Kapitlu 2
Is‑Sultan Benjamin jindirizza lill‑poplu tiegħu—Hu jitkellem dwar is‑sewwa, il‑ġustizzja, u l‑ispiritwalità ta’ saltnatu—Hu jħeġġiġhom biex jaqdu lis‑Sultan tagħhom tas‑Smewwiet—Id‑diqa li se jħossu dawk li jeħduha kontra Alla se tkun bħal nar li ma jintefiex. Madwar 124 Q.K.
1 U ġara li wara li Mosija għamel kif ordnalu missieru, u ħareġ proklama madwar il‑pajjiż kollu, in‑nies inġabru flimkien madwar l‑art kollha, ħalli huma jkunu jistgħu jitilgħu lejn it‑tempju biex jisimgħu l‑kliem li s‑sultan Benjamin kien se jgħidilhom.
2 U kien hemm għadd kbir ta’ nies, tant li lanqas ġew magħduda; għax huma kienu tkattru bil‑kbir u mlew l‑art kollha.
3 U ħadu magħhom ukoll l‑ewwel frieħ ta’ merħliethom, ħalli jkunu jistgħu joffru sagrifiċċju u sagrifiċċji tal‑ħruq skont il‑liġi ta’ Mosè;
4 U ħalli jkunu jistgħu wkoll iroddu ħajr lill‑Mulej Alla tagħhom, li ħariġhom ’il barra mill‑art ta’ Ġerusalemm, u li ħelishom minn idejn l‑għedewwa tagħhom, u huwa ħatar nies ġusti biex ikunu l‑għalliema tagħhom, u ħatar ukoll bniedem ġust biex ikun is‑sultan tagħhom, li stabbilixxa l‑paċi fl‑art ta’ Żaraħemla, u li għallimhom iħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla, ħalli jithennew u jimtlew b’imħabba lejn Alla u lejn il‑bnedmin kollha.
5 U ġara li meta huma telgħu lejn it‑tempju, huma waqqfu t‑tined tagħhom madwaru, kull raġel skont familtu, li kienet magħmula minn martu, u wliedu s‑subien, u wliedu l‑bniet, u wliedhom is‑subien, u wliedhom il‑bniet, mill‑kbar saż‑żgħar, bil‑familji kollha mifrudin minn xulxin.
6 U huma waqqfu t‑tined tagħhom madwar it‑tempju, fejn kull raġel kellu t‑tinda tiegħu bil‑bieb tagħha jħares lejn it‑tempju, biex b’hekk huma setgħu jibqgħu fit‑tined tagħhom u jisimgħu dak li kellu x’jgħidilhom is‑sultan Benjamin;
7 Għax il‑miġemgħa tant kienet kbira li s‑sultan Benjamin ma setax jgħallimhom bejn il‑ħitan tat‑tempju, għalhekk huwa ra li jinbena torri, ħalli b’hekk niesu jkunu jistgħu jisimgħu dak li kellu x’jgħidilhom.
8 U ġara li hu beda jkellem lil niesu mit‑torri; u mhux kollha setgħu jisimgħu kliemu minħabba l‑kobor tal‑miġemgħa; għalhekk hu ried li dak li kien se jgħid kellu jinkiteb u jintbagħat lil dawk li ma kinux jinsabu f’post fejn setgħu jisimgħu leħnu, ħalli huma wkoll ikunu jistgħu jirċievu kliemu.
9 U dan hu l‑kliem li huwa qal u li ordna li għandu jinkiteb: Ħuti, intom kollha li nġbartu hawn flimkien, intom li tistgħu tisimgħu l‑kliem li se ngħidilkom illum; għax jien ma tlabtkomx sabiex tiġu hawn fuq biex imbagħad ma teħdux b’serjetà l‑kliem li jien se ngħid, iżda intom għandkom tisimgħuni, u tiftħu widnejkom ħalli tisimgħu, u qalbkom ħalli tifhmu, u tiftħu wkoll moħħkom ħalli l‑misteri ta’ Alla jkunu jistgħu jiġu żvelati lilkom.
10 Jiena ma tlabtkomx li tiġu hawn fuq biex tibżgħu minni, jew biex taħsbu li jiena nnifsi xi ħaġa aktar minn bniedem mortali.
