Skrittura
Mosija 13


Kapitlu 13

Qawwa divina tipproteġi lil Abinadi—Hu jgħallem l‑Għaxar Kmandamenti—Is‑salvazzjoni ma tiġix biss permezz tal‑liġi ta’ Mosè—Alla nnifsu se jagħmel espjazzjoni u jifdi lill‑poplu tiegħu. Madwar 148 Q.K.

1 U issa meta s‑sultan sema’ dan il‑kliem, hu qal lill‑qassisin tiegħu: “Ħuduh minn hawn lil dan u morru oqtluh; għax dal‑bniedem miġnun x’jiswa għalina.

2 U huma marru u ppruvaw jaqbduh taħt idejhom; iżda hu waqfilhom, u qalilhom:

3 La tmissunix, għax Alla jilħaqkom jekk tmissuni b’idejkom, għax jien għadni ma wassaltx il‑messaġġ li l‑Mulej bagħatni biex inwassal; lanqas għadni m’għidtilkom dak li tlabtuni ngħidilkom; għalhekk, Alla ma jippermettix li jien ninqatel għalissa.

4 Iżda jeħtieġ li jiena nwettaq il‑kmandamenti li ordnali Alla; u għaliex jien għidtilkom il‑verità intom ħadtuha kontrija. U għal darb’oħra, għax jiena tkellimt il‑kelma ta’ Alla intom ħaristu lejja bħala bniedem miġnun.

5 Issa ġara li wara li Abinadi qal dan il‑kliem in‑nies tas‑sultan Noè m’azzardawx jaqbduh taħt idejhom, għax l‑Ispirtu tal‑Mulej kien miegħu; u wiċċu kien jiddi b’dija mill‑aktar kbira, l‑istess bħal Mosè meta kien fuq il‑muntanja Sinaj, waqt li kien qed jitkellem mal‑Mulej.

6 U hu tkellem b’qawwa u b’awtorità minn Alla; u kompla jitkellem u jgħid:

7 Qed taraw li intom m’għandkom l‑ebda qawwa biex toqtluni, għalhekk jien se nkompli sa ma ntemm il‑messaġġ tiegħi. Iva, u jien qed nara li dan qed jolqotkom fil‑laħam il‑ħaj għax jien qed ngħidilkom il‑verità dwar ħżunitkom.

8 Iva, u kliemi ħalliekom mistagħġba u miblugħa, u mimlijin korla.

9 Iżda jien sejjer intemm il‑messaġġ tiegħi; u mhux importanti fejn immur wara, diment li jiena nsalva.

10 Iżda jiena ngħidilkom dan, li dak li tagħmlu lili, wara li jiena nlesti, se jkun raffigurazzjoni u dell ta’ ħwejjeġ li għad iridu jseħħu.

11 U issa se naqralkom il‑bqija tal‑kmandamenti ta’ Alla, għax qed nara li huma ma jinsabux miktubin ġewwa qalbkom; qed nara li intom studjajtu u għallimtu l‑ħażen fil‑parti kbira ta’ ħajjitkom.

12 U issa, ftakru li jien għidtilkom: La tagħmilx għalik suriet minquxa, u ebda xbieha ta’ xi ħaġa li tinsab fil‑għoli tas‑sema, jew li tinsab hawn isfel fl‑art, jew li tinsab fil‑baħar taħt l‑art.

13 U għidtilkom ukoll: Tadurahomx u sservihomx; għax jiena l‑Mulej, Alla tiegħek, Alla għajjur, li npatti l‑ħażen tal‑missirijiet fuq l‑ulied, sat‑tielet u r‑raba’ nisel ta’ dawk li lili jobogħduni;

14 U nagħder eluf fosthom li jħobbuni u jħarsu l‑kmandamenti tiegħi.

15 Issejjaħx l‑isem tal‑Mulej Alla tiegħek fil‑batal, għaliex il‑Mulej ma jħallix bla kastig lil min isejjaħ ismu fil‑batal.

