Skrittura
3 Nefi 11


Ġesù Kristu wera lilu nnifsu lill‑poplu ta’ Nefi, hekk kif il‑miġemgħa nġabret flimkien fl‑art ta’ Kotran, u lilhom huwa beda jaqdi; u b’dan il‑mod huwa wera lilu nnifsu lilhom.

Jikkonsisti minn kapitlu 11 sa 26.

Kapitlu 11

Il‑Missier jixhed dwar Ibnu l‑Maħbub—Kristu jidher lin‑nies u jħabbrilhom l‑Espjazzjoni tiegħu—In‑nies imissu l‑marki tal‑ġrieħi f’idejh, f’riġlejh, u f’ġenbejh—Huma jgħajtu Hosanna—Huwa jippreskrivi l‑mod u l‑metodu tal‑magħmudija—L‑ispirtu tat‑tilwim ġej mix‑xitan—Id‑duttrina ta’ Kristu hi li l‑bnedmin għandhom jemmnu u jitgħammdu u jirċievu l‑Ispirtu s‑Santu. Madwar W.K. 34.

1 U issa ġara li kien hemm kotra kbira ta’ nies li nġabru flimkien, minn fost il‑poplu ta’ Nefi, madwar it‑tempju li kien fl‑art ta’ Kotran; u huma bdew jistagħġbu bejniethom u jimmeraviljaw ruħhom, u bdew juru lil xulxin il‑bidla kbira u tal‑għaġeb li kienet seħħet.

2 U huma bdew ukoll jitkellmu bejniethom dwar dan Ġesù Kristu, li dwar mewtu kien ingħata s‑sinjal.

3 U ġara li waqt li kienu qed jitkellmu bejniethom, huma semgħu leħen li qisu kien ġej mis‑sema; u huma bdew iħarsu madwarhom, għax ma fehmux il‑leħen li kienu semgħu; u dan ma kienx xi leħen aħrax, lanqas ma kien xi leħen għoli; madankollu, u minkejja li kien leħen sieket huwa nifed il‑qalb ta’ dawk li semgħuh, hekk li ma kien hemm ebda parti minn ġisimhom li ma bdietx titriegħed; iva, huwa nifdilhom ruħhom, u kebbsilhom qalbhom.

4 U ġara li għal darb’oħra reġgħu semgħu l‑leħen, u ma fehmuhx.

5 U huma reġgħu semgħu l‑leħen għat‑tielet darba, u fetħu widnejhom biex jisimgħuh; u għajnejhom kienu mixħutin lejn minn fejn kien ġej il‑ħoss; u huma bdew iħarsu bla heda lejn is‑sema, minn fejn kien ġej il‑ħoss.

6 U araw, it‑tielet draba huma fehmu l‑leħen li huma semgħu; u huwa qalilhom:

7 Dan hu Ibni l‑Għażiż, li fih sibt l‑għaxqa tiegħi, li fih jien igglorifikajt ismi—isimgħu lilu.

8 U ġara li hekk kif huma fehmuh huma reġgħu xeħtu ħarsithom ’il fuq lejn is‑sema; u araw, huma raw Raġel nieżel mis‑sema; u huwa kien liebes libsa bajda; u huwa niżel u waqaf f’nofshom; u għajnejn il‑folla daru fuqu, u huma m’azzardawx jiftħu fommhom, lanqas bejniethom, u m’għarfux huwa x’kien, għax huma ħasbu li kien dehrilhom xi anġlu.

9 U ġara li huwa medd idu u kellem lin‑nies, u qal:

10 Araw, jiena Ġesù Kristu, li dwari xehdu l‑profeti li jien għandi niġi fid‑dinja.

11 U araw, jiena d‑dawl u l‑ħajja tad‑dinja; u jiena xrobt minn dak il‑kalċi morr li tani l‑Missier, u jien igglorifikajt lill‑Missier billi ħadt fuqi d‑dnubiet tad‑dinja, u b’hekk għamilt ir‑rieda tal‑Missier f’kull ħaġa sa mill‑bidu.

12 U ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem il‑folla kollha waqgħet mal‑art; għax huma ftakru li kien ġie mħabbar fosthom li Kristu għandu juri lilu nnifsu lilhom wara t‑tlugħ tiegħu fis‑smewwiet.

13 U ġara li l‑Mulej kellimhom u qal:

14 Qumu u ejjew lejja, ħalli tkunu tistgħu tqiegħdu jdejkom fuq ġenbi, u tkunu tistgħu wkoll tmissu l‑marki tal‑imsiemer f’idejja u f’riġlejja, ħalli tkunu tistgħu tagħrfu li jiena l‑Alla ta’ Iżrael, u l‑Alla tad‑dinja kollha, u li jien ġejt maqtul għad‑dnubiet tad‑dinja.

15 U ġara li l‑folla resqet lejh, u huma qiegħdu jdejhom fuq ġenbu, u missew il‑marki tal‑imsiemer f’idejh u f’riġlejh; u huma għamlu dan, marru wieħed wara l‑ieħor sakemm marru lkoll, u huma raw b’għajnejhom u missew b’idejhom, u għarfu tassew u taw xhieda, li kien sewwasew hu, li dwaru kitbu l‑profeti, li għandu jiġi.