11 Iżda jiena bħalkom, suġġett għal kull tip ta’ dgħufija fil‑ġisem u fil‑moħħ; madankollu jiena ġejt magħżul minn dan il‑poplu, u kkonsagrat minn missieri, u l‑Mulej innifsu ried li jiena nkun mexxej u sultan fuq dan il‑poplu; u jien ġejt imħares u ppreservat permezz tal‑qawwa inkomparabbli tiegħu, biex inservikom bil‑qawwa, bil‑moħħ u bis‑saħħa kollha li tani l‑Mulej.
12 Ngħidilkom li jien ġejt mogħti l‑opportunità li niddedika ħajti għas‑servizz tagħkom, sewwasew sal‑ġurnata tal‑lum, u mingħandkom ma tlabt l‑ebda deheb, lanqas fidda u lanqas xi tip ieħor ta’ ġid materjali;
13 Lanqas ma ppermettejt li intom tinxteħtu ġo xi ċella taħt l‑art, jew li tkunu lsiera ta’ xulxin, jew li toqtlu, jew tisirqu, jew tissakkeġġjaw, jew li tagħmlu adulterju; u lanqas ma ppermettejt li intom twettqu xi tip ta’ ħażen, u għallimtkom li intom għandkom tħarsu l‑kmandamenti tal‑Mulej, f’dak kollu li hu ordnalkom—
14 U anke jiena stess, ħdimt permezz ta’ jdejja biex inkun nista’ nservikom, u biex intom ma tkunux mgħobbija bit‑taxxi, u biex ma tintlaqtu bl‑ebda ħaġa li hi tqila wisq biex iġġorruha—u intom stess xhieda ta’ dak kollu li tkellimt dwaru llum.
15 Madankollu, ħuti, jien m’għamiltx dawn il‑ħwejjeġ biex inkun nista’ niftaħar, lanqas ma ngħidilkom dawn il‑ħwejjeġ biex b’hekk inkun nista’ nakkużakom; iżda ngħidilkom dawn il‑ħwejjeġ biex tkunu tafu li llum jiena nista’ nwieġeb b’kuxjenza safja quddiem Alla.
16 Araw, ngħidilkom li għax għidtilkom li jiena ddedikajt ħajti għas‑servizz tagħkom, ma nixtieqx li noqgħod niftaħar, għax jiena fil‑fatt kont qiegħed għas‑servizz ta’ Alla.
17 U araw, ngħidilkom dawn il‑ħwejjeġ sabiex tiksbu l‑għerf; ħalli tkunu tafu li meta tkunu għas‑servizz ta’ għajrkom intom fil‑fatt tkunu għas‑servizz ta’ Alla tagħkom.
18 Araw, intom lili tqisuni bħala s‑sultan tagħkom; u jekk jiena, li tqisuni bħala s‑sultan tagħkom, naħdem biex inservikom, m’għandkomx intom mela taħdmu biex isservu lil xulxin?
19 U araw ukoll, jekk jiena, li tqisuni bħala s‑sultan tagħkom li ddedika ħajtu għas‑servizz tagħkom, u li madankollu kien għas‑servizz ta’ Alla, jistħoqqli xi tip ta’ radd il‑ħajr mingħandkom, mela kemm għandkom troddu ħajr lis‑Sultan tagħkom tas‑smewwiet!
20 Jien ngħidilkom, ħuti, li jekk intom troddu l‑ħajr u t‑tifħir kollu li ruħkom għandha l‑qawwa li tippossedi, lil dak Alla li ħalaqkom, u li dejjem ħariskom u ppreservakom, u li wassalkom biex tithennew, u li ra li intom tgħixu fis‑sliem bejnietkom—
21 Jien ngħidilkom li jekk intom isservu lil dak li ħalaqkom sa mill‑bidu, u li qed iħariskom minn jum għall‑ieħor, billi jsellifkom in‑nifs, ħalli tkunu tistgħu tgħixu u titħarrku u taġixxu skont ir‑rieda tagħkom, u li saħansitra jappoġġjakom minn mument għall‑ieħor—jiena ngħid, jekk intom isservuh b’ruħkom kollha intom madankollu xorta waħda tkunu qaddejja li ma tiswew għal xejn.
