Skrittura
3 Nefi 27


Kapitlu 27

Ġesù jordnalhom biex issemu l‑Knisja għalih—Il‑missjoni u s‑sagrifiċċju espjatorju tiegħu jikkonstitwixxu l‑evanġelju tiegħu—Il‑bnedmin huma ordnati biex jindmu u jitgħammdu ħalli jkunu jistgħu jitqaddsu permezz tal‑Ispirtu s‑Santu—Huma għandhom ikunu kif inhu Ġesù. Madwar W.K. 34–35.

1 U ġara li hekk kif id‑dixxipli ta’ Ġesù kienu fi triqthom ixandru l‑ħwejjeġ li kienu semgħu u raw, u kienu qed jgħammdu f’isem Ġesù, ġara li d‑dixxipli nġabru flimkien jitolbu b’qawwa u jsumu.

2 U Ġesù reġa’ wera lilu nnifsu lilhom, għax huma kienu qed jitolbu lill‑Missier f’ismu; u ġie Ġesù u waqaf f’nofshom, u qalilhom: Xi triduni nagħtikom?

3 U huma qalulu: Mulej, nixtiequ li inti tgħidilna x’isem għandna nagħtu lil din il‑knisja; għaliex in‑nies qed jargumentaw dwar din il‑ħaġa.

4 U l‑Mulej qalilhom: Tassew, tassew, ngħidilkom, għalfejn in‑nies qed igergru u jargumentaw dwar din il‑ħaġa?

5 Mela huma ma qrawx l‑iskrittura, li tgħid li intom għandkom tieħdu fuqkom isem Kristu, li huwa ismi? Għaliex b’dan l‑isem għandkom tiġu msejħa fl‑aħħar jum;

6 U dawk li jieħdu fuqhom ismi, u jibqgħu sħaħ sal‑aħħar, huma jiġu salvati fl‑aħħar jum.

7 Għalhekk, dak kollu li tagħmlu, agħmluh f’ismi; għalhekk għandkom issemmu l‑knisja għalija; u għandkom titolbu lill‑Missier f’ismi biex huwa jbierek il‑Knisja minħabba fija.

8 U kif tista’ tkun il‑knisja tiegħi, jekk ma tkunx imsemmija għalija? Għaliex jekk knisja tkun imsemmija għal Mosè, allura tkun il‑knisja ta’ Mosè; jew jekk tkun imsemmija għal xi bniedem, allura tkun il‑knisja ta’ dak il‑bniedem; iżda jekk tkun imsemmija għalija, allura tkun il‑knisja tiegħi, jekk dejjem huma jkunu mibnija fuq l‑evanġelju tiegħi.

9 Tassew ngħidilkom, li intom tinsabu mibnija fuq l‑evanġelju tiegħi; għalhekk kull ħaġa li intom issemmu għandkom issemmuha għalija; għalhekk jekk intom titolbu lill‑Missier, għall‑knisja, jekk tagħmlu dan f’ismi l‑Missier jismagħkom;

10 U jekk jiġri li l‑knisja tinbena fuq l‑evanġelju tiegħi mbagħad il‑missier jiżvela fiha l‑għemejjel tiegħu.

11 Iżda jekk ma tkunx mibnija fuq l‑evanġelju tiegħi, u tkun mibnija fuq għemejjel il‑bniedem jew fuq għemejjel ix‑xitan, tassew ngħidilkom li huma jkollhom il‑ferħ f’għemilhom biss għal ftit żmien, u wara ftit jasal it‑tmiem, u huma jitqaċċtu u jinxteħtu fin‑nar, minn fejn ħadd ma jista’ jerġa’ lura.

12 Għax l‑għemejjel tagħhom imorru magħhom, għax huwa minħabba għemilhom li huma tqaċċtu; għalhekk ftakru fil‑ħwejjeġ li jien għidtilkom.

13 Araw jiena tajtkom l‑evanġelju tiegħi, u dan huwa l‑evanġelju li jiena tajtkom—li jiena ġejt fid‑dinja biex nagħmel ir‑rieda ta’ Missieri, għaliex kien Missieri li bagħatni.

14 U Missieri bagħatni sabiex nittella’ fuq is‑salib; u wara li nittella’ fuq is‑salib, ħalli nkun nista’ nressaq il‑bnedmin kollha lejja, li kif jiena ġejt imtella’ mill‑bnedmin bl‑istess mod il‑bnedmin jiġu mtellgħin mill‑Missier, sabiex jieqfu quddiemi, biex minnhom isir ħaqq skont għemilhom, kemm jekk ikun tajjeb, u kemm jekk ikun ħażin—

15 U huwa minħabba f’hekk li jiena ġejt mtella’ fuq is‑salib; għalhekk, skont il‑qawwa tal‑Missier jiena sejjer inressaq lill‑bnedmin kollha lejja, biex isir ħaqq minnhom skont għemilhom.