16 U meta huma marru lkoll u raw b’għajnejhom stess, huma għajtu lkoll f’daqqa u qalu:

17 Hosanna! Imbierek l‑isem ta’ Alla l‑Għoli! U huma nxteħtu f’riġlejn Ġesù, u bdew iqimuh.

18 U ġara li huwa kellem lil Nefi (għax Nefi kien jinsab fost il‑folla) u ordnalu biex jersaq lejh.

19 U Nefi qam u resaq lejh, u miel quddiem il‑Mulej u bieslu riġlejh.

20 U l‑Mulej ordnalu biex iqum. U huwa qam u waqaf quddiemu.

21 U l‑Mulej qallu: Jien nagħtik qawwa li inti tgħammed lil dan il‑poplu meta jiena nkun tlajt għal darb’oħra fis‑smewwiet.

22 U l‑Mulej sejjaħ ukoll oħrajn, u qalilhom l‑istess ħaġa; u huwa tahom qawwa li jgħammdu. U hu qalilhom: Dan hu l‑mod kif intom għandkom tgħammdu; u m’għandu jkun hemm l‑ebda tilwim fostkom.

23 Tassew ngħidilkom, li dak li jindem minn dnubietu permezz ta’ kliemkom, u juri x‑xewqa li jitgħammed f’ismi, b’dan il‑mod intom għandkom tgħammduhom—Araw, intom għandkom tinżlu u tieqfu fl‑ilma, u għandkom tgħammduhom f’ismi.

24 U issa araw, dan hu l‑kliem li intom għandkom tgħidu, fejn għandkom issejħulhom b’isimhom, u tgħidu:

25 Bl‑awtorità mogħtija lili minn Ġesù Kristu, jiena ngħammdek fl‑isem tal‑Missier, u tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu. Ammen.

26 U mbagħad għandkom tgħaddsuhom fl‑ilma, u terġgħu toħorġuhom ’il barra mill‑ilma.

27 U b’dal‑mod intom għandkom tgħammdu f’ismi; għax araw, tassew ngħidilkom, li l‑Missier, u l‑Iben, u l‑Ispirtu s‑Santu huma ħaġa waħda; u jiena ninsab fil‑Missier, u l‑Missier jinsab fija, u l‑Missier u jiena ħaġa waħda.

28 U bil‑mod li ordnajtilkom jien intom għandkom tgħammdu. U m’għandhomx iqumu argumenti fostkom, kif s’issa kien hemm; lanqas m’għandhom iqumu argumenti fostkom dwar ċerti punti tad‑duttrina tiegħi, kif s’issa kien hemm.

29 Tassew, tassew ngħidilkom, dak li għandu fih l‑ispirtu tat‑tilwim mhuwiex ġej minni, iżda mix‑xitan, li huwa missier it‑tilwim, u huwa jqanqal qlub il‑bnedmin sabiex jitlewmu b’għadab bejniethom.

30 Araw, din mhijiex id‑duttrina tiegħi li nqanqal qlub il‑bnedmin bil‑għadab, wieħed kontra l‑ieħor; iżda din hi d‑duttrina tiegħi, li ħwejjeġ bħal dawn għandhom jieqfu.

31 Araw, tassew, tassew, ngħidilkom, jiena se nxandrilkom id‑duttrina tiegħi.

32 U din hi d‑duttrina tiegħi, u hija d‑duttrina li tani l‑Missier; u jien nixhed għall‑Missier, u l‑Missier jixhed għalija, u l‑Ispirtu s‑Santu jixhed għall‑Missier u għalija; u jien nixhed li l‑Missier ordna lil kulħadd, ma’ kullimkien, sabiex jindem u jemmen fija.

33 U dawk li jemmnu fija, u jitgħammdu, dawn huma dawk li jsalvaw; u dawn huma dawk li sejrin jirtu s‑saltna ta’ Alla.

34 U dawk li ma jemmnux fija, u ma jitgħammdux, ikunu kkundannati.

35 Tassew, tassew, ngħidilkom, li din hi d‑duttrina tiegħi, u jien nixhed li ġejja mingħand il‑Missier; u min jemmen fija jemmen ukoll fil‑Missier; u l‑Missier jixhed miegħu għalija, għax lilu huwa jżur bin‑nar u bl‑Ispirtu s‑Santu.

36 U b’hekk jixhed għalija l‑Missier, u l‑Ispirtu s‑Santu jixhed għall‑Missier u għalija; għax il‑Missier, u jien, u l‑Ispirtu s‑Santu ħaġa waħda.

37 U għal darb’oħra ngħidilkom, jeħtieġ li intom tindmu, u ssiru bħal tifel ċkejken, u titgħammdu f’ismi, jew inkella ma tistgħu bl‑ebda mod tirċievu dawn il‑ħwejjeġ.

38 U għal darb’oħra ngħidilkom, jeħtieġ li intom tindmu, u titgħammdu f’ismi, u ssiru bħal tifel ċkejken, jew inkella bl‑ebda mod ma tistgħu tirtu s‑saltna ta’ Alla.

39 Tassew, tassew, ngħidilkom, li din hi d‑duttrina tiegħi, u kull min jibni fuqha jkun qed jibni fuq il‑blata tiegħi, u s‑setgħat tal‑infern ma jegħlbuhomx.

40 U kull min ixandar iżjed jew anqas minn hekk, u jxandru bħala d‑duttrina tiegħi, dan ikun ġej mill‑ħażen, u ma jkunx mibni fuq il‑blata tiegħi; iżda huwa jkun qed jibni fuq pedament tar‑ramel, u s‑setgħat tal‑infern jinsabu lesti biex jilqgħu lil min hu bħalu meta jiġu l‑għargħar u jħabtu fuqhom l‑irwiefen.

41 Għalhekk, morru għand dan il‑poplu, u xandru l‑kliem li jiena għedt, sa truf l‑art.