Skrittura
2 Nefi 19


Kapitlu 19

Isaija jitkellem f’sens messjaniku—In‑nies fid‑dalma se jaraw dawl kbir—Tweldilna tifel—Hu se jkun il‑Prinċep tas‑Sliem u se jsaltan fuq it‑tron ta’ David—Qabbel Isaija 9. Madwar 559–545 Q.K.

1 Madankollu, dellijiet aktar ma jkunx hemm, fejn qabel kien hemm it‑tbatija, bħalma qabel kien ħarbat kemxejn l‑art ta’ Żebulun, u l‑art ta’ Naftali, u wara ħarbat aktar severament tul it‑triq tal‑Baħar tal‑Qasab, ’l hemm mill‑Ġordan fil‑Galilija tal‑ġnus.

2 Il‑poplu li kien miexi fid‑dlam ra dawl kbir; dawk li joqogħdu f’art dell il‑mewt, dawl idda fuqhom.

3 Int kattart il‑ġens, u kabbart l‑hena—huma jithennew quddiemek, bħalma jithennew fi żmien il‑ħsad, u bħalma l‑bnedmin jifirħu fi qsim il‑priża.

4 Għax int kissirt il‑madmad li kien itaqqlu, u l‑ħatar ta’ fuq spallejh, u l‑bastun tal‑oppressur tiegħu.

5 Għax kull battalja tal‑ġellied hija waħda ta’ storbju u konfużjoni, u ta’ lbies irrumblat fid‑demm; u se tkun ikkaratterizzata mill‑ħruq, u ikel in‑nar.

6 Għax tweldilna tifel, ngħatalna iben; u s‑setgħa se tkun fuq spallejh; u jsemmuh, Kunsillier tal‑Għaġeb, Alla Setgħan, Missier għal Dejjem, Prinċep tas‑Sliem.

7 Għat‑tkabbir bla qjies tas‑setgħa u tas‑sliem, fuq it‑tron ta’ David, u fuq is‑saltna tiegħu biex jorganizzaha, u biex isaħħaħha bil‑ħaqq u s‑sewwa, minn issa u għal dejjem. Il‑ħeġġa tal‑Mulej tal‑Eżerċti tagħmel dan.

8 Bagħat il‑Mulej kelmtu għand Ġakobb, u waqgħet fuq Iżrael.

9 U l‑poplu kollu jkun jaf, anke Efrajm u dawk li jgħammru f’Samarija, dawk li jgħidu mkabbra u suppervi f’qalbhom:

10 Waqa’ x‑xaqquf, iżda nibnu bil‑ġebel minġur; tqaċċat il‑ġummajż, iżda minfloku nxettlu ċ‑ċedru.

11 Għalhekk il‑Mulej se jqajjem kontrieh l‑avversarji ta’ Resin, u jiġbor flimkien l‑għedewwa tiegħu;

12 Lil Aram fuq quddiem, u l‑Filistin fuq wara; u jibilgħu lil Iżrael b’ħalq daqsiex. B’danakollu l‑korla tiegħu ma reġgħetx lura, iżda idu għadha merfugħa.

13 Għax il‑poplu ma darx lejn min darbu, u l‑Mulej tal‑Eżerċti ma fittxewhx.

14 Għalhekk il‑Mulej se jaqta’ minn Iżrael ir‑ras u d‑denb, il‑fergħa u s‑simar f’jum wieħed.

15 L‑anzjan, huwa r‑ras; u l‑profeta li jgħallem il‑gideb, huwa d‑denb.

16 Għax il‑mexxejja ta’ dan il‑poplu jwassluh biex jiżbalja; u dawk immexxija minnhom jinqerdu.

17 Għalhekk il‑Mulej ma jieħux gost biż‑żgħażagħ tagħhom, u lanqas ma jitħassar l‑iltiema u r‑romol tagħhom; għax ilkoll ipokriti u ħżiena, u kull fomm jitkellem il‑bluha. B’danakollu l‑korla tiegħu ma reġgħetx lura, iżda idu għadha merfugħa.

18 Għax il‑ħażen jinħaraq bħan‑nar; jibla’ l‑ħurrieq u x‑xewk, u jqabbad il‑ħatab tal‑masġar, u jinbarmu ’l fuq qishom kolonna duħħan.

19 Bl‑għadab tal‑Mulej tal‑Eżerċti mdallma l‑art, u l‑poplu se jkun bħal ikel in‑nar; ħadd ma jeħlisha lil ħuh.

20 U hu jaħtaf min‑naħa tal‑lemin u jibqa’ bil‑ġuħ; u jiekol min‑naħa tax‑xellug u ma jixbax; kull wieħed minnhom jiekol laħam driegħu—

21 Manassi, Efrajm; u Efrajm, Manassi; it‑tnejn flimkien kontra Ġuda. B’danakollu l‑korla tiegħu ma reġgħetx lura, iżda idu għadha merfugħa.