Kapitlu 6
In‑Nefiti jikbru fil‑ġid—Jikber il‑ġid materjali u tikber il‑kburija u d‑distinzjoni bejn il‑klassi—Id‑diżgwid iwassal għal qasma fil‑Knisja—Satana jmexxi lin‑nies f’rewwixta—Bosta profeti jxandru l‑indiema u jisfaw maqtula—Il‑qattiela jagħmlu konfoffa biex jieħdu l‑gvern f’idejhom. Madwar 26–30 W.K.
1 U issa ġara li fis‑sena sitta u għoxrin il‑poplu Nefita reġa’ lura lejn artijietu, kull raġel flimkien ma’ familtu, bil‑merħliet u l‑baqar tiegħu, biż‑żwiemel u l‑bhejjem tiegħu, u b’dak kollu li huwa kellu.
2 U ġara li huma ma kinux ikkunsmaw il‑provvisti kollha li kellhom; għalhekk huma ħadu magħhom dak kollu li ma kinux ikkunsmaw, il‑qamħ tagħhom ta’ kull għamla, kif ukoll id‑deheb u l‑fidda tagħhom, u l‑ħwejjeġ prezzjużi kollha tagħhom, u reġgħu lura lejn artijiethom u lejn it‑territorju tagħhom, kemm fit‑tramuntana kif ukoll fin‑nofsinhar, kemm fl‑art tat‑tramuntana kif ukoll fl‑art tan‑nofsinhar.
3 U lil dawk il‑briganti li kienu daħlu f’patt li lesti jżommu l‑paċi fil‑pajjiż u li wrew ix‑xewqa li jibqgħu Lamaniti, huma tawhom artijiet skont l‑għadd tagħhom, ħalli huma jkunu jistgħu, permezz ta’ ħidmiethom, ikollhom dak li jeħtieġu biex huma jgħixu; u b’dal‑mod huma stabbilixxew il‑paċi fil‑pajjiż.
4 U huma reġgħu bdew jistagħnew u jikbru fil‑ġid; u s‑snin sitta u għoxrin u sebgħa u għoxrin ġew fi tmiemhom, u kien hemm ordni kbira fil‑pajjiż; u huma fasslu l‑liġijiet tagħhom skont is‑sewwa u l‑ġustizzja.
5 U issa ma kien għad baqa’ xejn fil‑pajjiż li seta’ jżomm lin‑nies milli jkomplu jkattru l‑ġid, ħlief jekk huma jaqgħu fit‑trasgressjoni.
6 U kien sewwasew Gidgiddoni, u l‑imħallef, Lakonew, u dawk li kienu ġew maħtura bħala mexxejja, li stabbilixxew din il‑paċi kbira fil‑pajjiż.
7 U ġara li kien hemm bosta bliet li nbnew mill‑ġdid, u bosta bliet antiki li ġew irrestawrati.
8 U nbnew bosta toroq ewlenin, u ħafna toroq oħra, li kienu joħduk minn belt għall‑oħra, u minn art għall‑oħra, u minn post għall‑ieħor.
9 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tmienja u għoxrin, u n‑nies esperjenzaw paċi kontinwa.
10 Iżda ġara li fis‑sena disgħa u għoxrin beda jqum ċertu tilwim fost il‑poplu; u xi wħud bdew jitkabbru u jiftaħru minħabba l‑ġid kbir li huma kellhom, iva, fejn huma anke spiċċaw jippersegwitaw lil ħaddieħor;
11 Għax kien hemm bosta negozjanti fil‑pajjiż, kif ukoll bosta avukati u uffiċjali.
12 U n‑nies bdew jiddistingwu rwieħhom skont il‑klassi tagħhom, u skont ġidhom u l‑opportunità li kellhom li jitgħallmu; iva, kien hemm xi wħud li baqgħu ma tgħallmux minħabba l‑faqar tagħhom, u kien hemm oħrajn li kisbu bosta tagħlim minħabba ġidhom.
13 Xi wħud bdew jitkabbru, u oħrajn kienu mill‑aktar umli; xi wħud bdew iroddu t‑tagħjir b’tagħjir, filwaqt li oħrajn kienu lesti joqogħdu għat‑tagħjir u l‑persekuzzjoni u għal kull tip ta’ taħbit, mingħajr ma jpattuha lura, iżda kienu nies umli u niedma quddiem Alla.
14 U b’hekk kien hemm inugwaljanza kbira mal‑pajjiż kollu, hekk li reġa’ beda jkun hemm qasma fil‑knisja; iva, hekk li fis‑sena tletin il‑knisja spiċċat maqsuma madwar il‑pajjiż kollu ħlief fost il‑ftit Lamaniti li kienu kkonvertew għat‑twemmin vera; u huma ma kinux lesti jitbiegħdu minn twemminhom, għax kienu nies fermi u sodi u li ma jitħarrkux, u kienu lesti biex bir‑reqqa kollha jħarsu l‑kmandamenti tal‑Mulej.
15 Issa r‑raġuni għal dan il‑ħażen kollu fost il‑poplu kienet din—Satana kellu qawwa kbira biex iħajjar lin‑nies iwettqu kull xorta ta’ ħażen, u biex jimlihom bil‑kburija, u jqanqalhom sabiex ifittxu l‑poter, u l‑awtorità, u l‑ġid materjali, u l‑frugħa tad‑dinja.
