Meħtieġa Nies li Jġibu l-Paċi
Intom għandkom il-volontà biex tagħżlu bejn it-tilwim jew ir-rikonċiljazzjoni. Nitlobkom biex tagħżlu li tkunu nies li ġġibu l-paċi, issa u dejjem.
Għeżież ħuti, inħossni verament ferħan li ninsab magħkom. F’dawn l-aħħar sitt xhur, intom kontu kontinwament f’moħħi u f’talbi. Nitlob li l-Ispirtu s-Santu jikkomunika dak li l-Mulej iridkom tisimgħu hekk kif issa nkellimkom.
Waqt l-apprendistat tiegħi fil-kirurġika bosta snin ilu, jien kont qed nassisti wieħed kirurgu li kien qiegħed jaqta’ sieq mimija kankrena li kienet infettata waħda sew. L-operazzjoni kienet waħda diffiċli. Imbagħad, biex it-tensjoni tkompli tikber, membru tat-tìm għamel xi ħaġa mhux kif kellu jagħmilha, u l-kirurgu qabżitlu waħda sew. F’nofs it-tantrum tiegħu, huwa xeħet l-iskalpell tiegħu mimli mikrobi. Dan spiċċa fuq driegħi !
Kull min kien fit-teatru—ħlief il-kirurgu li kien mitluf f’dagħdigħa sħiħa—twerwer b’dan il-ksur perikoluż tal-professjoni kirurġika. Jiena verament grat li ma kontx infettajt ruħi. Iżda din l-esperjenza ħalliet impressjoni kbira fuqi. F’dik is-siegħa stess, għamilt wegħda miegħi nnifsi li jiġri x’jiġri fit-teatru tiegħi, jien qatt ma nitlef il-kontroll tiegħi nnifsi. Dakinhar ħlift li qatt ma nwaddab xejn f’mument ta’ rabja—la skalpell u lanqas kliem.
Anke illum, għexieren ta’ snin wara, ġieli nsaqsi lili nnfisi jekk l-iskalpell ikkontaminat li spiċċa fi driegħi kienx aktar tossiku mit-tilwim velenuż li llum jinfetta d-djalogu ċiviku u lil daqstant relazzjonijiet personali. Iċ-ċivilità u d-diċenza jidhru li għebu f’dan iż-żmien ta’ polarizzazajoni u diżgwid passjonat.
Hawn wisq vulgarità, u nies li joqogħdu jfittxu d-difetti ta’ xulxin u jgħidu fuq ħaddieħor. Hawn wisq esperti, politikanti, entertainers, u influencers oħra li l-ħin kollu jinsultaw lin-nies. Jien verament imħasseb li hawn daqstant nies li qishom jemmnu li hi ħaġa kompletament aċċettabbli li tikkundanna, titkellem ħażin, u tivilifika lil kull min ma jaqbilx magħhom. Ħafna qishom ikunu ħerqana li jħassru r-reputazzjoni ta’ dak li jkun b’diskors patetiku u li jweġġa’.
Ir-rabja qatt ma twassal għall-persważjoni. L-ostilità ma ttejjeb lil ħadd. It-tilwim qatt ma jwassal għal soluzzjonijiet ispirati. Sfortunatament, xi kultant aħna naraw ċerta mġiba kontenzjuża anke fost il-membri tagħna. Nisimgħu b’dawk li jikkritikaw lill-konjuġi u lit-tfal tagħhom, li dawk li jużaw ir-rabja biex jikkontrollaw lil ħaddieħor, u dawk li jikkastigaw lill-membri tal-familja permezz tat-“trattament silenzjuż.” Nisimgħu dwar żgħażagħ u tfal li jibbuljaw u dwar impjegati li jimmalafamaw lill-kollegi tagħhom.
Għeżież ħuti, dan m’għandux ikun. Bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, aħna għandna nkunu ta’ eżempju ta’ kif wieħed jinteraġixxi ma’ ħaddieħor—speċjalment meta jkollna opinjoni differenti. Wieħed mill-aktar modi faċli kif tidentifika dixxiplu veru ta’ Ġesù Kristu hu minn kemm huwa jittratta b’kompassjoni lil ħaddieħor.
