Skrittura
Mosija 13


Kapitlu 13

Abinadi protett permezz ta’ qawwa divina—Hu jgħallem l‑Għaxar Kmandamenti—Is‑salvazzjoni ma tiġix biss permezz tal‑liġi ta’ Mosè—Alla nnifsu se jagħmel espjazzjoni u jifdi lill‑poplu tiegħu. Madwar 148 Q.K.

1 U issa meta s‑sultan sema’ dan il‑kliem, hu qal lill‑qassisin tiegħu: Ħuduh lil dan u oqtluh; għax hu x’jiswa għalina, għax dan miġnun.

2 U huma marru u ppruvaw jaqbduh taħt idejhom; iżda hu waqfilhom, u qalilhom:

3 La tmissunix, għax Alla jagħtikom bil‑ħarta jekk tmissuni b’idejkom, għax jien għadni ma wassaltx il‑messaġġ li l‑Mulej bagħatni biex inwassal; lanqas għadni m’għidtilkom dak li tlabtuni ngħidilkom; għalhekk, Alla ma jippermettix li jien ninqatel bħalissa.

4 Iżda jeħtieġ li jien inwettaq il‑kmandamenti li ordnali Alla; u għaliex jien għidtilkom il‑verità intom ħadtuha kontrija. U għal darb’oħra, għax jiena tkellimt il‑kelma ta’ Alla intom ħaristu lejja bħala bniedem miġnun.

5 Issa ġara li wara li Abinadi qal dan il‑kliem in‑nies tas‑sultan Noè ma azzardawx jaqbduh taħt idejhom, għax l‑Ispirtu tal‑Mulej kien fuqu; u wiċċu kien jiddi b’dija mill‑aktar kbira, l‑istess bħal Mosè meta kien fuq il‑muntanja Sinaj, waqt li kien qed jitkellem mal‑Mulej.

6 U hu tkellem b’qawwa u b’awtorità minn Alla; u kompla jitkellem u jgħid:

7 Qed taraw li m’għandkom l‑ebda qawwa biex lili toqtluni, għalhekk jien se ntemm il‑messaġġ tiegħi. Iva, u qed nara li dan qed jolqotkom fil‑laħam il‑ħaj għax jien qed ngħidilkom il‑verità dwar ħżunitkom.

8 Iva, u kliemi ħalliekom mistagħġba u miblugħa, u mimlijin korla.

9 Iżda jien sejjer intemm il‑messaġġ tiegħi; u mhux importanti fejn nispiċċa, jekk jiena nsalva.

10 Iżda jiena ngħidilkom dan, li dak li tagħmlu lili, wara li jiena nlesti, se jkun simbolu u dell ta’ ħwejjeġ li għad iridu jseħħu.

11 U issa se naqralkom il‑kumplament tal‑kmandamenti ta’ Alla, għax qed nara li huma ma jinsabux miktubin ġewwa qalbkom; qed nara li intom studjajtu u għallimtu l‑ħażen fil‑maġġorparti ta’ ħajjitkom.

12 U issa, ftakru li jien għidtilkom: La tagħmilx għalik suriet minquxa, u ebda xbieha ta’ ħwejjeġ li hemm fl‑għoli tas‑sema, jew li hawn isfel fl‑art, jew li hemm fil‑baħar taħt l‑art.

13 U għal darb’oħra: Tadurahomx u sservihomx; għax jiena l‑Mulej, Alla tiegħek, Alla għajjur, li npatti l‑ħażen tal‑missirijiet fuq l‑ulied, sat‑tielet u r‑raba’ nisel ta’ dawk li jobogħduni;

14 U nagħder eluf fosthom li jħobbuni u jħarsu l‑kmandamenti tiegħi.

15 Issejjaħx l‑isem tal‑Mulej Alla tiegħek fil‑batal, għaliex il‑Mulej ma jħallix bla kastig lil min isejjaħ ismu fil‑batal.