16 U b’hekk Satana qarraq bi qlub in‑nies u wassalhom biex iwettqu kull xorta ta’ ħażen; għalhekk huma damu jesperjenzaw il‑paċi għal ftit ta’ snin biss.
17 U b’hekk, fil‑bidu tas‑sena tletin—in‑nies ħallew lilhom infushom, għal żmien twil, jiġu mmexxija mit‑tiġrib tax‑xitan kull fejn huwa kellu x‑xewqa li jeħodhom, u jwassalhom biex iwettqu kwalunkwe ħażen li xtaqhom iwettqu—u b’hekk fil‑bidu ta’ dina s‑sena tletin, huma kienu jinsabu fi stat terribbli ta’ ħażen.
18 Issa huma ma waqgħux fid‑dnub bla ma kienu jafu, għax huma kienu jafu x’kienet ir‑rieda ta’ Alla għalihom, għaliex ġiet mgħallma lilhom; għalhekk huma ħaduha kontra Alla minn rajhom.
19 U issa dan seħħ fi żmien Lakonew, bin Lakonew, għax Lakonew ħa post missieru u dik is‑sena ħa f’idejh it‑tmexxija tal‑poplu.
20 U beda jkun hemm nies ispirati mis‑smewwiet u huma bdew jintbagħtu fost il‑poplu madwar il‑pajjiż kollu, fejn huma bdew ixandru l‑kelma u jaqsmu magħhom b’qawwa x‑xhieda tagħhom dwar id‑dnubiet u l‑ħażen tal‑poplu, u bdew jixhdu magħhom dwar il‑fidwa li l‑Mulej se jwettaq għall‑poplu tiegħu, jew fi kliem ieħor, dwar il‑qawmien ta’ Kristu; u huma bdew jixhdu b’qawwa dwar il‑mewt u t‑tbatija tiegħu.
21 Issa fost in‑nies kien hemm ħafna li nkurlaw bil‑kbir minħabba dawk li bdew jixhdu dwar dawn il‑ħwejjeġ; u dawk li mtlew l‑aktar bil‑korla kienu l‑prim imħallfin, u l‑qassisin il‑kbar u l‑avukati; iva, dawk kollha li kienu avukati kienu mimlijin korla għal dawk li bdew jixhdu dwar dawn il‑ħwejjeġ.
22 Issa ma kien hemm l‑ebda avukat jew imħallef jew qassis il‑kbir li kellu xi poter li jikkundanna lil xi ħadd għall‑mewt sakemm il‑kundanna tagħhom ma tiġix iffirmata mill‑gvernatur tal‑pajjiż.
23 Issa kien hemm bosta minn dawk li bdew jixhdu b’kuraġġ dwar ħwejjeġ relatati ma’ Kristu, li ttieħdu mill‑imħallfin u ngħataw il‑mewt bil‑moħbi, u l‑gvernatur tal‑pajjiż dam sa wara mewthom biex sar jaf b’dan.
24 Issa araw, din il‑ħaġa kienet tmur kontra l‑liġijiet tal‑pajjiż, li xi ħadd jingħata l‑mewt minn min m’għandux is‑setgħa mogħtija lilu mill‑gvernatur tal‑pajjiż—
25 Għalhekk, il‑gvernatur tal‑pajjiż fl‑art ta’ Żaraħemla, irċieva lment kontra dawn l‑imħallfin li kienu kkundannaw lill‑profeti tal‑Mulej għall‑mewt, ħaġa li kienet tmur kontra l‑liġi.
26 Issa ġara li huma ttieħdu u nġiebu quddiem l‑imħallef, biex isir ħaqq minnhom skont ir‑reat li huma wettqu, skont il‑liġi li kienet ġiet mfassla mill‑poplu.
27 Issa ġara li dawk l‑imħallfin kellhom bosta ħbieb u qraba; u l‑bqija, iva, kważi l‑avukati u l‑qassisin il‑kbar kollha, inġabru flimkien, u ngħaqdu mal‑qraba ta’ dawk l‑imħallfin li kellhom jgħaddu ġuri skont il‑liġi.
28 U huma daħlu f’patt bejniethom, iva, sewwasew f’patt li kien ingħata min‑nies tal‑qedem, liema patt kien ġie mfassal u mogħti mix‑xitan, biex joħloq alleanza kontra dak kollu li huwa sewwa.
29 Għalhekk huma ngħaqdu f’alleanza kontra l‑poplu tal‑Mulej, u daħlu f’patt li jeqirduh, u li huma jeħilsu minn idejn il‑ġustizzja lil dawk li kienu ħatja ta’ qtil, liema ġustizzja kienet se twassal biex isir ħaqq minnhom skont il‑liġi.
30 U huma injoraw għal kollox il‑liġi u d‑drittijiet ta’ pajjiżhom; u għamlu patt bejniethom li kienu sejrin jeqirdu lill‑gvernatur, u minfloku jpoġġu sultan li jsaltan fuq il‑pajjiż, biex il‑pajjiż ma jibqax aktar ħieles iżda jispiċċa taħt il‑ħakma tas‑slaten.