Skrittura
2 Nefi 26


Kapitlu 26

Kristu se jkun qaddej fost in‑Nefiti—Nefi jipprevedi l‑qerda tal‑poplu tiegħu—Huma se jitkellmu minn ġot‑trab—Il‑Ġentili se jibnu knejjes foloz u alleanzi sigrieti—Il‑Mulej jipprojbixxi l‑bnedmin milli jwettqu l‑frodi saċerdotali. Madwar 559–545 Q.K.

1 U wara li Kristu jkun qam mill‑imwiet huwa se juri lilu nnifsu lilkom, uliedi, u għeżież ħuti; u l‑kliem li huwa se jgħidilkom se jkun il‑liġi li intom għandkom twettqu.

2 Għax araw, ngħidilkom li jiena rajt illi se jgħaddu bosta ġenerazzjonijiet, u se jkun hemm gwerer enormi u bosta tilwim fost il‑poplu tiegħi.

3 U wara li jiġi l‑Messija se jingħataw sinjali lill‑poplu tiegħi li juru t‑twelid tiegħu, kif ukoll il‑mewt u l‑qawmien tiegħu; u kbir u tal‑biża’ se jkun dak il‑jum għall‑ħżiena, għax huma sejrin jinqerdu; u huma se jinqerdu minħabba li jwarrbu lill‑profeti, u lill‑qaddisin, u lilhom huma jħaġġru, u joqtlu; għalhekk l‑għajjat ta’ demm il‑qaddisin għad jitla’ ’l fuq mill‑art lejn Alla kontrihom.

4 Għalhekk, il‑jum li ġej sejjer jaħraq lil dawk kollha li huma mkabbrin, u li jagħmlu l‑ħażen, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, għax huma se jkunu bħat‑tiben.

5 U l‑qigħan tal‑art sejrin jibilgħu lil dawk li joqtlu lill‑profeti, u lill‑qaddisin, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti; u l‑muntanji sejrin jiksuhom, u l‑irwiefen sejrin itajruhom, u l‑bini fuqhom se jaqa’ u jfarrakhom biċċiet u jitħanhom fi trab.

6 U huma se jintlaqtu mir‑ragħad u l‑beraq, u mit‑terrimoti, u minn kull xorta ta’ qerda, għax jixgħel in‑nar tal‑qilla tal‑Mulej kontrihom, u huma se jkunu bħat‑tiben, u l‑jum li ġej sejjer jeqridhom, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti.

7 O l‑uġigħ, u n‑niket ta’ ruħi għat‑telfien tal‑maqtulin tal‑poplu tiegħi! Għax jiena, Nefi, rajt dan kollu, u kważi nħossni se ninfena quddiem il‑preżenza tal‑Mulej; imma jeħtieġ li nsejjaħ lil Alla tiegħi: Triqatek huma ġusti.

8 Iżda araw, il‑ġusti li jisimgħu kliem il‑profeti, u ma jeqirduhomx, imma b’fermezza jħarsu ’l quddiem lejn Kristu għas‑sinjali li jingħataw, minkejja l‑persekuzzjoni kollha—araw, dawn huma dawk li mhumiex se jinqerdu.

9 Iżda huma sejrin jaraw lil Bin is‑Sewwa; u huwa lilhom se jfejjaq, u huma se jkunu fis‑sliem miegħu, sakemm jgħaddu tliet ġenerazzjonijiet, u se jkunu bosta mir‑raba’ ġenerazzjoni li se jkunu ħallew din id‑dinja fis‑sewwa.

10 U meta dawn il‑ħwejjeġ jiġu fis‑seħħ, f’qasir żmien niesi se jintlaqtu minn qerda; għax minkejja l‑uġigħ ta’ ruħi, jiena rajt dan kollu; għalhekk, jien naf li dan se jiġi fis‑seħħ; u huma jbigħu lilhom infushom b’xejn; għax huma se jaħsdu l‑qerda bħala premju għall‑kburija u l‑bluha tagħhom; għax peress li huma jagħtu ruħhom f’idejn ix‑xitan u jagħżlu l‑għemejjel tad‑dlam minflok tad‑dawl, għalhekk huma se jkollhom jinżlu fl‑infern.

