Skrittura
3 Nefi 26


Kapitlu 26

Ġesù jfisser kull ħaġa mill‑bidu sat‑tmiem—It‑trabi u t‑tfal ilissnu ħwejjeġ tal‑għaġeb li ma jistgħux jinkitbu—Dawk li jagħmlu parti mill‑Knisja ta’ Kristu għandhom kollox komuni bejniethom. Madwar 34 W.K.

1 U issa ġara li meta Ġesù qal dawn il‑ħwejjeġ huwa beda jfissirhom lill‑miġemgħa; u huwa fissrilhom kull ħaġa, kemm kbira kif ukoll żgħira.

2 U huwa qal: Il‑Missier ordnali nagħtikom din l‑iskrittura, li s’issa kienet għadha mhux f’idejkom; għax ra li jkun għaqli li hija tingħata lill‑ġenerazzjonijiet futuri.

3 U huwa beda jfissrilhom kull ħaġa, sewwasew mill‑bidu nett saż‑żmien li huwa jiġi fil‑glorja tiegħu—iva, sewwasew kull ħaġa li għandha tiġri fuq wiċċ l‑art, sewwasew sakemm l‑elementi kollha jispiċċaw jinħallu bin‑nar, u l‑art bħal ktieb titkebbeb, u s‑smewwiet u l‑art jintemmu;

4 Sewwasew sal‑jum kbir u aħħari, meta l‑popli, it‑tribujiet, il‑ġnus, u l‑ilsna kollha għad jieqfu quddiem Alla, biex isir ħaqq minnhom skont għemilhom, sew jekk ikun tajjeb u sew jekk ikun ħażin—

5 Jekk ikun tajjeb, huma jqumu għall‑ħajja ta’ dejjem; u jekk ikun ħażin, iqumu għall‑kundanna; u t‑tnejn huma paralleli, waħda minn naħa u l‑oħra minn oħra, skont il‑ħniena, u l‑ġustizzja, u l‑qdusija li jinsabu fi Kristu, li kien sa minn qabel iż‑żminijiet.

6 U f’dan il‑ktieb lanqas biss wieħed fil‑mija tal‑ħwejjeġ kollha li Ġesù għallem lin‑nies ma jistgħu jinkitbu;

7 Iżda araw, il‑pjanċi ta’ Nefi jinkludu fihom il‑biċċa l‑kbira tal‑ħwejjeġ li huwa għallem lin‑nies.

8 U dawn huma l‑ħwejjeġ li jiena ktibt, li huma biss parti żgħira minn dak li hu għallem lin‑nies; u jiena ktibthom bil‑għan li huma jkunu jistgħu jinġiebu lura għand dan il‑poplu mill‑Ġentili, skont il‑kliem li qal Ġesù.

9 U meta huma jirċevuhom, ħaġa li jeħtieġ li ssir biex il‑fidi tagħhom tiġi ppruvata, u jekk jiġri li huma jemmnu f’dawn il‑ħwejjeġ, imbagħad jiġu żvelati lilhom ħwejjeġ akbar.

10 U jekk jiġri li huma ma jemmnux dawn il‑ħwejjeġ, imbagħad ħwejjeġ akbar ma jiġux żvelati lilhom, u dan iwassal għall‑kundanna tagħhom.

11 Araw, jien kont għoddni se nikteb dak kollu li kien imnaqqax fuq il‑pjanċi ta’ Nefi, iżda l‑Mulej żammni milli nagħmel dan, u qalli: Jiena se nipprova l‑fidi tal‑poplu tiegħi.

12 Għalhekk jiena, Mormon, sejjer nikteb dak li ordnali l‑Mulej. U issa jiena, Mormon, se ntemm kitbieti, u se nkompli billi nikteb il‑ħwejjeġ li ġejt ordnat li nikteb.

13 Għalhekk, irridkom taraw li l‑Mulej tabilħaqq dam jgħallem lin‑nies għal tlett ijiem sħaħ; u wara li għamel dan, huwa wera lilu nnifsu lilhom bosta drabi, u bosta drabi huwa qasam il‑ħobż, bierku, u tahulhom.

14 U ġara li huwa għallem u serva lill‑ulied il‑miġemgħa li jiena tkellimt dwarha, u huwa reħa lsienhom, u lil missirijiethom bdew jgħidulhom ħwejjeġ kbar u tal‑għaġeb, ħwejjeġ li kienu saħansitra akbar minn dak li huwa żvela mal‑poplu; u huwa reħa lsienhom biex huma jkunu jistgħu jitkellmu.

15 U ġara li wara li huwa tela’ s‑sema—it‑tieni darba li huwa wera lilu nnifsu lilhom, u mar għand il‑Missier, wara li huwa fejjaq lill‑morda u l‑magħtuba kollha tagħhom, u wara li fetaħ għajnejn l‑għomja u widnejn it‑torox tagħhom, u wara li fejjaq ukoll bosta mard li kien hemm fosthom, u wara li qajjem raġel mill‑mewt, u wara li wera l‑qawwa tiegħu fosthom, u wara li huwa tela’ għand il‑Missier—

16 Araw, ġara li l‑għada n‑nies inġabru lkoll flimkien, u huma raw kif ukoll semgħu lil dawn it‑tfal; iva, u anke t‑trabi bdew jiftħu fommhom u jlissnu ħwejjeġ tal‑għaġeb; u ngħataw ordni biex ħadd minnhom ma jikteb dak li huma bdew jgħidu.

17 U ġara li minn dakinhar ’il quddiem id‑dixxipli li Ġesù għażel bdew jgħammdu u jgħallmu lil dawk kollha li bdew imorru għandhom; u dawk kollha li ġew mgħammdin f’isem Ġesù mtlew bl‑Ispirtu s‑Santu.

18 U ħafna minnhom raw u semgħu ħwejjeġ li ma jitfissrux bil‑kliem, li ma setgħux jinkitbu.

19 U huma bdew jgħallmu, u jaqdu lil xulxin; u kellhom kollox komuni bejniethom, fejn kull raġel beda jittratta lil raġel ieħor b’ġustizzja.

20 U ġara li huma għamlu kollox kif ordnalhom Ġesù.

21 U dawk kollha li tgħammdu f’isem Ġesù bdew jissejħu l‑knisja ta’ Kristu.