Skrittura
3 Nefi 1


It‑Tielet Nefi

Il‑Ktieb ta’ Nefi
Bin Nefi, Li Kien Bin Ħelaman

U Ħelaman kien bin Ħelaman, li kien bin Alma, li kien bin Alma, li kien ġej min‑nisel ta’ Nefi li kien bin Leħi, li kien telaq minn Ġerusalemm fl‑ewwel sena tas‑saltna ta’ Sedekija, is‑sultan ta’ Ġuda.

Kapitlu 1

Nefi, bin Ħelaman, jitlaq ’il barra mill‑pajjiż, u ibnu Nefi jżomm għandu l‑annali—Minkejja li s‑sinjali u l‑għeġubijiet ma jieqfux, il‑ħżiena jippjanaw biex joqtlu lit‑twajbin—Jasal il‑lejl li fih jitwieled Kristu—Jingħata s‑sinjal, u tfeġġ kewkba ġdida—Jikber il‑gideb u l‑qerq, u l‑briganti Gadjantuni joqtlu ħafna nies. Madwar 1–4 W.K.

1 Issa ġara li s‑sena wieħed u disgħin ġiet fi tmiemha u dan kien sitt mitt sena minn meta Leħi ħalla Ġerusalemm; u kien fis‑sena li fiha Lakonew kien il‑prim imħallef u l‑gvernatur tal‑pajjiż.

2 U Nefi, bin Ħelaman, telaq mill‑art ta’ Żaraħemla, u għadda f’idejn ibnu Nefi, li kien ibnu l‑kbir, il‑pjanċi tar‑ram, u l‑annali kollha li kienu baqgħu jinżammu, u dak kollu li baqa’ jinżamm b’mod sagru, sa minn meta Leħi telaq ’il barra minn Ġerusalemm.

3 Imbagħad huwa telaq ’il barra mill‑pajjiż, u fejn mar ħadd ma jaf; u ibnu Nefi beda jżomm l‑annali minfloku, iva, huwa beda jżomm l‑istorja ta’ dan il‑poplu.

4 U ġara li fil‑bidu tas‑sena tnejn u disgħin, araw, il‑profeziji tal‑profeti bdew aktar jiġu fis‑seħħ; għax bdew jingħataw sinjali akbar u bdew iseħħu mirakli akbar fost il‑poplu.

5 Iżda kien hemm xi wħud li bdew jgħidu li ż‑żmien kien ġie u għadda li fih kellu jiġi fis‑seħħ dak li kien qal Samwel il‑Lamanita.

6 U huma bdew jifirħu u jgħidu lil ħuthom: Araw iż‑żmien ġie u għadda, u kliem Samwel baqa’ ma ġiex fis‑seħħ; għalhekk, l‑hena tagħkom u l‑fidi tagħkom, minħabba din il‑ħaġa, sfaw fix‑xejn.

7 U ġara li huma qajmu rewwixta kbira mal‑pajjiż kollu; u n‑nies li kienu emmnu bdew tassew isewdu qalbhom, ma jmurx dak li ntqal ma jiġix fis‑seħħ.

8 Iżda araw, huma baqgħu jishru bla heda matul dak il‑jum u dak il‑lejl u dak il‑jum, li flimkien dehru bħallikieku jum wieħed, mingħajr ebda lejl, u dan biex huma jkunu jafu li l‑fidi tagħhom ma kenitx għalxejn.

9 Issa ġara li dawk li ma kinux jemmnu għażlu ġurnata biex fiha dawk kollha li kienu jemmnu f’dawk il‑profeziji kellhom jingħataw il‑mewt, jekk jibqa’ ma jfeġġx is‑sinjal li kien ħabbrilhom dwaru l‑profeta Samwel.

10 Issa ġara li meta Nefi, bin Nefi, ra b’għajnejh dan il‑ħażen kollu fost il‑poplu tiegħu, huwa sewwed qalbu bil‑kbir.

11 U ġara li huwa ħareġ barra u niżel għarkupptejh mal‑art, u talab bil‑ħniena lil Alla tiegħu f’isem il‑poplu tiegħu, iva, f’isem dawk li kienu għoddhom se jinqerdu minħabba l‑fidi tagħhom fi twemmin missirijiethom.

12 U ġara li huwa għadda l‑jum kollu jitlob bil‑ħniena lill‑Mulej; u araw, huwa sama’ leħen il‑Mulej jgħidlu:

13 Erfa’ rasek u agħmel il‑qalb; għax ara, is‑siegħa waslet, u l‑lejla stess se jingħata sinjal, u għada jiena se niġi fid‑dinja, biex nuri lid‑dinja li jiena se nġib fis‑seħħ dak kollu li jien ordnajt li għandu jingħad minn fomm il‑profeti qaddisa tiegħi.

14 Ara, jiena se niġi fost niesi, biex inġib fis‑seħħ dak kollu li jiena żvelajt lill‑ulied il‑bnedmin sa mill‑ħolqien tad‑dinja, u biex jiena nagħmel ir‑rieda tal‑Missier u tal‑Iben—tal‑Missier minħabba fija, u tal‑Iben minħabba l‑ġisem mortali tiegħi. U ara, is‑siegħa waslet, u dan il‑lejl se jingħata s‑sinjal.

15 U ġara li l‑kliem li ġie żvelat lil Nefi ġie fis‑seħħ, sewwasew kif intqal lilu; għax araw, ix‑xemx niżlet, iżda ma dalamx; u n‑nies bdew jistagħġbu bil‑kbir għax meta wasal il‑lejl baqa’ ma dalamx.

