Skrittura
Mosija 18


Kapitlu 18

Alma jippriedka bil‑moħbi—Hu jispjega l‑patt tal‑magħmudija u jgħammed fl‑ilmijiet ta’ Mormon—Hu jorganizza l‑Knisja ta’ Kristu u jordna l‑qassisin—Huma jipprovdu għall‑manteniment tagħhom u jgħallmu lin‑nies—Alma u n‑nies tiegħu jaħarbu ’l bogħod mis‑Sultan Noè fix‑xagħri. Madwar 147–145 Q.K.

1 U issa, ġara li Alma, li ħarab ’il bogħod mill‑qaddejja tas‑sultan Noè, nidem minn dnubietu u minn ħżunitu, u mar idur bil‑moħbi fost il‑poplu, u beda jgħallem kliem Abinadi—

2 Iva, dwar dak li għandu jiġi, kif ukoll dwar il‑qawmien mill‑imwiet tal‑mejtin, u l‑fidwa tal‑poplu, li kellha tiġi fis‑seħħ permezz tal‑qawwa, u t‑tbatija, u l‑mewt ta’ Kristu, u l‑qawmien mill‑imwiet u t‑tlugħ tiegħu fis‑smewwiet.

3 U hu għallem lil dawk kollha li kienu lesti jisimgħu kelmtu. U għallimhom bil‑moħbi, ħalli s‑sultan ma jsirx jaf b’dan. U ħafna kienu li emmnu kliemu.

4 U ġara li dawk kollha li emmnuh marru ġo post li kien jismu Mormon, li ngħata ismu mis‑sultan, u kien fil‑fruntieri tal‑pajjiż u, ġieli jew xi kultant, kien mimli bhejjem selvaġġi.

5 Issa, f’Mormon kien hemm għajn ta’ ilma safi, u Alma mar hemm, għaliex ħdejn l‑ilma kien hemm masġar kollu siġar żgħar, fejn huwa kien jinħeba matul il‑jum mis‑sultan li kien qed ifittxu.

6 U ġara li dawk kollha li emmnuh marru hemmhekk biex jisimgħu kliemu.

7 U ġara li wara numru ta’ ġranet kienu nġabru flimkien għadd sew ta’ nies fil‑post ta’ Mormon, biex jisimgħu kliem Alma. Iva, dawk kollha li emmnu kelmtu nġabru flimkien biex jisimgħuh. U hu għallimhom, u xandrilhom l‑indiema, u l‑fidwa, u l‑fidi fil‑Mulej.

8 U ġara li huwa qalilhom: Araw, dawn huma l‑ilmijiet ta’ Mormon (għax hekk kienu jissejħu) u issa, la intom tixtiequ ssiru parti mill‑merħla ta’ Alla, u tibdew tissejħu l‑poplu tiegħu, u lesti li ġġorru t‑tagħbija ta’ xulxin, ħalli tkun ħafifa;

9 Iva, u lesti tibku ma’ dawk li jibku; iva, u tfarrġu lil dawk li jeħtieġu l‑faraġ, u tieqfu bħala xhieda ta’ Alla f’kull ħin u f’kollox, u f’kull post li tafu tkunu fih, anke sal‑mewt, sabiex tkunu tistgħu tiġu mifdijin minn Alla, u tingħaddu ma’ dawk tal‑ewwel qawmien, ħalli tkunu tistgħu tiksbu l‑ħajja eterna—

10 Issa jiena ngħidilkom, jekk din tkun ix‑xewqa ta’ qalbkom, x’għandkom kontra li titgħammdu f’isem il‑Mulej, bħala xhieda quddiemu li intom dħaltu f’patt miegħu, li sejrin taqduh u tħarsu l‑kmandamenti tiegħu, ħalli huwa jkun jista’ jsawwab l‑Ispirtu tiegħu fuqkom bil‑kotra?

11 U issa meta n‑nies semgħu dan il‑kliem, huma ċapċpu jdejhom bil‑ferħ, u għajtu: Din hi x‑xewqa ta’ qalbna.

12 U issa ġara li Alma ħa lil Ħelam, li kien wieħed minn tal‑ewwel, u mar u waqaf fl‑ilma, u għajjat u qal: O Mulej, sawwab l‑ispirtu tiegħek fuq il‑qaddej tiegħek, ħalli hu jkun jista’ jwettaq din il‑ħidma bil‑qdusija tal‑qalb.

13 U meta qal dan il‑kliem, l‑Ispirtu tal‑Mulej niżel fuqu, u huwa qal: Ħelam, jiena ngħammdek, għax għandi l‑awtorità minn Alla li Jista’ Kollox, bħala xhieda li inti dħalt f’patt li lest isservih sakemm tmut fejn jidħol il‑ġisem mortali; u jalla l‑Ispirtu tal‑Mulej jissawwab fuqek; u jalla huwa jagħtik il‑ħajja ta’ dejjem, permezz tal‑fidwa ta’ Kristu, li huwa ħejja sa mill‑ħolqien tad‑dinja.

14 U wara li Alma qal dan il‑kliem, kemm Alma kif ukoll Ħelam ġew mgħaddsa fl‑ilma; u qamu u ħarġu ferħanin mill‑ilma, mimlijin bl‑Ispirtu.

15 U għal darb’oħra, Alma ħa persuna oħra, u reġa’ mar għat‑tieni darba fl‑ilma, u għammidha bħal ta’ qabel, biss did‑darba ma reġax għaddas lilu nnifsu fl‑ilma.

