Skrittura
2 Nefi 31


Kapitlu 31

Nefi jgħid għalfejn Kristu tgħammed—Il‑bnedmin jeħtieġ li jimxu wara Kristu, jitgħammdu, jirċievu l‑Ispirtu s‑Santu, u jibqgħu jżommu sħiħ sal‑aħħar biex isalvaw—L‑indiema u l‑magħmudija huma l‑bieb għall‑mogħdija stretta u dejqa—Il‑ħajja eterna tiġi għal dawk li jħarsu l‑kmandamenti wara l‑magħmudija. Madwar 559–545 Q.K.

1 U issa jien, Nefi, se ntemm il‑profezija tiegħi għalikom, għeżież ħuti. U ma nistax nikteb ħlief ftit affarijiet, li naf fiż‑żgur li se jiġu fis‑seħħ; lanqas ma nista’ nikteb ħlief ftit mill‑kliem ta’ ħija Ġakobb.

2 Għalhekk, il‑ħwejjeġ li jiena ktibt huma biżżejjed għalija, ħlief għal ftit kliem li se ngħid dwar id‑duttrina ta’ Kristu; għalhekk, jiena se nkellimkom b’mod sempliċi, skont is‑sempliċità tal‑profezija tiegħi.

3 Għax ruħi ssib l‑għaxqa tagħha fis‑sempliċità; għax hu b’dan il‑mod li l‑Mulej Alla jaħdem fost ulied il‑bnedmin. Għax il‑Mulej Alla jagħti d‑dawl lill‑intellett; għax hu jkellem lill‑bnedmin skont il‑lingwa tagħhom, sabiex huma jifhmu.

4 Għalhekk, nixtieq li intom tiftakru li jiena kellimtkom dwar dak il‑profeta li wrieni l‑Mulej, illi għandu jgħammed lill‑Ħaruf ta’ Alla, li se jneħħi d‑dnubiet tad‑dinja.

5 U issa, jekk il‑Ħaruf ta’ Alla, li hu qaddis, kellu bżonn jitgħammed bl‑ilma, biex itemm is‑sewwa kollha, mela allura, kemm neħtieġu aktar aħna, li m’aħniex qaddisa, li nitgħammdu, sewwasew, permezz tal‑ilma!

6 U issa, irrid nistaqsikom, għeżież ħuti, b’liema mod il‑Ħaruf ta’ Alla temm is‑sewwa kollha billi tgħammed permezz tal‑ilma?

7 Ma tafux li hu kien qaddis? Iżda minkejja li kien qaddis, hu juri lill‑ulied il‑bnedmin li, skont il‑ġisem hu jiċċekken quddiem il‑Missier, u jixhed mal‑Missier li hu se jkun ubbidjenti lejh billi jħares il‑kmandamenti tiegħu.

8 Għalhekk, wara li hu tgħammed bl‑ilma l‑Ispirtu s‑Santu niżel fuqu f’għamla ta’ ħamiema.

9 U għal darb’oħra, dan juri lill‑ulied il‑bnedmin kemm hi stretta l‑mogħdija, u kemm hu dejjaq il‑bieb, li minnu għandhom jidħlu, hekk kif hu ta l‑eżempju quddiemhom.

10 U hu qal lil ulied il‑bnedmin: Imxu warajja. Għalhekk, għeżież ħuti, nistgħu aħna nimxu wara Ġesù sakemm m’aħniex lesti li nħarsu l‑kmandamenti tal‑Missier?

11 U l‑Missier qal: Indmu intom, indmu, u tgħammdu f’isem Ibni l‑Għażiż.

12 U l‑leħen tal‑Iben kellimni wkoll u qalli: Dak li jitgħammed f’ismi, lilu l‑Missier jagħti l‑Ispirtu s‑Santu, kif ta lili; għalhekk, imxu warajja, u agħmlu l‑ħwejjeġ li rajtuni nagħmel.