16 Ftakar f’jum is‑sibt u qaddsu.

17 Sitt ijiem għandek taħdem u tagħmel kull ma għandek tagħmel;

18 Iżda s‑seba’ jum, hu jum il‑Mulej, Alla tiegħek, u int ma tagħmel ebda xogħol, la int, la ibnek, la bintek, la l‑qaddej u l‑qaddejja tiegħek, la l‑bhejjem tiegħek, u lanqas il‑barrani li jkun ġewwa bwiebek;

19 Għax f’sitt ijiem il‑Mulej għamel is‑smewwiet u l‑art, u l‑baħar, u kull ma hemm fihom; għalhekk il‑Mulej bierek is‑seba’ jum u qaddsu.

20 Weġġaħ lil missierek u lil ommok, sabiex jitkattru jiemek fuq l‑art li l‑Mulej, Alla tiegħek, jagħtik.

21 La toqtolx.

22 La tagħmilx adulterju. ̋La tisraqx.

23 La tagħtix xhieda falza kontra għajrek.

24 La tixtieqx dar għajrek, la tixtieqx il‑mara ta’ għajrek, jew il‑qaddej jew il‑qaddejja tiegħu, jew il‑gendus, jew il‑ħmar tiegħu, jew xi ħaġa li hi ta’ għajrek.

25 U ġara li wara li Abinadi temm jgħid dan id‑diskors hu qalilhom: Għallimtuhom intom lil dawn in‑nies li għandhom josservaw li jagħmlu dawn il‑ħwejjeġ kollha sabiex iħarsu dawn il‑kmandamenti?

26 Jiena ngħidilkom, Le; għax kieku għamiltu dan, il‑Mulej ma kienx se jitlob lili biex niġi hawn u nħabbar id‑deni lil dan il‑poplu.

27 U issa intom għidtu li s‑salvazzjoni tinkiseb permezz tal‑liġi ta’ Mosè. Jien ngħidilkom li hemm bżonn li għalissa intom tħarsu l‑liġi ta’ Mosè; iżda ngħidilkom, li għad jasal żmien meta ma jkunx hemm aktar bżonn li tħarsu l‑liġi ta’ Mosè.

28 U barra minn hekk, ngħidilkom, li s‑salvazzjoni ma tiġix biss permezz tal‑liġi; u li kieku ma kienx għall‑espjazzjoni, li Alla nnifsu se jagħmel għad‑dnubiet u l‑ħażen tal‑poplu tiegħu, huma żgur kienu jispiċċaw jinqerdu, minkejja l‑liġi ta’ Mosè.

29 U issa ngħidilkom li kien hemm bżonn tingħata liġi lil ulied Iżrael, iva, sewwasew liġi mill‑aktar stretta; għax huma kienu nies ta’ ras iebsa, li jaqgħu malajr fil‑ħażen, u tqal biex jiftakru fil‑Mulej Alla tagħhom;

30 Għalhekk ġiet mogħtija lilhom liġi, iva, liġi ta’ konformità u ta’ ordinanzi, liġi li huma kellhom josservaw bi stretezza minn jum għal jum, biex tgħinhom jibqgħu jiftakru f’Alla u fid‑dmir tagħhom lejh.

31 Iżda araw, jien ngħidilkom li dan kollu kien simbolu ta’ ħwejjeġ li għad iridu jseħħu.

32 U issa, il‑liġi huma fehmuha? Jiena ngħidilkom, Le, mhux kollha fehmuha l‑liġi; u dan minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom; għax huma ma fehmux li l‑ebda bniedem ma jista’ jsalva ħlief permezz tal‑fidwa ta’ Alla.

33 Għax araw, ma kienx Mosè li ħabbrilhom dwar il‑miġja tal‑Messija, u li Alla għandu jifdi lill‑poplu tiegħu? Iva, u l‑istess il‑profeti kollha li ilhom iħabbru mill‑bidu tad‑dinja—ma tkellmux huma xi ftit jew wisq dwar dawn il‑ħwejjeġ?

34 Ma qalux huma li Alla nnifsu għandu jinżel fost ulied il‑bnedmin, u jieħu fuqu l‑forma ta’ bniedem, u jmur b’qawwa kbira fuq wiċċ l‑art?

35 Iva, u huma ma qalux ukoll li hu għandu jġib fis‑seħħ il‑qawmien mill‑imwiet tal‑mejtin, u li hu nnifsu se jkun maħqur u msawwat?