16 U b’dan il‑mod huwa għammed lil dawk kollha li marru fil‑post ta’ Mormon; u b’kollox kien hemm madwar mitejn u erba’ erwieħ; iva, u huma tgħammdu fl‑ilmijiet ta’ Mormon, u mtlew bil‑grazzja ta’ Alla.

17 U minn dak iż‑żmien ’il quddiem bdew jissejħu l‑knisja ta’ Alla, jew il‑knisja ta’ Kristu. U ġara li kull min tgħammed bil‑qawwa u bl‑awtorità ta’ Alla ġie magħdud mal‑knisja tiegħu.

18 U ġara li Alma, għax kellu l‑awtorità minn Alla, ordna qassisin; sewwasew qassis wieħed għal kull ħamsin ruħ fosthom huwa ordna biex lilhom ixandrilhom, u jgħallimhom dwar il‑ħwejjeġ li jappartjenu għas‑saltna ta’ Alla.

19 U hu ordnalhom li m’għandhom jgħallmu xejn ħlief il‑ħwejjeġ li huwa għallem, u li ġew imlissna minn fomm il‑profeti qaddisa.

20 Iva, u hu ordnalhom ukoll li m’għandhom jgħallmu xejn ħlief dwar l‑indiema u l‑fidi fil‑Mulej, li feda lill‑poplu tiegħu.

21 U hu ordnalhom li m’għandu jkun hemm l‑ebda tilwim bejniethom, iżda li għandhom iħarsu ’l quddiem b’għan wieħed, u jkollhom fidi waħda u magħmudija waħda, u b’qalbhom meħjuta flimkien f’għaqda u fi mħabba lejn xulxin.

22 U hu ordnalhom biex jippritkaw b’dal‑mod. U b’dan il‑mod huma saru wlied Alla.

23 U hu ordnalhom li huma kellhom josservaw jum il‑sibt, u jqaddsuh, u kuljum għandhom ukoll iroddu ħajr lill‑Mulej Alla tagħhom.

24 U hu ordnalhom ukoll li l‑qassisin li huwa ordna għandhom jaħdmu b’idejhom biex imantnu lilhom infushom.

25 U kull ġimgħa kien ġie stabbilit jum wieħed li fih huma għandhom jinġabru flimkien biex jgħallmu lin‑nies, u biex iqimu lill‑Mulej Alla tagħhom, kif ukoll, kull meta jkunu jistgħu, jinġabru lkoll flimkien.

26 U l‑qassisin ma kinux jiddependu fuq in‑nies għall‑manteniment tagħhom; iżda għal ħidmiethom kellhom jiksbu l‑grazzja ta’ Alla, ħalli huma jkunu jistgħu jissaħħu fl‑Ispirtu, u jkollhom l‑għarfien ta’ Alla, biex ikunu jistgħu jgħallmu b’qawwa u b’awtorità minn Alla.

27 U għal darb’oħra Alma ordna lin‑nies tal‑knisja li huma kellhom jaqsmu ġidhom, kull wieħed skont dak li kellu; jekk għandu bil‑kotra għandu jaqsam ma’ ħaddieħor bil‑kotra; u dak li għandu ftit biss, ftit biss huwa meħtieġ minnu; u dak li m’għandux għandu jingħata.

28 U b’dal‑mod għandhom jaqsmu ġidhom minn jeddhom u skont ix‑xewqat tajba tagħhom lejn Alla, u lejn dawk il‑qassisin li kienu fil‑bżonn, iva, u lejn kull bniedem fil‑bżonn u għeri.

29 U dan hu li qalilhom, għaliex dan kien li ordnalu Alla; u huma mxew fis‑sewwa quddiem Alla, jaqsmu bejniethom kemm dak li hu temporali kif ukoll spiritwali skont il‑bżonnijiet tagħhom u l‑ħtiġijiet tagħhom.

30 U issa ġara li dan kollu seħħ f’Mormon, iva, ħdejn l‑ilmijiet ta’ Mormon, fil‑bosk li kien jinsab qrib l‑ilmijiet ta’ Mormon; iva, il‑post ta’ Mormon, l‑ilmijiet ta’ Mormon, il‑bosk ta’ Mormon, kemm huma sbieħ f’għajnejn dawk li hemm saru jafu lill‑Feddej tagħhom; iva, u huma kemm huma mberkin, għax lilu għad jgħannu b’tifħir għal dejjem.

31 U dawn il‑ħwejjeġ seħħew fil‑fruntieri tal‑pajjiż, ħalli ma jsirx jaf bihom is‑sultan.

32 Iżda araw, ġara li s‑sultan, għax induna b’ċertu ċaqliq fost il‑poplu, bagħat lill‑qaddejja tiegħu biex jitkixxfu dwarhom. Għalhekk fil‑jum li fih kienu miġburin flimkien biex jisimgħu l‑kelma tal‑Mulej, huma ġew irrappurtati lis‑sultan.

33 U issa s‑sultan qal li Alma kien qed ixewwex lin‑nies biex iqumu kontrih; għalhekk huwa bagħat l‑armata tiegħu biex jeqirduhom.

34 U ġara li Alma u n‑nies tal‑Mulej ġew imwissija dwar il‑miġja tal‑armata tas‑sultan; għalhekk huma qabdu l‑kampijiet tagħhom u l‑familji tagħhom u reħewlha lejn ix‑xagħri.

35 U b’kollox huma kienu madwar erba’ mija u ħamsin ruħ.