Skrittura
3 Nefi 4


Kapitlu 4

L‑armati Nefiti jegħlbu lill‑ħallelin Gadjantuni—Giddjani jinqatel, u s‑suċċessur tiegħu, Żemnarija, jiġi mdendel—In‑Nefiti jfaħħru lill‑Mulej għar‑rebħiet tagħhom. Madwar W.K. 19–22.

1 U ġara li fl‑aħħar jiem tas‑sena tmintax dawk l‑armati ta’ ħallelin lestew ruħhom għall‑battalja, u bdew neżlin minn ġol‑għoljiet, u minn ġo l‑muntanji, u mix‑xagħri, u mill‑fortifikazzjonijiet tagħhom, u mill‑moħbiet tagħhom, u huma niżlu ħabta u sabta u bdew jieħdu l‑artijiet f’idejhom, kemm dawk li kienu fl‑art tan‑nofsinhar kif ukoll dawk li kienu fl‑art tat‑tramuntana, u bdew jieħdu f’idejhom l‑artijiet kollha li abbandunaw in‑Nefiti, u l‑ibliet li kienu spiċċaw bla nies.

2 Iżda araw, f’dawk l‑artijiet li kienu abbandunaw in‑Nefiti, la kien hemm fihom bhejjem selvaġġi u lanqas annimali li n‑Nefiti setgħu jikkaċċjaw għajr għal fejn kien hemm ix‑xagħri.

3 U minħabba n‑nuqqas ta’ ikel, il‑ħallelin setgħu jgħixu biss fejn kien hemm ix‑xagħri; għax in‑Nefiti ma kienu ħallew xejn f’artijiethom, u kienu ġabru l‑merħliet u l‑baqar tagħhom kollha u ġidhom kollu, u bdew jgħammru lkoll fi grupp wieħed.

4 Għalhekk, il‑ħallelin ma kellhom l‑ebda mod ieħor kif setgħu jisirqu u jiksbu l‑ikel, ħlief jekk huma jitilgħu biex jiġġieldu kontra n‑Nefiti; u n‑Nefiti kienu jinsabu lkoll fi grupp wieħed, u l‑għadd tagħhom kien wieħed kbir ħafna, u huma kienu ħażnu għalihom infushom għadd ta’ provvisti, kif ukoll żwiemel u bhejjem, u merħliet ta’ kull għamla, ħalli jkunu jistgħu jkomplu jsostnu lilhom infushom għal perjodu ta’ seba’ snin, f’liema perjodu huma kienu qed jittamaw li setgħu jeqirdu lill‑ħallelin minn wiċċ l‑art; u b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tmintax.

5 U ġara li fis‑sena dsatax Giddjani sab li kien hemm bżonn li huwa jmur għall‑battalja kontra n‑Nefiti, għax ma kienx hemm mod ieħor kif huma setgħu jkomplu jsostnu lilhom infushom bla ma jissakkeġġjaw, jisirqu u joqtlu.

6 U huma m’azzardawx jinfirxu ma’ wiċċ l‑art biex ikunu jistgħu jkabbru l‑qamħ, ma jmorrux jaħbtu għalihom in‑Nefiti u joqtluhom; għalhekk Giddjani ordna lill‑armati tiegħu biex matul din is‑sena huma għandhom imorru jiġġieldu kontra n‑Nefiti.

7 U ġara li huma telgħu għall‑ġlied; u dan seħħ fis‑sitt xahar; u araw, kemm kien kbir u tal‑biża’ l‑jum li fih huma telgħu għall‑ġlied; u huma libsu kif jilbsu l‑ħallelin; u ma’ qaddhom kellhom il‑ġild tal‑ħaruf, u bid‑demm huma kienu miżbugħin, u rashom kienet mqaxxra, u kienu lebsin elmu; u kemm kienet kbira u tal‑biża’ d‑dehra tal‑armati ta’ Giddjani, minħabba li l‑korazzi li kienu lebsin u d‑demm li bih kienu miżbugħin.

