Kapitlu 32
L‑anġli jitkellmu bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu—Il‑bnedmin jeħtieġ li jitolbu u jiksbu l‑għarfien għalihom infushom mill‑Ispirtu s‑Santu. Madwar 559–545 Q.K.
1 U issa, araw, għeżież ħuti, nassumi li intom tixtarru xi ftit f’qalbkom dwar x’għandkom tagħmlu wara li tkunu dħaltu fit‑triq. Iżda, araw, għalfejn tixtarru dawn il‑ħwejjeġ f’qalbkom?
2 Ma tiftakrux li jien għidtilkom li wara li tkunu rċevejtu l‑Ispirtu s‑Santu intom tkunu tistgħu titkellmu b’ilsien l‑anġli? U issa, kif tistgħu titkellmu b’ilsien l‑anġli jekk mhux permezz tal‑Ispirtu s‑Santu?
3 L‑anġli jitkellmu bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu; għalhekk, huma jlissnu kliem Kristu. Għalhekk, jiena ngħidilkom, mantnu lilkom infuskom permezz ta’ kliem Kristu; għax araw, kliem Kristu jurikom dak kollu li għandkom tagħmlu.
4 Għalhekk, issa wara li jien għidt dan il‑kliem, jekk intom ma tistgħux tifhmuh, dan għaliex ma tistaqsux, u ma tħabbtux; għalhekk, intom ma twassaltux għad‑dawl, iżda jeħtieġ li tinqerdu fid‑dlam.
5 Għax araw, jien se nerġa’ ngħidilkom li jekk intom tidħlu fit‑triq, u tirċievu l‑Ispirtu s‑Santu, hu jurikom dak kollu li għandkom tagħmlu.
6 Araw, din hija d‑duttrina ta’ Kristu, u mhux se tingħata aktar duttrina qabel ma huwa juru lilu nnifsu lilkom fil‑ġisem. U meta huwa juri lilu nnifsu lilkom fil‑ġisem, araw li intom twettqu l‑ħwejjeġ li huwa se jgħidilkom biex twettqu.
7 U issa jiena, Nefi, ma nistax ngħid aktar minn hekk; l‑Ispirtu jżommni milli nitkellem, u jiena nista’ biss nuri s‑sogħba tiegħi għan‑nuqqas ta’ fidi, u għall‑ħażen, u l‑injoranza, u r‑ras iebsa tal‑bnedmin; għax huma ma jfittxux it‑tagħlim, u lanqas ma jifhmu l‑għarfien li hu l‑aktar importanti, wara li jingħata lilhom fis‑sempliċità kollha, sewwasew bi kliem mill‑aktar sempliċi.
8 U issa, għeżież ħuti, jien qed nara li intom għadkom qed tixtarru f’qalbkom; u nħossni mnikket li se jkolli nitkellem dwar dil‑ħaġa. Għax jekk intom tisimgħu mill‑Ispirtu li jgħallem lill‑bniedem biex jitlob, intom għandkom tkunu tafu li jeħtieġ li titolbu; għax l‑ispirtu l‑ħażin ma jgħallimx lill‑bniedem biex jitlob, imma jgħallmu li m’għandux jitlob.
9 Iżda araw, jiena ngħidilkom li intom għandkom titolbu dejjem, bla ma tintelqu; u li m’għandkom twettqu xejn għall‑Mulej qabel ma l‑ewwel titolbu lill‑Missier f’isem Kristu, sabiex huwa jikkonsagralkom il‑ħidma tagħkom, ħalli l‑ħidma tagħkom tkun għall‑ġid ta’ ruħkom.