16 U kien hemm ħafna, li ma kinux emmnu kliem il‑profeti, li waqgħu mal‑art bħallikieku mejtin, għax huma kienu jafu li l‑pjan kbir ta’ qerda, li huma kienu fasslu għal dawk li emmnu fi kliem il‑profeti, kien ġie fix‑xejn; għax is‑sinjal li ngħata diġà kien ħareġ fid‑deher.

17 U huma bdew jagħrfu li bin Alla kien sejjer juri lilu nnifsu dalwaqt; iva, f’kelma waħda, in‑nies kollha fuq wiċċ l‑art kollha, mill‑punent sal‑lvant, kemm fl‑art tat‑tramuntana kif ukoll fl‑art tan‑nofsinhar, stagħġbu bil‑kbir, u bdew jaqgħu mal‑art.

18 Għax huma kienu jafu li l‑profeti kienu ilhom snin twal jixhdu dwar dawn il‑ħwejjeġ, u s‑sinjal li kien ingħata kien diġà ħareġ fid‑deher; u huma bdew jibżgħu minħabba ħżunithom u n‑nuqqas ta’ fidi tagħhom.

19 U ġara li tul dak il‑lejl baqa’ ma dalamx, iżda d‑dawl beda jiddi b’qawwa daqs id‑dawl ta’ nofsinhar. U ġara li filgħodu reġgħet telgħet ix‑xemx, kif dejjem għamlet qabel; u huma għarfu li kien wasal il‑jum li fih jitwieled il‑Mulej, minħabba s‑sinjal li kien ingħata.

20 U kollox seħħ, iva, sal‑iċken dettall, skont kliem il‑profeti.

21 U ġara li dehret ukoll kewkba ġdida, skont kif kien imbassar.

22 U ġara li minn dak iż‑żmien ’il quddiem Satana beda jxandar bosta gideb fost il‑poplu, biex iwebbes qalbhom, bil‑għan li huma ma jemmnux fis‑sinjali u fl‑għeġubijiet li huma raw; iżda minkejja dan il‑gideb u l‑qerq kollu, il‑biċċa l‑kbira tan‑nies emmnu, u kkonvertew għall‑Mulej.

23 U ġara li Nefi mar fost il‑poplu, u l‑istess għamlu ħafna oħrajn, u beda jgħammed għall‑Indiema, liema ndiema wasslet għal maħfra kbira tad‑dnubiet. U b’hekk, għal darb’oħra, in‑nies reġa’ beda jkollhom il‑paċi fil‑pajjiż.

24 U ma kien hemm l‑ebda tilwim, għajr għal xi ftit li bdew ixandru, u jippruvaw juru permezz tal‑iskrittura, li ma kienx għad hemm il‑ħtieġa li huma jkomplu josservaw il‑liġi ta’ Mosè. Issa f’din il‑ħaġa kienu żbaljati, għax huma ma fehmux l‑iskrittura.

25 Iżda ġara li huma ma damux wisq ma kkonvertew, u kkonvinċew irwieħhom li kienu żbaljati, għax ġie żvelat lilhom li l‑liġi kienet għadha ma ġietx fis‑seħħ, u li kien jeħtieġ li tiġi fis‑seħħ sal‑iċken dettall; iva, huma ġew mgħarrfin li kien jeħtieġ li l‑liġi tiġi fis‑seħħ; iva, li lanqas l‑iċken ittra jew tikka mhi se tgħaddi sa ma kollox jiġi fis‑seħħ; għalhekk f’din l‑istess sena bdew jagħrfu li huma kienu żbaljaw u bdew jistqarru nuqqasijiethom.

26 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tnejn u disgħin, liema sena ġabet magħha l‑bxara t‑tajba lill‑poplu, minħabba s‑sinjali li ġew fis‑seħħ, skont il‑kliem tal‑profezija tal‑profeti qaddisa kollha.

27 U ġara li s‑sena tlieta u disgħin intemmet ukoll fil‑paċi, għajr għall‑briganti Gadjantuni, li kienu jgħammru fuq il‑muntanji, li spiċċaw infestaw il‑pajjiż kollu; għax il‑fortizzi tagħhom u l‑moħbiet tagħhom tant kienu protetti b’mod tajjeb li n‑nies ma setgħux jegħlbuhom; għalhekk huma qatlu lil bosta, u għamlu massakru sħiħ fost il‑poplu.

28 U ġara li fis‑sena erbgħa u disgħin huma bdew joktru bil‑kbir, għax kien hemm bosta minn dawk li kienu nqatgħu minn man‑Nefiti li ħarbu u ngħaqdu magħhom, u din il‑ħaġa niktet ferm lil dawk in‑Nefiti li kienu baqgħu fil‑pajjiż.

29 U kienu wkoll bosta minn fost il‑Lamaniti li tnikktu bil‑kbir; għax araw, huma kellhom bosta wlied li ma kinux għadhom aktar tfal u bdew jikbru fis‑snin, u bdew ifendu għal rashom, u bdew jiġu mħajrin minn xi Żoramiti, permezz tal‑gideb u l‑kliem ħelu tagħhom, biex jingħaqdu ma’ dawk il‑briganti Gadjantuni.

30 U l‑Lamaniti wkoll bdew jgħaddu minn ċerta tbatija, u bdew jiddgħajfu fil‑fidi u fit‑tjieba tagħhom, minħabba l‑ħażen tal‑ġenerazzjoni li tielgħa.