11 Għax l‑Ispirtu tal‑Mulej ma jibqax dejjem mal‑bniedem. U meta l‑Ispirtu ma jibqax aktar mal‑bniedem imbagħad f’qasir żmien tasal il‑qerda, u dil‑ħaġa tnikkitli ruħi.

12 U kif jiena tkellimt dwar il‑konvinzjoni tal‑Lhud, li Ġesù hu tassew Kristu, jeħtieġ li l‑Ġentili jkunu konvinti wkoll li Ġesù huwa Kristu, Alla l‑Etern;

13 U li huwa juri lilu nnifsu lil dawk kollha li jemmnu fih, bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu; sewwasew, lil kull ġens, tribù, ilsien u poplu, u huwa jwettaq mirakli mill‑aktar kbar, kif ukoll sinjali, u għeġubijiet, fost ulied il‑bnedmin skont il‑fidi tagħhom.

14 Iżda araw, jiena qed inħabbrilkom dwar l‑aħħar żminijiet; dwar iż‑żminijiet meta l‑Mulej Alla sejjer jiżvela dawn il‑ħwejjeġ lill‑ulied il‑bnedmin.

15 Wara li nisli u nisel ħuti, ftit, ftit, ikunu tilfu l‑fidi, u jkunu ġew ikkastigati mill‑Ġentili; sewwasew, wara li l‑Mulej Alla jkun dawwarhom minn kull naħa, u assedjahom b’muntanja, u bena fortizzi kontrihom; u wara li jkunu tniżżlu ’l isfel fit‑trab, sal‑punt li huma ma jibqgħux aktar, madankollu kliem il‑ġusti se jinkiteb, u se jinstama’ talb il‑fidili, u dawk kollha li spiċċaw tilfu l‑fidi mhumiex sejrin jintesew.

16 Għax dawk li se jinqerdu lilhom se jkellmu minn ġol‑art, u kliemhom se joħroġ minn ġot‑trab, u leħinhom se jkun bħal ta’ wieħed li jsejjaħ l‑ispirti; għax lilu l‑Mulej Alla se jagħtih il‑qawwa li jista’ jitkellem dwarhom b’leħen ipespes, bħallikieku ħiereġ minn ġol‑art; u kliemhom se jpespes minn ġot‑trab.

17 Għax dan jgħid il‑Mulej: Huma se jiktbu l‑ħwejjeġ li se jseħħu fosthom, u dawn se jinkitbu u jiġu ssiġillati fi ktieb, u dawk li spiċċaw biex tilfu l‑fidi mhumiex se jirtuhom, għax huma jaraw kif jagħmlu biex jeqirdu l‑ħwejjeġ ta’ Alla.

18 Għalhekk, hekk kif dawk li ġew meqruda f’qasir żmien inqerdu; u l‑kotra tan‑nies orribbli tagħhom se tkun bħal karfa li m’għadhiex aktar—sewwasew, dan jgħid il‑Mulej Alla: dan kollu se jseħħ f’ħakka t’għajn, għal għarrieda—

19 U għad jiġri li dawk li spiċċaw tilfu l‑fidi sejrin jiġu kkastigati permezz ta’ id il‑Ġentili.

20 U l‑Ġentili huma merfugħin fil‑kburija ta’ għajnejhom, u huma tfixklu, minħabba l‑kobor tal‑ostaklu tagħhom, hekk li huma bnew bosta knejjes; madankollu, huma wrew disprezz lejn il‑qawwa u l‑mirakli ta’ Alla, u bdew ixandru lilhom infushom għerfhom u tagħlimhom, biex ikunu jistgħu jiggwadanjaw u jitħnu wiċċ il‑fqir.

21 U nbnew bosta knejjes li jwasslu għall‑għira, u l‑ġlied, u l‑ħażen.

22 U hemm ukoll alleanzi sigrieti, sewwasew kif kien hemm fi żmien il‑qedem, skont l‑alleanzi tax‑xitan, għaliex huwa l‑fundatur ta’ dan kollu; iva, il‑fundatur tal‑qtil u l‑għemejjel tad‑dlam; iva, u huwa jmexxihom minn għonqhom b’ħabel tal‑għażel, sakemm bi ħbula b’saħħithom lilhom jorbot għal dejjem.