16 U għad jiġri, li dak li jindem u jitgħammed f’ismi se jħossu mxebba’; u jekk huwa jibqa’ sħiħ sal‑aħħar, araw, lilu jiena nsib bla ħtija quddiem Missieri f’dak il‑jum li fih se nkun qed nagħmel ħaqq mid‑dinja.

17 U dak li ma jibqax iżomm sħiħ sal‑aħħar, huwa wkoll dak li se jitqaċċat u jinxteħet fin‑nar, minn fejn ħadd ma jista’ jerġa’ lura, minħabba l‑ġustizzja tal‑Missier.

18 U din hija l‑kelma li huwa ta lill‑ulied il‑bnedmin. U għal dan il‑għan huwa jwettaq il‑kliem li huwa żvela, u hu ma jimtedd fl‑ebda ħin, iżda jwettaq dak kollu li jgħid.

19 U l‑ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tidħol fis‑saltna tiegħu; għalhekk xejn ma jidħol fil‑mistrieħ tiegħu ħlief dawk li ħaslu lbieshom f’demmi, minħabba l‑fidi tagħhom, u l‑indiema tagħhom minn dnubiethom kollha, u l‑fedeltà tagħhom sal‑aħħar.

20 Issa dan huwa l‑kmandament: Indmu, intom kollha minn truf id‑dinja, u ejjew għandi u tgħammdu f’ismi, ħalli titqaddsu permezz tal‑għotja tal‑Ispirtu s‑Santu, sabiex intom tieqfu mingħajr tebgħa quddiemi fl‑aħħar jum.

21 Tassew, tassew, ngħidilkom, dan huwa l‑evanġelju tiegħi; u intom tafu x’għandkom tagħmlu fil‑knisja tiegħi; għax l‑għemejjel li rajtuni nwettaq għandkom twettqu intom ukoll; għax dak li rajtuni nwettaq għandkom twettquh intom ukoll;

22 Għalhekk, jekk intom tagħmlu dawn il‑ħwejjeġ, henjin intom, għax intom se tiġu mgħollija ’l fuq fl‑aħħar jum.

23 Iktbu l‑ħwejjeġ li intom rajtu u smajtu, minbarra dak li huwa pprojbit.

24 Iktbu l‑għemejjel ta’ dan il‑poplu, li huma sejrin iwettqu, l‑istess bħal dak li nkiteb, dwar ħwejjeġ li ġew imwettqa.

25 Għax araw, permezz tal‑kotba li ġew miktuba, u li se jiġu miktuba, se jsir ħaqq minn dan il‑poplu, għax permezz tagħhom għemilhom se jiġi żvelat lill‑bnedmin.

26 U araw, kollox inkiteb fuq ordni tal‑Missier; għalhekk permezz tal‑kotba li se jinkitbu se jsir ħaqq mid‑dinja.

27 U kunu afu li intom se tkunu mħallfin ta’ dan il‑poplu, skont il‑ħaqq li jiena se nagħtikom, li se jkun wieħed ġust. Għalhekk, x’tip ta’ nies jeħtieġ li tkunu? Tassew ngħidilkom, sewwasew kif jiena jien.

28 U issa jiena se mmur għand il‑Missier. U tassew ngħidilkom, kull ma titolbu lill‑Missieri f’ismi jingħatalkom.

29 Għalhekk, itolbu u taqilgħu; ħabbtu u jiftħulkom; għax kull min jitlob, jaqla’; u kull min iħabbat, jiftħulu.

30 U issa, araw, l‑hena tiegħi hija kbira, anzi nista’ ngħid li hi sħiħa, minħabba fikom, u minħabba dan in‑nisel; iva, u anke l‑Missier jithenna, kif jithennew l‑anġli mqaddsa kollha tiegħu, minħabba fikom u minħabba dan in‑nisel; għax ħadd minnhom mhu se jintilef.

31 Araw, nixtieqkom tifhmu li jien qed nirreferi għal dawk kollha fost dan in‑nisel li bħalissa jinsabu ħajjin; u ħadd minnhom mhu se jintilef; u minħabba fihom jiena qed nesperjenza l‑milja tal‑hena.

32 Iżda araw, inħossni nitnikket minħabba r‑raba’ nisel minn dan in‑nisel, għax huma sejrin jittieħdu minnu fil‑jasar kif kien ittieħed bin it‑telfien; għax huma sejrin ibigħuni għall‑fidda u għad‑deheb, u għal dak li jitħassar bil‑kamla, fejn il‑ħallelin jistgħu jinfdu u jisirquh. U f’dak il‑jum lilhom jiena nżur, u nara li għal għemilhom huma jpattu.

33 U ġara li meta Ġesù temm dan id‑diskors huwa qal lid‑dixxipli tiegħu: Għaddu mill‑bieb id‑dejjaq; għax dejjaq huwa l‑bieb, u dejqa t‑triq li twassal għall‑ħajja, u ftit huma li jsibuha; iżda wiesa’ l‑bieb u spazjuża t‑triq li tieħu għall‑mewt, u ħafna huma li jgħaddu minnha, sa ma jasal il‑lejl meta ħadd ma jkun jista’ jaħdem.