Skrittura
2 Nefi 31


Kapitlu 31

Nefi jgħid għalfejn Kristu tgħammed—Il‑bnedmin jeħtieġ li jimxu wara Kristu, jitgħammdu, jirċievu l‑Ispirtu s‑Santu, u jibqgħu sħaħ sal‑aħħar biex huma jsalvaw—L‑indiema u l‑magħmudija huma l‑bieb li jagħti għall‑mogħdija stretta u dejqa—Il‑ħajja ta’ dejjem jiksbuha dawk li jħarsu l‑kmandamenti wara l‑magħmudija. Madwar 559–545 Q.K.

1 U issa jiena, Nefi, se ntemm inħabbrilkom il‑profeziji tiegħi, għeżież ħuti. U kulma nista’ nikteb huwa biss ftit ħwejjeġ, li naf fiż‑żgur li se jiġu fis‑seħħ; u nista’ nikteb ukoll ftit biss mill‑kliem ta’ ħija Ġakobb.

2 Għalhekk, il‑ħwejjeġ li jiena ktibt huma biżżejjed għalija, ħlief għal ftit kliem li jeħtieġ li jien ngħid dwar id‑duttrina ta’ Kristu; għalhekk, jiena se nkellimkom b’mod sempliċi, skont is‑sempliċità tal‑profeziji tiegħi.

3 Għax ruħi ssib l‑għaxqa tagħha fis‑sempliċità; għax huwa b’dan il‑mod li l‑Mulej Alla jaħdem fost ulied il‑bnedmin. Għax il‑Mulej Alla jagħti d‑dawl lill‑intellett; għax huwa jkellem lill‑bnedmin skont ilsienhom, biex huma jifhmu.

4 Għalhekk, nixtieq li intom tiftakru li jiena kellimtkom dwar dak il‑profeta li wrieni l‑Mulej, li għandu jgħammed lill‑Ħaruf ta’ Alla, li se jneħħi d‑dnubiet tad‑dinja.

5 U issa, jekk il‑Ħaruf ta’ Alla, li hu qaddis, kellu bżonn jitgħammed bl‑ilma, biex itemm is‑sewwa kollha, mela allura, kemm neħtieġu aktar aħna, li m’aħniex qaddisa, li nitgħammdu, sewwasew, permezz tal‑ilma!

6 U issa, irrid nistaqsikom, għeżież ħuti, b’liema mod il‑Ħaruf ta’ Alla temm is‑sewwa kollha meta tgħammed permezz tal‑ilma?

7 Ma tafux li hu kien qaddis? Iżda minkejja li hu qaddis, huwa juri lill‑ulied il‑bnedmin li skont il‑ġisem hu jiċċekken quddiem il‑Missier, u jixhed mal‑Missier li huwa ħa jkun ubbidjenti lejh billi jħares il‑kmandamenti tiegħu.

8 Għalhekk, wara li huwa tgħammed bl‑ilma l‑Ispirtu s‑Santu niżel fuqu f’għamla ta’ ħamiema.

9 U għal darb’oħra, dan juri lill‑ulied il‑bnedmin kemm hi stretta l‑mogħdija, u kemm hu dejjaq il‑bieb, li minnu huma għandhom jidħlu, skont l‑eżempju li huwa tahom.

10 U huwa qal lil ulied il‑bnedmin: Imxu warajja. Għalhekk, għeżież ħuti, nistgħu aħna nimxu wara Ġesù jekk ma nkunux lesti li nħarsu l‑kmandamenti tal‑Missier?

11 U l‑Missier qal: Indmu intom, indmu, u tgħammdu f’isem Ibni l‑Għażiż.

12 U l‑leħen tal‑Iben kellimni wkoll u qalli: Dak li jitgħammed f’ismi, lilu l‑Missier jagħti l‑Ispirtu s‑Santu, kif huwa ta lili; għalhekk, imxu warajja, u agħmlu l‑ħwejjeġ li rajtuni nagħmel.