16 Ftakar f’jum is‑sibt u qaddsu.

17 Sitt ijiem għandek taħdem u tagħmel kull ma għandek tagħmel;

18 Iżda s‑seba’ jum, hu jum il‑Mulej, Alla tiegħek, u int ma tagħmel ebda xogħol, la int, la ibnek, la bintek, la l‑qaddej u l‑qaddejja tiegħek, la l‑bhejjem tiegħek, u lanqas il‑barrani li jkun ġewwa bwiebek;

19 Għax f’sitt ijiem il‑Mulej għamel is‑smewwiet u l‑art, u l‑baħar, u kull ma hemm fihom; għalhekk il‑Mulej bierek is‑seba’ jum u qaddsu.

20 Weġġaħ lil missierek u lil ommok, sabiex jitkattru jiemek fuq l‑art li l‑Mulej, Alla tiegħek, jagħtik.

21 La toqtolx.

22 La tagħmilx adulterju. ̋La tisraqx.

23 La tagħtix xhieda falza kontra għajrek.

24 La tixtieqx dar għajrek, la tixtieqx il‑mara ta’ għajrek, jew il‑qaddej jew il‑qaddejja tiegħu, jew il‑gendus, jew il‑ħmar tiegħu, jew xi ħaġa li hi ta’ għajrek.

25 U ġara li wara li Abinadi temm jgħid dan id‑diskors hu qalilhom: Għallimtuhom intom lil dawn in‑nies li għandhom jaraw li jagħmlu dawn il‑ħwejjeġ kollha ħalli huma jħarsu dawn il‑kmandamenti?

26 Jiena ngħidilkom, Le; għax kieku għamiltu dan, il‑Mulej ma kienx se jitlobni biex niġi hawn u nħabbar id‑deni lil dan il‑poplu.

27 U issa intom għidtu li s‑salvazzjoni tiġi fis‑seħħ permezz tal‑liġi ta’ Mosè. Jien ngħidilkom li jkun jaqbel li għalissa intom tħarsu l‑liġi ta’ Mosè; iżda ngħidilkom, li għad jasal żmien meta ma jkunx hemm aktar il‑ħtieġa li tħarsu l‑liġi ta’ Mosè.

28 U barra minn hekk, ngħidilkom, li s‑salvazzjoni ma tiġix biss permezz tal‑liġi; u li kieku ma kienx għall‑espjazzjoni, li Alla nnifsu se jagħmel għad‑dnubiet u l‑ħażen tal‑poplu tiegħu, huma żgur kienu jispiċċaw jinqerdu, minkejja l‑liġi ta’ Mosè.

29 U issa ngħidilkom li kien hemm bżonn tingħata liġi lil ulied Iżrael, iva, sewwasew liġi mill‑aktar stretta; għax huma kienu nies ta’ ras iebsa, li jaqgħu malajr fil‑ħażen, u li huma tqal biex jiftakru fil‑Mulej Alla tagħhom;

30 Għalhekk ġiet mogħtija lilhom liġi, iva, liġi ta’ konformità u ta’ ordinanzi, liġi li huma kellhom josservaw b’mod strett minn jum għal jum, li tgħinhom jiftakru f’Alla u jwettqu dmirhom lejh.

31 Iżda araw, jien ngħidilkom li dan kollu kien raffigurazzjoni ta’ ħwejjeġ li għad iridu jseħħu.

32 U issa, il‑liġi huma fehmuha? Jiena ngħidilkom, Le, mhux kollha fehmuha l‑liġi; u dan minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom; għax huma baqgħu ma fehmux li l‑ebda bniedem ma jista’ jsalva ħlief permezz tal‑fidwa ta’ Alla.

33 Għax araw, ma kienx Mosè li ħabbrilhom dwar il‑miġja tal‑Messija, u li Alla għandu jifdi lill‑poplu tiegħu? Iva, u l‑istess il‑profeti kollha li ilhom iħabbru sa mill‑bidu tad‑dinja—ma tkellmux huma xi ftit jew wisq dwar dawn il‑ħwejjeġ?

34 Ma qalux huma li Alla nnifsu għandu jinżel fost ulied il‑bnedmin, u jieħu fuqu x‑xbieha ta’ bniedem, u jmur b’qawwa kbira fuq wiċċ l‑art?

35 Iva, u huma ma qalux ukoll li hu għandu jġib fis‑seħħ il‑qawmien mill‑imwiet tal‑mejtin, u li huwa nnifsu se jkun maħqur u msawwat?