22 U araw, kulma huwa jeħtieġ mingħandkom hu li tħarsu l‑kmandamenti tiegħu; u hu wegħidkom li jekk intom tħarsu l‑kmandamenti tiegħu intom ikollkom ir‑risq f’artkom; u hu qatt ma jmur lura minn dak li jkun qal; għalhekk, jekk intom tħarsu l‑kmandamenti tiegħu huwa jberikkom u jagħtikom ir‑risq.
23 U issa, l‑ewwel u qabel kollox, huwa ħalaqkom, u takom ħajjitkom, li għaliha miegħu midjunin.
24 U t‑tieni, hu jeħtieġ minnkom li tagħmlu kif ordnalkom; u jekk tagħmlu dan, hu jberikkom minnufih; u għalhekk ħlaskom ikun tahulkom. U xorta waħda intom bqajtu, u għadkom, u tibqgħu midjunin miegħu għal dejjem ta’ dejjem; għalhekk, x’għandkom għalxiex tiftaħru?
25 U issa nistaqsi, għandkom xi ħaġa xi tgħidu biex tiddefendu lilkom infuskom? Ngħidilkom, Le. Lanqas biss tistgħu tgħidu li intom saħansitra daqs it‑trab tal‑art; madankollu intom ġejtu maħluqa mit‑trab tal‑art; iżda araw, anke t‑trab hu ta’ dak li ħalaqkom.
26 U jiena, jien stess, li tqisuni bħala s‑sultan tagħkom, m’iniex aħjar minnkom; għax jien ukoll ġej mit‑trab. U tistgħu taraw li jiena xiħ, u dalwaqt sejjer nerħi dan il‑ġisem mortali f’idejn ommna l‑art.
27 Għalhekk, kif jien għidtilkom li lilkom jiena servejt, fejn imxejt b’kuxjenza safja quddiem Alla, anke issa f’dan il‑mument jiena tlabtkom biex tinġabru flimkien, ħalli jiena nkun nista’ ninstab bla ħtija, u ma jmurx demmkom jinżel fuqi, meta jiena nkun ninsab quddiem Alla, biex jagħmel ħaqq minni dwar il‑ħwejjeġ li huwa ordnali li jikkonċernaw lilkom.
28 Jien ngħidilkom li jiena tlabtkom tinġabru lkoll flimkien ħalli nkun nista’ neħles ħwejġi minn demmkom, sewwasew f’dan iż‑żmien meta wasalt biex ninżel ġewwa qabri, ħalli nkun nista’ ninżel fis‑sliem, u l‑ispirtu immortali tiegħi jkun jista’ jingħaqad mal‑korijiet tas‑sema f’għanja ta’ tifħir għal Alla ġust.
29 U barra minn hekk, ngħidilkom li jiena tlabt li intom tinġabru lkoll flimkien, ħalli nkun nista’ nħabbrilkom li jien ma nistax nibqa’ aktar l‑għalliem tagħkom, jew is‑sultan tagħkom;
30 Għax anke f’dan il‑mument, ġismi kollu qiegħed jitriegħed bil‑kbir waqt li qed nipprova nkellimkom; iżda l‑Mulej Alla jagħtini l‑għajnuna, u se jara li jiena nkun nista’ nkellimkom, u ordnali li għandi nħabbrilkom illum li issa ibni Mosija huwa sultan u mexxej fuqkom.
31 U issa, ħuti, nitlobkom tagħmlu kif dejjem għamiltu s’issa. Kif intom ħaristu l‑kmandamenti tiegħi, kif ukoll il‑kmandamenti ta’ missieri, u kellkom ir‑risq, u ġejtu mħarsa milli taqgħu f’idejn l‑għedewwa tagħkom, bl‑istess mod jekk intom tħarsu l‑kmandamenti ta’ ibni, jew il‑kmandamenti ta’ Alla li se jiġu żvelati lilkom permezz tiegħu, intom ikollkom ir‑risq f’artkom, u l‑għedewwa tagħkom ma jkollhom l‑ebda qawwa fuqkom.
32 Iżda, O poplu tiegħi, attenti li ma jqum l‑ebda tilwim fostkom, u li ma tagħżlux li tobdu l‑ispirtu l‑ħażin, li tkellem dwaru missieri Mosija.
