke waqt li tinsabu fil‑jasar; u dan jien nagħmlu sabiex minn issa ’l quddiem intom tieqfu bħala xhieda għalija, u sabiex tkunu tafu tassew li jiena, il‑Mulej Alla, inżur lill‑poplu tiegħi fit‑tbatija tiegħu.

15 U issa ġara li t‑tagħbija kollha li spiċċaw mgħobbijin biha Alma u ħutu ħfiefet; iva, il‑Mulej qawwihom li setgħu jġorru t‑tagħbija tagħhom b’mod faċli, u huma ssottomettew ruħhom bil‑ferħ u bis‑sabar għar‑rieda kollha tal‑Mulej.

16 U ġara li tant kienet kbira l‑fidi tagħhom u tant kien kbir is‑sabar tagħhom li huma reġgħu semgħu leħen il‑Mulej jgħid: Agħmlu l‑qalb, għax għada jiena se neħliskom mill‑jasar.

17 U huwa qal lil Alma: Mur f’ras dan il‑poplu, u jien niġi miegħek, u neħles lil dan il‑poplu mill‑jasar.

18 Issa ġara li mal‑lejl Alma u n‑nies tiegħu ġabru flimkien il‑merħliet tagħhom, kif ukoll il‑qamħ tagħhom; iva, huma sewwasew għaddew il‑lejl kollu jiġbru flimkien il‑merħliet tagħhom.

19 U kmieni filgħodu l‑Mulej tefa’ nagħsa tqila fuq il‑Lamaniti, iva, u l‑argużini kollha tagħhom spiċċaw f’raqda profonda.

20 U Alma u n‑nies tiegħu rħewlha lejn ix‑xagħri; u wara li kienu ilhom mexjin il‑jum kollu huma waqqfu l‑kampijiet tagħhom f’wied, u l‑wied semmewh Alma, għaliex kien hu li mexxihom ġewwa x‑xagħri.

21 Iva, u fil‑wied ta’ Alma huma raddew ħajr lil Alla talli huwa kien ħanin magħhom, u ħaffef it‑tagħbija tagħhom, u talli ħelishom mill‑jasar; għax huma kienu fil‑jasar, u ħadd aktar ma seta’ jeħlishom ħlief il‑Mulej Alla tagħhom.

22 U huma raddew ħajr lil Alla, iva, l‑irġiel tagħhom kollha u n‑nisa tagħhom kollha u wliedhom kollha li kienu kapaċi jitkellmu għollew leħinhom b’tifħir lil Alla tagħhom.

23 U issa l‑Mulej qal lil Alma: Għaġġel u oħroġ flimkien ma’ niesek ’il barra minn din l‑art, għax il‑Lamaniti qamu mir‑raqda u ġejjin warajkom; għalhekk oħroġ ’il barra minn din l‑art, u jien inwaqqaf lil‑Lamaniti f’dan il‑wied ħalli ma jibqgħux ġejjin wara dan il‑poplu.

24 U ġara li huma telqu ’l barra mill‑wied, u rħewlha lejn ix‑xagħri.

25 U wara li kienu ilhom tnax‑il jum fix‑xagħri huma waslu fl‑art ta’ Żaraħemla; u s‑sultan Mosija laqagħhom ukoll bil‑ferħ.