13 Għalhekk, għeżież ħuti, jiena naf li jekk intom timxu wara l‑Iben, b’impenn sħiħ f’qalbkom, bla ma twettqu ebda ipokresija u ebda qerq quddiem Alla, iżda b’intenzjoni ġenwina, tindmu minn dnubietkom, tixhdu mal‑Missier li intom lesti li tieħdu fuqkom isem Kristu, permezz tal‑magħmudija—iva, billi timxu wara l‑Mulej u s‑Salvatur tagħkom u tinżlu fl‑ilma, skont kelmtu, araw, mbagħad intom tirċievu l‑Ispirtu s‑Santu; iva, mbagħad tasal il‑magħmudija tan‑nar u tal‑Ispirtu s‑Santu; u mbagħad tkunu tistgħu titkellmu b’ilsien l‑anġli, u tfaħħru b’leħen għoli lill‑Qaddis ta’ Iżrael.

14 Iżda, araw, għeżież ħuti, il‑leħen tal‑Iben kellimni u qalli dan: Wara li intom indimtu minn dnubietkom, u tajtu xhieda lill‑Missier li lesti tħarsu l‑kmandamenti tiegħi, permezz tal‑magħmudija tal‑ilma, u rċevejtu l‑magħmudija tan‑nar u tal‑Ispirtu s‑Santu, u tistgħu titkellmu b’ilsien ġdid, iva, sewwasew b’ilsien l‑anġli, u jekk wara dan kollu intom tiċħduni, kien ikun aħjar għalikom li qatt ma kontu tafuni.

15 U smajt leħen mill‑Missier jgħidli: Iva, kliem il‑Maħbub tiegħi huwa veru u ta’ min joqgħod fuqu. Min jibqa’ jżomm sħiħ sal‑aħħar, huwa jsalva.

16 U issa, għeżież ħuti, jien naf permezz ta’ dan li jekk bniedem ma jibqax iżomm sħiħ sal‑aħħar, billi jimxi wara l‑eżempju ta’ Iben Alla l‑ħaj, huwa ma jistax isalva.

17 Għalhekk, agħmlu l‑ħwejjeġ li għidtilkom li rajt li se jagħmel il‑Mulej u l‑Feddej tagħkom; għax, għalhekk ġew murija lili, biex intom tkunu tafu l‑bieb li minnu għandkom tidħlu. Għax il‑bieb li minnu għandkom tidħlu hu l‑indiema u l‑magħmudija permezz tal‑ilma; u mbagħad tiġi l‑maħfra ta’ dnubietkom permezz tan‑nar u l‑Ispirtu s‑Santu.

18 U mbagħad tkunu f’din il‑mogħdija stretta u dejqa li twassal għall‑ħajja eterna; iva, intom dħaltu mill‑bieb; intom imxejtu skont il‑kmandamenti tal‑Missier u tal‑Iben; u intom irċevejtu l‑Ispirtu s‑Santu, li jagħti xhieda tal‑Missier u tal‑Iben, li jwassal għat‑twettieq tal‑wegħda li huwa għamel, li jekk intom tidħlu mill‑mogħdija intom tirċievu.

19 U issa, għeżież ħuti, wara li tkunu dħaltu fil‑mogħdija stretta u dejqa, nistaqsikom jekk twettaqx kollox? Araw, jiena ngħidilkom, Le; għaliex intom ma kontux se taslu s’hawn li kieku ma kienx permezz tal‑kelma ta’ Kristu b’fidi ferma fih, u b’fiduċja sħiħa fil‑merti ta’ dak li hu qawwi biex isalva.

20 Għalhekk, araw li tibqgħu mexjin ’il quddiem b’mod kostanti fi Kristu, u li jkollkom dija perfetta ta’ tama, u mħabba lejn Alla u lejn il‑bnedmin kollha. Għalhekk, jekk intom tibqgħu mexjin ’il quddiem, tmantnu lilkom infuskom permezz ta’ kliem Kristu, u tibqgħu żżommu sħiħ sal‑aħħar, araw, hekk jgħid il‑Missier: Intom ikollkom il‑ħajja eterna.

21 U issa, araw, għeżież ħuti, din hija t‑triq; u ma hemm l‑ebda triq oħra jew isem ieħor mogħtija taħt is‑smewwiet li permezz tagħhom il‑bniedem jista’ jsalva fis‑saltna ta’ Alla. U issa, araw, din hi d‑duttrina ta’ Kristu, u l‑uniku vera duttrina tal‑Missier, u tal‑Iben, u tal‑Ispirtu s‑Santu, li hu Alla wieħed, mingħajr tmiem. Ammen.