Skrittura
3 Nefi 17


Kapitlu 17

Ġesù jitlob lin‑nies biex jixtarru kliemu u jitolbu ħalli jkunu jistgħu jifhmuh—Huwa jfejjaq lill‑morda—Hu jitlob għan‑nies, u juża kliem li ma jistax jinkiteb—L‑anġli jaqdu liċ‑ċkejknin tagħhom li jispiċċaw imdawrin bil‑fjammi tan‑nar. Madwar 34 W.K.

1 Araw, issa ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem huwa reġa’ tefa’ ħarstu fuq il‑miġemgħa, u qalilhom: Araw, is‑siegħa tiegħi waslet.

2 Qed nara li intom nies dgħajfin, li ma tistgħux tifhmu l‑kliem kollu li jiena għidt, liema kliem il‑Missier ordnali biex ngħidilkom f’dan il‑mument.

3 Għalhekk, morru fi djarkom, u xtarru dwar il‑ħwejjeġ li jiena għidt, u itolbu lill‑Missier, f’ismi, ħalli intom tkunu tistgħu tifhmu kliemi, u tħejju moħħkom għal għada, u jiena se nerġa’ niġi nżurkom.

4 Iżda issa jiena se mmur għand il‑Missier, u sejjer nuri lili nnifsi wkoll lit‑tribujiet mitlufa ta’ Iżrael, għax għall‑Missier mhumiex mitlufa, għaliex huwa jaf fejn ħadhom.

5 U ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem, huwa reġa’ xeħet ħarstu fuq il‑miġemgħa, u ra li huma kienu lkoll bid‑dmugħ f’għajnejhom, u għajnejhom ma qalgħuhomx minn fuqu bħallikieku bdew jitolbuh biex jibqa’ ftit ieħor magħhom.

6 U huwa qalilhom: Araw, jiena tassew qed inħoss għalikom.

7 Hemm xi ħadd fostkom li hu marid? Ġibuh hawn. Hemm xi ħadd li hu magħtub, jew għami, jew zopp, jew imġiddem, jew mifluġ, jew trux, jew li b’xi mod qed ibati? Ġibuh hawn u jiena nfejqu, għax jien tassew qed inħoss għalikom; il‑ħniena tiegħi lejkom hija kbira.

8 Għax qed nara li intom tixtiquni nurikom dak li jien għamilt ma’ ħutkom f’Ġerusalemm, għax qed nara li għandkom fidi biżżejjed biex jiena nfejjaqkom.

9 U ġara li meta huwa qal dan, dawk kollha li kienu fost il‑miġemgħa, marru flimkien mal‑morda tagħhom, u l‑imsejkna tagħhom, u l‑magħtuba tagħhom, u l‑għomja tagħhom, u l‑imbikkmin tagħhom, u ma’ dawk kollha li b’xi mod kienu għaddejjin minn tbatija; u huwa fejjaqhom ilkoll waqt li bdew jinġiebu quddiemu.

10 U huma lkoll, kemm dawk li ġew imfejqa kif ukoll dawk li kienu b’saħħithom, inxteħtu madwar riġlejh, u bdew iqimuh; u dawk kollha minn fost il‑miġemgħa li resqu lejh bdew ibusulu riġlejh, hekk li spiċċaw ħasslulu riġlejh bid‑dmugħ tagħhom.

11 U ġara li huwa ordnalhom biex iġibu quddiemu lit‑tfal ċkejknin tagħhom.

12 Għalhekk huma marru u ġabu liċ‑ċkejknin tagħhom u poġġewhom mal‑art madwaru, u Ġesù waqaf f’nofshom; u l‑miġemgħa għamlet il‑wisa’ biex ilkoll jinġiebu quddiemu.

13 U ġara li meta huma nġiebu lkoll quddiemu, u Ġesù waqaf f’nofshom, huwa ordna lill‑miġemgħa biex jinżlu għarkupptejhom mal‑art.

14 U ġara li meta huma niżlu għarkupptejhom mal‑art, Ġesù beda jitniehed fih innifsu, u qal: Missier, inħossni tassew mnikket minħabba l‑ħażen tal‑poplu li ġej mid‑dar ta’ Iżrael.

15 U meta huwa qal dan il‑kliem, huwa wkoll inxteħet għarkupptejh mal‑art; u araw, huwa beda jitlob lill‑Missier, u l‑ħwejjeġ li huwa talab ma jistgħux jinkitbu, u dawk kollha li semgħuh minn fost il‑miġemgħa taw xhieda ta’ dan.

16 U din kienet ix‑xhieda li huma taw: L‑ebda għajn qatt ma rat, u l‑ebda widna qatt ma semgħet qabel ħwejjeġ daqstant kbar u tal‑għaġeb daqs il‑ħwejjeġ li aħna rajna u smajna lil Ġesù jgħid lill‑Missier;

17 U l‑ebda lsien ma jista’ jlissen, u l‑ebda bniedem ma jista’ jikteb, u l‑ebda qalb ta’ bniedem ma tista’ timmaġina ħwejjeġ daqstant kbar u tal‑għaġeb daqs il‑ħwejjeġ li aħna smajna u rajna lil Ġesù jgħid; u ħadd ma jista’ jimmaġina x’hena kbira mliet lil ruħna fil‑mument li smajnieh jitlob lill‑Missier għalina.

18 U ġara li meta Ġesù waqaf jitlob lill‑Missier, huwa qam bilwieqfa; iżda dawk li kienu fost il‑miġemgħa tant bdew iħossu fihom hena kbira li bilkemm setgħu jitħarrku.

19 U ġara li Ġesù reġa’ kellimhom, u talabhom biex iqumu minn mal‑art.

20 U huma qamu minn mal‑art, u huwa qalilhom: Henjin intom minħabba l‑fidi tagħkom. U issa araw, qed inħoss fija hena kbira.

21 U meta huwa qal dan il‑kliem, huwa nfexx jibki, u l‑miġemgħa taw xhieda ta’ dan, u huwa ħa lit‑tfal ċkejknin tagħhom, wieħed wieħed, u berikhom u talab lill‑Missier għalihom.

22 U meta għamel dan huwa reġa’ nfexx jibki għal darb’oħra;

23 U huwa kellem lill‑miġemgħa, u qalilhom: Ħarsu lejn iċ‑ċkejknin tagħkom.

24 U hekk kif huma daru biex iħarsu lejhom, huma xeħtu għajnejhom lejn is‑sema, u raw is‑smewwiet jinfetħu, u raw l‑anġli neżlin mis‑sema bħallikieku mdawrin bil‑fjammi tan‑nar; u huma niżlu u daru madwar iċ‑ċkejknin, u huma kienu jinsabu mdawrin bil‑fjammi tan‑nar; u l‑anġli bdew jaqduhom.

25 U l‑miġemgħa rat u semgħet, u tat xhieda ta’ dan; u huma jafu li x‑xhieda tagħhom hija vera għax ilkoll kemm huma raw u semgħu dan; u b’kollox kienu jgħoddu madwar elfejn u ħames mitt ruħ; u kienu jikkonsistu minn irġiel, nisa, u tfal.