Is-Salvatur din għamilha ċara fid-diskors li huwa għamel lid-dixxipli tiegħu fuq iż-żewġ naħat tad-dinja. “Henjin dawk li jġibu l-paċi,” Huwa qal.1 “Jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll.”2 U mbagħad, bla dubju, Huwa widdeb lil kull wieħed u waħda minna: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom.”3
Qabel il-mewt tiegħu, is-Salvatur ordna lit-Tnax-il Appostlu tiegħu biex iħobbu lil xulxin kif ħabbhom Hu.4 U mbagħad Huwa kompla, “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”5
Il-messaġġ tas-Salvatur kien wieħed ċar: id-dixxipli vera tiegħu jibnu, jelevaw, iħeġġu, jipperswadu, u jispiraw—tkun kemm tkun diffiċli s-sitwazzjoni. Il-vera dixxipli ta’ Ġesù Kristu huma nies li jġibu l-paċi.6
Illum Ħadd il-Palm. Aħna qed inħejju biex nikkommemoraw l-aktar ġrajja importanti u traxxendenti li qatt seħħet fid-dinja, li hija l-Espjazzjoni u l-Qawmien tal-Mulej Ġesù Kristu. Wieħed mill-aqwa modi kif nistgħu nonoraw lis-Salvatur hu billi nkunu nies li nġibu l-paċi.7
L-Espjazzjoni tas-Salvatur għamlitha possibbli għalina li negħlbu kull ħażen—inkluż it-tilwim. Ħa nagħmilha ċara: it-tilwim ġej mill-ħażen! Ġesù Kristu ddikjara li dawk għandhom fihom “l-ispirtu tat-tilwim” mhux ġejjin minnu, iżda “mix-xitan, li huwa missier it-tilwim, u huwa jqanqal qlub il-bnedmin sabiex jitlewmu bir-rabja, wieħed mal-ieħor.”8 Dawk li jirrikorru għat-tilwim ikunu qed jimxu mal-manwal ta’ Satana, kemm jekk jirrealizzaw dan u anke jekk le. “Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien.”9 Aħna ma nistgħux nissapportjaw lil Satana permezz tal-attakki verbali tagħna u mbagħad naħsbu li xorta waħda nistgħu nservu lil Alla.
Għeżież ħuti, kif nittrattaw lil xulxin huwa importanti ħafna! Kif inkellmu lil ħaddieħor u kif nitkellmu dwar ħaddieħor fid-dar, fil-knisja, fuq ix-xogħol, u onlajn, huma importanti ħafna. Illum, qed nitlob li aħna ninteraġixxu ma’ ħaddieħor b’mod ogħla u eqdes. Jekk jogħġobkom isimgħuni bir-reqqa. “Jekk hemm xi ħaġa virtuża, sabiħa, li jisħoqqilha l-ġieħ jew li ħaqqha t-tifħir”10 li nistgħu ngħidu dwar persuna oħra—kemm jekk f’wiċċha jew wara daharha—dan għandu jkun l-istandard tal-komunikazzjoni tagħna .
Jekk xi koppja fil-qasam tagħkom jiddivorzjaw, jew xi missjunarju żagħżugħ jasal id-dar qabel iż-żmien, jew xi ħadd adoloxxenti jiddubita t-testimonjanza tiegħu, dawn m’għandhomx bżonn il-ġudizzju tiegħek. Huma għandhom bżonn li jesperjenzaw l-imħabba safja ta’ Ġesù Kristu tirrifletti fi kliemkom u f’għemilkom.
Jekk xi ħabib fuq il-midja soċjali għandu fehma politika jew soċjali soda li tmur kontra kull ħaġa li inti temmen, żgur m’intix se tgħin billi taġixxi miegħu bir-rabja u b’mod li jweġġa’. Li nibnu l-pontijiet biex inkunu nistgħu nifthiemu bejnietna jirrikjedi ferm aktar minnek, iżda dan hu sewwasew dak li jeħtieġ il-ħabib tiegħek.