13 Għalhekk, għeżież ħuti, jiena naf li jekk intom timxu wara l‑Iben, b’rieda sħiħa f’qalbkom, bla ma turu wiċċ b’ieħor u mingħajr qerq quddiem Alla, imma, b’intenzjoni ġenwina, tindmu minn dnubietkom, u tixhdu mal‑Missier li intom lesti li tieħdu fuqkom isem Kristu, permezz tal‑magħmudija—iva, billi timxu wara l‑Mulej u s‑Salvatur tagħkom u tinżlu fl‑ilma, skont kelmtu, araw, mbagħad intom tirċievu l‑Ispirtu s‑Santu; iva, mbagħad tasal il‑magħmudija tan‑nar u tal‑Ispirtu s‑Santu; u mbagħad intom tkunu tistgħu titkellmu b’ilsien l‑anġli, u tfaħħru b’leħen għoli lill‑Qaddis ta’ Iżrael.

14 Iżda, araw, għeżież ħuti, il‑leħen tal‑Iben kellimni u qalli dan: Wara li intom tkunu ndimtu minn dnubietkom, u tajtu xhieda lill‑Missier li lesti tħarsu l‑kmandamenti tiegħi, permezz tal‑magħmudija tal‑ilma, u wara li tkunu rċevejtu l‑magħmudija tan‑nar u tal‑Ispirtu s‑Santu, u tistgħu titkellmu b’ilsien ġdid, iva, sewwasew b’ilsien l‑anġli, u wara dan kollu intom tiċħduni, kien ikun aħjar għalikom li qatt ma kontu tafuni.

15 U smajt leħen mill‑Missier jgħidli: Iva, kliem il‑Maħbub tiegħi huwa veru u ta’ min joqgħod fuqu. Min jibqa’ sħiħ sal‑aħħar, huwa jsalva.

16 U issa, għeżież ħuti, jiena naf permezz ta’ dan li jekk bniedem ma jibqax sħiħ sal‑aħħar, billi jimxi wara l‑eżempju ta’ Iben Alla l‑ħaj, huwa ma jistax isalva.

17 Għalhekk, agħmlu l‑ħwejjeġ li għidtilkom li rajt li se jagħmel il‑Mulej u l‑Feddej tagħkom; għax għalhekk ġew murija lili, biex intom tkunu tafu l‑bieb li minnu għandkom tidħlu. Għax il‑bieb li minnu għandkom tidħlu huwa l‑indiema u l‑magħmudija permezz tal‑ilma; u mbagħad tiġi l‑maħfra ta’ dnubietkom permezz tan‑nar u l‑Ispirtu s‑Santu.

18 U mbagħad intom tkunu qegħdin f’din il‑mogħdija stretta u dejqa li twassal għall‑ħajja ta’ dejjem; iva, intom dħaltu mill‑bieb; intom imxejtu skont il‑kmandamenti tal‑Missier u tal‑Iben; u intom irċevejtu l‑Ispirtu s‑Santu, li jagħti xhieda tal‑Missier u tal‑Iben, li jwassal sabiex tiġi fis‑seħħ il‑wegħda li huwa għamel, li jekk intom tidħlu mill‑mogħdija intom tirċievu.

19 U issa, għeżież ħuti, wara li tkunu dħaltu fil‑mogħdija stretta u dejqa, nistaqsikom jekk dan hux kollox? Araw, jiena ngħidilkom, Le; għaliex intom ma kontux taslu s’hawn li kieku ma kienx permezz tal‑kelma ta’ Kristu u b’fidi ferma fih, u b’fiduċja sħiħa fil‑merti ta’ dak li hu qawwi biex isalva.

20 Għalhekk, araw li tibqgħu mexjin ’il quddiem b’fermezza fi Kristu, u b’dija perfetta ta’ tama, u mħabba lejn Alla u lejn il‑bnedmin kollha. Għalhekk, jekk tibqgħu mexjin ’il quddiem, u tmantnu lilkom infuskom permezz tal‑kelma ta’ Kristu, u tibqgħu sħaħ sal‑aħħar, araw, hekk jgħid il‑Missier: Intom ikollkom il‑ħajja ta’ dejjem.

21 U issa, araw, għeżież ħuti, din hija t‑triq; u ma hemm l‑ebda triq oħra jew isem ieħor mogħtija mis‑smewwiet ’l isfel li permezz tagħhom il‑bniedem jista’ jsalva fis‑saltna ta’ Alla. U issa, araw, din hi d‑duttrina ta’ Kristu, u l‑uniku vera duttrina tal‑Missier, u tal‑Iben, u tal‑Ispirtu s‑Santu, li hu Alla wieħed, mingħajr tmiem. Ammen.