23 Għax araw, għeżież ħuti, jiena ngħidilkom li l‑Mulej Alla ma jaħdimx fid‑dlam.

24 Hu ma jagħmel xejn ħlief dak li huwa ta’ ġid għad‑dinja; għax huwa jħobb id‑dinja, hekk li huwa jagħti ħajtu biex ikun jista’ jressaq lill‑bnedmin kollha lejh. Għalhekk, huwa lil ħadd ma jordna biex ma jgawdix mis‑salvazzjoni tiegħu.

25 Araw, huwa jgħid lil xi ħadd, Itlaq minn quddiemi? Araw, jien ngħidilkom, Le; imma huwa jgħid: Ejjew għandi lkoll minn truf l‑art, ixtru ħalib u għasel, bla flus u bla ħlas.

26 Araw, huwa qatt ordna lil xi ħadd biex jitlaq ’il barra mis‑sinagogi, jew ’il barra mid‑djar ta’ qima? Araw, jiena ngħidilkom, Le.

27 Huwa qatt ordna lil xi ħadd biex ma jgawdix mis‑salvazzjoni tiegħu? Araw, jiena ngħidilkom, Le; imma hu offriha lill‑bnedmin kollha mingħajr ħlas; u hu ordna lill‑poplu tiegħu li huma għandhom jipperswadu lil kulħadd biex jindem.

28 Araw, il‑Mulej qatt ordna lil xi ħadd biex ma jgawdix mit‑tjubija tiegħu? Araw, jiena ngħidilkom, Le; imma l‑bnedmin kollha għandhom l‑istess privileġġ, wieħed bħall‑ieħor, u ħadd mhu pprojbit.

29 Hu jordna li m’għandu jkun hawn l‑ebda frodi saċerdotali; għax, araw, il‑frodi saċerdotali hija meta n‑nies ixandru u jippreżentaw irwieħhom bħala dawl għad‑dinja, biex jakkwistaw u jiksbu t‑tifħir tad‑dinja; imma ma jfittxux il‑ġid ta’ Sijon.

30 Araw, il‑Mulej ma jridx li dan iseħħ; għalhekk, il‑Mulej Alla ta kmandament li l‑bnedmin kollha għandu jkollhom il‑karità, liema karità hija l‑imħabba. U jekk ma jkollhomx il‑karità ma jkunu jiswew għal xejn. Għalhekk, jekk huma jkollhom il‑karità huma ma jħallux lill‑ħaddiem f’Sijon jinqered.

31 Iżda l‑ħaddiem f’Sijon għandu jaħdem għal Sijon; għax jekk jaħdem għall‑flus huwa jinqered.

32 U għal darb’oħra, il‑Mulej Alla ordna lill‑bnedmin li m’għandhomx joqtlu; li m’għandhomx jgħidu kelma b’oħra; li m’għandhomx jisirqu; li m’għandhomx isemmu isem il‑Mulej Alla tagħhom fil‑batal; li m’għandhomx jgħiru; li m’għandu jkollhom l‑ebda malizzja; li m’għandhomx jitlewmu bejniethom; li m’għandhomx jaqgħu fiż‑żinà; u li m’għandhom jagħmlu xejn minn dawn il‑ħwejjeġ; għax min jagħmilhom jinqered.

33 Għax m’hemm xejn minn dan il‑ħażen li ġej mill‑Mulej; għax huwa jagħmel dak li hu tajjeb fost ulied il‑bnedmin; u hu ma jagħmel xejn li ma jidhirx ċar għal ulied il‑bnedmin; u lilhom ilkoll huwa jistieden biex imorru għandu u jgawdu mit‑tjubija tiegħu; u hu ma jirrifjuta lil ħadd li jiġi għandu, iswed jew abjad, ilsir jew ħieles, raġel jew mara; u huwa jiftakar fil‑pagani; u kulħadd l‑istess għal Alla, kemm il‑Lhud kif ukoll il‑Ġentili.