It-tilwim ibiegħed l-Ispirtu—kull darba. It-tilwim jsaħħaħ l-idea falza li l-konfrontazzjoni hija l-mod kif nirrisolvu d-differenzi; iżda qatt m’hu l-każ. It-tilwim huwa għażla. Li wieħed iġib il-paċi hija għażla. Intom għandkom il-volontà biex tagħżlu bejn it-tilwim jew ir-rikonċiljazzjoni. Nitlobkom biex tagħżlu li tkunu nies li ġġibu l-paċi, issa u dejjem.11
Ħuti, aħna nistgħu letteralment nibdlu d-dinja—persuna waħda u interazzjoni waħa wara l-oħra. Kif? Billi nuru kif nimmaniġjaw id-differenzi onesti ta’ opinjoni permezz ta’ rispett reċiproku u djalogu dinjituż.
Id-differenzi fl-opinjoni huma parti mill-ħajja. Jiena naħdem kull jum ma’ qaddejja dedikati tal-Mulej li mhux dejjem jaraw l-affarijiet bl-istess mod. Huma jafu li jien irrid nisma’ l-ideat u l-ħsibijiet onesti tagħhom dwar kull ħaġa li aħna niddiskutu—speċjalment fejn jidħlu ħwejjeġ sensittivi.
Iż-żewġ kunsilliera nobbli tiegħi, il-President Dallin H. Oaks u l-President Henry B.Eyring, huma eżemplari bil-mod kif huma jesprimu s-sentimenti tagħhom—speċjalment meta ma jaqblux. Huma jagħmlu dan b’imħabba safja lejn xulxin. Ħadd minnhom ma jissuġġerixxi li jaf l-aktar u għalhekk irid b’mod rigoruż jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu. Ħadd minnhom ma jħoss il-ħtieġa li jikkompeti mal-ieħor. Għax kull wieħed minnhom hu mimli bil-karità, “l-imħabba safja ta’ Kristu,”12 id-deliberazzjoni tagħna tista’ tiġi ggwidata mill-Ispirtu tal-Mulej. Kemm inħobb u nonora lil dawn iż-żewġt irġiel meraviljużi!
Il-karità hija l-antidot għat-tilwim. Il-karità hija d-don spiritwali li jgħinna ninżgħu minn fuqna l-bniedem naturali, li huwa egoist, difensiv, imkabbar, u għajjur. Il-karità hija l-karatteristika prinċipali tal-veru dixxiplu ta’ Ġesù Kristu.13 Il-karità tiddefinixxi lil dak li jġib il-paċi.
Meta aħna niċċekknu quddiem Alla u nitolbu bl-enerġija kollha ta’ qalbna, Alla jimliena bil-karità.14
Dawk li huma mberkin b’dan id-don divin huma nies kollhom sabar u tjubija. Huma ma jgħirux għal ħaddieħor u ma joqogħdux jiftaħru kemm huma importanti. Mhux faċli tipprovokahom u ma jaħsbux ħażin fuq ħaddieħor.15
Ħuti, l-imħabba safja ta’ Kristu hija t-tweġiba għat-tilwim li naraw kuljum. Il-karità twassalna “biex inġorru t-tagħbija ta’ xulxin”16 minflok ma nitfgħu aktar piż fuq xulxin. L-imħabba safja ta’ Kristu twassalna biex “nieqfu bħala xhieda ta’ Alla f’kull ħin u f’kollox”17—speċjalment f’sitwazzjonijiet mimlija tensjoni. Il-karità tagħtina ċ-ċans li nuru kif l-irġiel u n-nisa ta’ Kristu jitkellmu u jaġixxu—speċjalment meta jkunu taħt pressjoni.
Issa, jien mhux qed nitkellem dwar “paċi akkost ta’ kollox.”18 Qed nitkellem dwar li nittrattaw lil ħaddieħor b’modi li huma konsistenti mal-ħarsien tal-patt li intom tagħmlu meta tieħdu sehem fis-sagrament. Intom tagħmlu patt li dejjem sejrin tiftakru fis-Salvatur. F’sitwazzjonijiet fejn it-tensjoni hija kbira u kkaratterizzati mit-tilwim, nistedinkom biex tiftakru f’Ġesù Kristu. Itolbu li jkollkom il-kuraġġ u l-għerf li tgħidu u tagħmlu dak li jgħid u jagħmel Hu. Hekk kif nimxu wara l-Prinċep tal-Paċi, aħna nsiru n-nies li jġibu l-paċi tiegħu.