33 Għax araw, hemm gwaj lest għal dak li jagħżel li jobdi dak l‑ispirtu; għax jekk hu jagħżel li jobdih, u jibqa’ jgħix u jmut fi dnubietu, huwa jispiċċa jixrob il‑kundanna ta’ ruħu; għax għal għemilu hu jirċievi l‑kastig ta’ dejjem, għaliex ikun kiser il‑liġi ta’ Alla kontra l‑istess għarfien tiegħu.
34 Jien ngħidilkom, li m’hemm ħadd fostkom, ħlief it‑tfal ċkejknin tagħkom li ma ġewx mgħallmin dwar dawn il‑ħwejjeġ, li ma jafx li intom għal dejjem midjunin lejn Missierkom fis‑smewwiet, u li lilu għandkom troddu dak kollu li għandkom u li intom; u li intom ġejtu mgħallmin dwar l‑annali li fihom il‑profeziji li tkellmu dwarhom il‑profeti qaddisa, sewwasew minn żmien li missierna, Leħi, ħalla Ġerusalemm;
35 Kif ukoll, dak kollu li ntqal minn missirijietna sal‑ġurnata tal‑lum. U araw, huma jitkellmu wkoll dwar dak li ordnalhom il‑Mulej; għalhekk, huma korretti u vera.
36 U issa, jien ngħidilkom, ħuti, li wara li intom għaraftu u ġejtu mgħallmin dawn il‑ħwejjeġ, jekk intom taqgħu fit‑trasgressjoni u tmorru kontra dak li ntqal, u żżommu ruħkom ’il bogħod mill‑Ispirtu tal‑Mulej, li ma jkollu l‑ebda post ġewwa fikom biex jiggwidakom fi triqat il‑għerf ħalli intom tkunu mberkin, ikollkom ir‑risq, u tiġu mħarsa—
37 Jien ngħidilkom, li l‑bniedem li jagħmel dan, hu stess ikun qed jeħodha kontra Alla fil‑beraħ; għalhekk huwa jagħżel li jobdi l‑ispirtu l‑ħażin, u jsir għadu ta’ kull ma hu sewwa; għalhekk, il‑Mulej ma jkollu l‑ebda post ġewwa fih, għax huwa ma jgħammarx f’tempji mhux qaddisa.
38 Għalhekk jekk dak il‑bniedem ma jindimx, u jibqa’ jgħix u jmut bħala għadu ta’ Alla, il‑bżonn tal‑ġustizzja divina jqanqal ir‑ruħ immortali tiegħu għal sens qawwi ta’ ħtijietu, u dan iwasslu biex huwa jerġa lura mill‑preżenza tal‑Mulej, u jimtela bil‑ħtija, u bl‑uġigħ, u b’diqa li tixbah lin‑nar li ma jintefiex, li l‑fjamma tiegħu titla’ ’l fuq għal dejjem ta’ dejjem.
39 U issa ngħidilkom li l‑ħniena m’għandha l‑ebda jedd fuq dak il‑bniedem; għalhekk id‑destin finali tiegħu hu li huwa jkollu jgħaddi minn turment bla tmiem.
40 O, intom ix‑xjuħ, kif ukoll intom iż‑żgħażagħ, u intom it‑tfal ċkejknin li tistgħu tifhmu kliemi, għax jien kellimtkom b’ċarezza ħalli tkunu tistgħu tifhmuni, nitlob li intom taslu biex tagħrfu s‑sitwazzjoni terribbli ta’ dawk li waqgħu fit‑trasgressjoni.
41 U barra minn hekk, nixtieq li intom tirriflettu dwar l‑istat imbierek u hieni ta’ dawk li jħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla. Għax araw, huma mberkin tassew f’kull ħaġa, kemm temporali kif ukoll spiritwali; u jekk huma jibqgħu fidili sat‑tmiem huma jintlaqgħu fis‑smewwiet, fejn hemm ikunu jistgħu jgħammru ma’ Alla fi stat ta’ hena bla tmiem. O ftakru, ftakru li dawn il‑ħwejjeġ huma vera; għaliex il‑Mulej Alla qal dan.