8 U ġara li l‑armati tan‑Nefiti, meta raw id‑dehra tal‑armata ta’ Giddjani, inxteħtu mal‑art, u għollew ħarsithom lejn il‑Mulej Alla tagħhom, biex huwa jħenn għalihom u jeħlishom mill‑għedewwa tagħhom.

9 U ġara li meta l‑armati ta’ Giddjani raw dan huma bdew jgħajtu bil‑ferħ b’leħen għoli, għaliex ħasbu li n‑Nefiti kienu waqgħu mal‑art bil‑biża’ minħabba t‑terrur tal‑armati tagħhom.

10 Iżda huma f’din il‑ħaġa ħarġu ddiżappuntati, għax in‑Nefiti mhux minnhom kellhom biża’; iżda huma kellhom biża’ minn Alla tagħhom u talbuh sabiex jipproteġihom; għalhekk, meta l‑armati ta’ Giddjani taw is‑salt għal fuqhom huma kienu lesti biex jaffrontawhom; iva, huma kienu lesti għalihom bil‑qawwa kollha tal‑Mulej.

11 U kien f’dan is‑sitt xahar li ngħata bidu għall‑battalja; u kbira u tal‑biżà kienet il‑battalja li huma kellhom, iva, kbir u tal‑biżà kien il‑massakru li seħħ fosthom, fejn qatt ma kien seħħ massakru akbar fost il‑poplu kollu ta’ Leħi sa minn meta huwa ħalla Ġerusalemm.

12 U minkejja t‑theddid ta’ Giddjani u l‑ġuramenti kollha li ħa, araw, in‑Nefiti spiċċaw biex għelbuhom, hekk li huma irtiraw u telqu minn quddiemhom.

13 U ġara li Gidgiddoni ordna l‑armati tiegħu biex jibqgħu jsegwuhom sewwasew sal‑fruntieri tax‑xagħri, u li huma m’għandhom iħennu għall‑ebda wieħed li jispiċċa f’idejhom; u b’hekk huma baqgħu jsegwuhom u joqtluhom sal‑fruntieri tax‑xagħri, sewwasew sakemm huma għamlu dak li kien ordnalhom Gidgiddoni.

14 U ġara li Giddjani, li baqa’ jirreżisti u jitqabad b’mod mill‑aktar qalbieni, kompla jiġi segwit hekk kif kien qed jipprova jaħrab; u għajjien kif kien minħabba daqstant ġlied spiċċaw biex qabduh u qatluh. U b’hekk ġiet fi tmiemha l‑ħajja ta’ Giddjani l‑ħalliel.

15 U ġara li l‑armati tan‑Nefiti reġgħu lura mill‑ġdid fil‑post ta’ difiża tagħhom. U ġara li din is‑sena dsatax għaddiet, u l‑ħallelin ma reġgħux ġew lura biex jiġġieldu; lanqas ma ġew lura fil‑sena għoxrin.

16 U fis‑sena wieħed u għoxrin huma ma telgħux għall‑ġlied, iżda telgħu minn kull naħa biex jassedjaw lin‑nies ta’ Nefi; għax ħasbu li jekk huma jiżolaw lin‑nies ta’ Nefi minn artijiethom, u jaraw li ma jkunux jistgħu joħorġu mill‑ebda naħa, u jekk ineħħulhom kull privileġġ li joħorġu lil hinn minn fejn jinsabu, b’dal‑mod iwassluhom biex huma jagħtu lilhom infushom f’idejhom skont xewqathom.

17 Issa huma ħatru mexxej ieħor, li kien jismu Żemnarija; għalhekk kien dan Żemnarija li ordna li huma jwettqu dan l‑assedju.

18 Iżda araw, dan kien ta’ vantaġġ għan‑Nefiti; għax kien impossibbli li l‑ħallelin jassedjaw għal ħin twil biżżejjed li seta’ jħalli daqstant effett fuq in‑Nefiti, minħabba l‑provvista daqstant kbira li huma kellhom maħżuna.

19 Kif ukoll minħabba n‑nuqqas ta’ provvisti li kien hemm fost il‑ħallelin; għax araw, huma ma kellhom xejn x’jieklu ħlief laħam, liema laħam kienu kisbuh fix‑xagħri;

20 U ġara li fix‑xagħri l‑bhejjem selvaġġi saru mill‑aktar skarsi hekk li l‑ħallelin kienu għoddhom se jmutu bil‑ġuħ.

21 U n‑Nefiti komplew mexjin bla heda, lejl u nhar, jaħbtu għall‑armati tagħhom, u joqtluhom bl‑eluf u bl‑għexieren ta’ eluf.

22 U b’hekk n‑nies ta Żemnarija wrew ix‑xewqa li huma ma jkomplux għaddejjin bil‑pjan tagħhom, minħabba l‑qerda kbira li bdew jesperjenzaw billejl u binhar.

23 U ġara li Żemnarija ordna lin‑nies tiegħu biex ma jkomplux bl‑assedju, u jerħulha lejn l‑aktar l‑inħawi mbiegħda tal‑art tat‑tramuntana.

24 U issa, Gidgiddoni li kien jaf il‑pjan tagħhom x’kien, kien jaf ukoll bid‑dgħufija tagħhom minħabba n‑nuqqas ta’ ikel, u l‑massakru kbir li kien seħħ fosthom, għalhekk mal‑lejl huwa bagħat l‑armati tiegħu, u neħħewlhom kull aċċess biex huma jaħarbu, u poġġa l‑armati tiegħu fil‑post li minnu setgħu jaħarbu.

25 U huma għamlu dan matul il‑lejl, u rħewlha għal wara l‑ħallelin, biex l‑għada, hekk kif il‑ħallelin telqu għal għonq it‑triq, huma sabu ma’ wiċċhom l‑armati tan‑Nefiti kemm quddiemhom kif ukoll warajhom.

26 U l‑ħallelin li kienu jinsabu fin‑naħa tan‑nofsinhar ukoll spiċċaw iżolati mill‑postijiet ta’ refuġju tagħhom. U dan kollu seħħ fuq ordni ta’ Gidgiddoni.

27 U kien hemm bosta eluf li taw lilhom infushom bħala priġunieri tan‑Nefiti, u l‑bqija sfaw maqtula.

28 U l‑mexxej tagħhom, Żemnarija, ittieħed u ġie mdendel ma’ siġra, iva, sewwasew huwa baqa’ mdendel ma’ ras is‑siġra sakemm miet. U wara li ħallewh imdendel u raw li kien mejjet, huma qaċċtu s‑siġra sakemm spiċċat mal‑art, u għajtu b’leħen għoli u qalu:

29 Jalla l‑Mulej jippreserva lin‑nies tiegħu fis‑sewwa u fil‑qdusija tal‑qalb, ħalli huma jkunu jistgħu jwasslu lil dawk kollha li jippruvaw joqtluhom minħaba l‑poter u l‑alleanzi sigriet biex jaqgħu mal‑art, l‑istess kif waqa’ mal‑art dan ir‑raġel.

30 U huma bdew jithennew u b’leħen wieħed għajtu mill‑ġdid u qalu: Jalla l‑Alla ta’ Abraham, u l‑Alla ta’ Iżakk, u l‑Alla ta’ Ġakobb, jipproteġi lil dan il‑poplu fis‑sewwa, diment li huma jkomplu jsejħu isem Alla tagħhom biex lilhom huwa jipproteġi.

31 U ġara li huma lkoll nfexxew ikantaw u jfaħħru lil Alla tagħhom għal dil‑ħaġa daqstant kbira li hu għamel għalihom, fejn huwa ħarishom milli jaqgħu f’idejn l‑għedewwa tagħhom.

32 Iva, huma għajtu: Hosanna lil Alla l‑Għoli. U huma għajtu: Ikun imbierek isem il‑Mulej Alla li Jista’ Kollox, li hu Alla l‑għoli.

33 U qalbhom imtliet bil‑hena, hekk li dmugħ ta’ ferħ niżel ma’ ħaddejhom, minħabba t‑tjubija kbira ta’ Alla, li ħelishom minn idejn l‑għedewwa tagħhom; u huma kien jafu li kien minħabba l‑indiema tagħhom u l‑umiltà tagħhom li huma ġew meħlusin mill‑qerda ta’ dejjem.