Bħalissa tafu qed taħsbu li dan il-messaġġ jista’ verament jgħin lil xi ħadd li tafu. Jista’ jkun li qed tittamaw li jgħinuh biex jibda jittrattak b’aktar ħlewwa. Nittama li hekk ikun! Iżda nittama wkoll li tħarsu aktar fil-fond ta’ qalbkom biex taraw jekk issibux xi frak ta’ kburija jew għira li qed iżommkom milli ssiru nies li jġibu l-paċi.19
Jekk intom tridu verament tgħinu fil-ġabra ta’ Iżrael u tibnu relazzjonijiet li jibqgħu tul l-eternitajiet, issa huwa ż-żmien li tpoġġu fil-ġenb kull imrar. Issa huwa ż-żmien li fih tieqfu tinsistu li jew li tridu intom jew xejn. Issa huwa ż-żmien li tieqfu tagħmlu affarijiet li jwasslu biex ħaddieħor jimtela bil-biża’ li jaf jagħmel xi ħaġa u joffendikom. Issa huwa ż-żmien li tidfnu l-armi tagħkom tal-gwerra.20 Jekk kliemkom mimli insulti u akkużi, issa huwa ż-żmien li tieqfu minn dan.21 Intom ssiru rġiel u nisa ta’ Kristu b’saħħitkom spiritwalment.
It-tempju jista’ jgħinna f’dan. Hemmhekk aħna niġu ddotati bil-qawwa ta’ Alla, li tagħtina l-abbiltà li negħlbu lil Satana, l-instigatur ta’ kull tilwim.22 Keċċuh ’il barra mir-relazzjonijiet tagħkom! Innutaw li aħna nċanfru wkoll lill-avversarju kull darba li nirrimedjaw xi nuqqas ta’ ftehim jew nirrifjutaw li noffendu ruħna. Minflok, nistgħu nuru l-ħniena ħelwa li hija l-karatteristika tal-veri dixxipli ta’ Ġesù Kristu. In-nies li jġibu l-paċi jxekklu lill-avversarju.
Ejjew bħala nies insiru dawl ta’ veru fuq l-għolja—dawl li “ma jistax jinħeba.”23 Ejjew nuru li hemm mod trankwill u rispettuż kif nirrisolvu l-kwistjonijiet kumplessi u mod imdawwal kif nirrimedjaw in-nuqqas ta’ qbil. Hekk kif intom turu l-karità li l-veri dixxipli ta’ Ġesù Kristu juru, il-Mulej ikabbar l-isforzi tagħkom ferm aktar milli tistgħu timmaġinaw.
Is-sodisfazzjoni tal-evanġelju huwa l-akbar sodisfazzjoni fid-dinja. Alla stieden lil kulħadd biex imur għandu, “iswed u abjad, skjav u ħieles, raġel u mara.”24 Hemm spazju għal kulħadd. Madankollu, m’hemm l-ebda spazju għall-preġudizzju, għall-kundanna, jew għal xi tip ta’ tilwim.
Għeżież ħuti, il-kbir għadu ġej għal dawk li jgħaddu ħajjithom jibnu lill-oħrajn. Illum nistedinkom biex teżaminaw id-dixxipulat tagħkom fil-kuntest tal-mod kif tittrattaw lil ħaddieħor. Jien inberikkom biex intom tagħmlu t-tibdil meħtieġ ħalli l-imġiba tagħkom tkun waħda nobbli, rispettuża, u xierqa għal dixxiplu veru ta’ Ġesù Kristu.
Inberikkom biex minflok l-aggressività turu s-sabar, minfok l-animosità turu l-fehma, u minflok it-tilwim turu l-paċi.
Alla jgħix! Ġesù hu l-Kristu. Huwa jinsab wieqaf f’ras din il-Knisja. Aħna l-qaddejja Tiegħu. Huwa jgħinna nsiru n-nies tiegħu li nġibu l-paċi. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen.