2010-2019
Qalbenin fit-Testimonjanza ta’ Ġesù
Ottubru 2016


Qalbenin fit-Testimonjanza ta’ Ġesù

Ma naffordjawx li nħawdu u nikkumplikaw it-testimonjanza tagħna tal-Missier u tal-Iben minħabba l-ostakli li aħna niffaċċjaw.

Il-ħajja eterna hija l-akbar rigal li tana Alla u tingħata lil dawk li “jżommu l-kmandamenti ta’ Alla u jibqgħu sodi sat-tmiem.”1 Mill-banda l-oħra, il-ħajja eterna ma’ Missierna tas-Smewwiet tiġi miċħuda lil dawk “li mhumiex qalbenin fit-testimonjanza tagħhom ta’ Ġesù.”2 F’ ħajjitna se niffaċċjaw diversi ostakli li jistgħu jżommuna milli nilħqu l-għan tagħna tal-ħajja eterna.3 Dawn l-ostakli jafu jkunu mill-aktar kumplessi; ippermettuli nispjega ruħi.

Bosta snin ilu missieri bena kamra tal-injam żgħira fuq ir-ranċ fejn huwa kien trabba. Il-pajsaġġ tal-kampanja kien wieħed eċċezzjonali. Meta l-ħitan ta’ madwar il-kamra kienu tpoġġew, jiena mort inżur il-post. Kont sorpriż ħafna li t-tieqa li minnha stajt tara l-veduta kienet tiffoka direttament fuq arblu tad-dawl li kien jinsab biss ftit ‘il bogħod mid-dar. Għalija, dak kien ta’ distrazzjoni kbira għall-veduta mill-isbaħ.

Immaġni
Arblu tad-dawl f’ nofs veduta mit-tieqa

Jiena staqsejt, “Pa, għalfejn ħallejthom ipoġġu l-arblu eżatt quddiem il-veduta li tista’ tara mit-tieqa?”

Missieri, raġel mill-aktar prattiku u kalm, iddikjara b’ ċerta emozzjoni, “Quentin, għalija dak l-arblu tad-dawl huwa l-aktar ħaġa sabiħa fir-ranċ kollu!” Imbagħad spjega lilu nnifsu: “Meta jiena nħares lejn dak l-arblu, nirrealizza li, b’differenza għaż-żmien li fih trabbejt jien, illum m’għandix għalfejn noqgħod inġorr l-ilma fil-ġarra mill-għajn tal-ilma sad-dar biex inkunu nistgħu nsajru, naħslu jdejna jew ninħaslu. M’hemmx għalfejn noqgħod nixgħel ix-xemgħa jew m’hemmx għalfejn li bil-lejl inpoġġi ż-żejt fil-lampa biex inkun nista’ noqgħod naqra. Irrid li mit-tieqa nkun nista’ nara dak l-arblu tad-dawl eżatt f’ nofs il-veduta.”

Missieri kellu perspettiva differenti dwar l-arblu tad-dawl milli kelli jiena. Għalih dak l-arblu kien jirrappreżenta progress fil-ħajja ta’ kuljum, iżda għalija kien qed jostakola pajsaġġ mill-isbaħ. Missieri kien japprezza l-enerġija elettrika, id-dawl u l-indafa aktar minn xi veduta. Jien immedjatament irrealizzajt li filwaqt li l-arblu kien għalija ta’ ostaklu, kellu tifsira mill-aktar prattika u simbolika għal missieri.

Ostaklu huwa “impediment għat-twemmin jew għall-għarfien” jew “għall-progress.”4 Ostaklu spiritwali hu meta “naqgħu fid-dnub jew ninħakmu mill-ebusija tar-ras.”5 Ostaklu jista’ jkun kull ħaġa li żżommna milli niksbu l-għanijiet tajba tagħna.

Ma naffordjawx li nħawdu u nikkumplikaw it-testimonjanza tagħna tal-Missier u tal-Iben minħabba l-ostakli li aħna niffaċċjaw. Ma nistgħux naqgħu f’ dik in-nasba. It-testimonjanza li aħna għandna Tagħhom teħtieġ li tibqa’ safja u sempliċi bħad-difiża sempliċi ta’ missieri tal-arblu tad-dawl li kien jinsab fuq ir-ranċ fejn huwa trabba.

X’inhuma wħud mill-ostakli li jistgħu jħawdu u jikkumplikaw it-testimonjanza safja u sempliċi tagħna tal-Missier u l-Iben u jżommuna milli nkunu qalbenin f’ dik it-testimonjanza?

Uħud Minn Dawn l-Ostakli Huwa l-Filosofiji tal-Bniedem

Aħna għandna nkunu dejjem lesti li nitgħallmu tagħlim divers u nemmnu li “l-glorja ta’ Alla hija l-intelliġenza.”6 Iżda aħna nafu wkoll li l-istrateġija ppreferita tal-avversarju hi li jbiegħed lin-nies minn Alla u jwassalhom biex jaqgħu billi jenfasizzaw il-filosofiji tal-bnedmin aktar mit-tagħlim tas-Salvatur.

L-Appostlu Pawlu kien xhud qalbieni ta’ Ġesù Kristu minħabba esperjenza mirakoluża li bidlitlu ħajtu li huwa kellu mas-Salvatur.7 Il-ħajja unika li kien ġej minnha Pawlu ħejjietu biex huwa jikun jista’ jifhem nies minn kulturi differenti. Huwa kien iħobb is-“sempliċità diretta u onesta” tat-Tessalonikin u s-“simpatija ħelwa” tal-Filippin.8 Għall-ewwel huwa sabha aktar diffiċli jirrelata ma’ dawk il-Griegi li kienu intellettwali u sofistikati. F’ Ateni, fuq l-Arjopagu, huwa pprova juża metodu aktar filosofiku u spiċċaw biex ma tawx kasu. Lill-Korintin, huwa kien determinat li jgħallimhom sempliċiment “id-duttrina ta’ Kristu msallab.”9 Biex nuża l-istess kliem tal-Appostlu Pawlu:

“Il-kelma u l-predikazzjoni tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi tal-għerf tal-bniedem, imma bil-wiri tal-Ispirtu u l-qawwa:

“Sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa ta’ Alla.”10

Uħud mill-isbaħ rakkonti li nsibu fl-iskrittura dwar is-Salvatur u l-missjoni Tiegħu naqrawhom fl- 1 Korintin. Kapitlu minnhom—15—sar magħruf sewwa madwar id-dinja permezz tal-preżentazzjonijiet tax-xogħol ta’ George Frideric Handel Messiah.11 Fih duttrina mill-aktar profonda dwar is-Salvatur. Fit-tielet parti ta’ Messiah, immedjatament wara l- “Kor tal-Hallelujah,” il-parti l-kbira mill-iskrittura wżata hija mill- 1 Korintin 15. F’ uħud minn dawn il-versi, Pawlu ddeskriva b’ mod mill-isbaħ xi ftit mill-ħwejjeġ li wettaq is-Salvatur:

“Għax Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, … l-ewwel frott fost dawk li raqdu.

“… Jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet.

“Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. …

“Ja Mewt, fejn hi r-rebħa tiegħek? Ja qabar, fejn hi l-qawwa tiegħek? …

“Iżda niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.”12

Aħna nafu li waħda mir-raġunijiet għalfejn seħħet l-Apostasija kienet peress li l-filosofiji tal-bnedmin bdew jiġu kkunsidrati li huma aktar importanti mid-duttrina bażika u essenzjali ta’ Kristu. Minflok ma ġiet mgħallma s-sempliċità tal-messaġġ tas-Salvatur, bosta veritajiet sempliċi u prezzjużi ġew mibdulin jew inkella ntilfu għal kollox. Fil-fatt, il-Kristjanità adottat xi wħud mit-tradizzjonijiet filosofiċi Griegi biex b’hekk tinkorpora t-twemmin tan-nies mal-kultura eżistenti li huma kellhom. L-istoriku Will Durant kiteb: “Il-Kristjanità ma qerditx il-paganiżmu; iżda adottatu. Il-moħħ Griegi, li kien qed imut, spiċċa ħa l-ħajja mill-ġdid.”13 Storikament, u anke fi żmienna, xi nies jiċħdu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu għaliex, fl-oppinjoni tagħhom, mhuwiex intelletwalment sofistikat biżżejjed.

Fi sbieħ ir-Restawrazzjoni, kienu ħafna li għallinqas iddikjaraw li lesti jimxu wara t-tagħlim tas-Salvatur. Bosta pajjiżi bdew jikkunsidraw lilhom infushom bħala ġnus Kristjani. Iżda anke f’ dak iż-żmien ġie mbassar li żmienna kien se jkun żmien diffiċli.

Heber C. Kimball kien wieħed mit-Tnax-il Appostlu oriġinali ta’ din id-dispensazzjoni u kien ukoll l-Ewwel Kunsillier tal-President Brigham Young. Huwa widdeb: “Ġej żmien meta … ikun diffiċli niddistingwu bejn min hu Qaddis u min hu għadu tal-poplu ta’ Alla. Mela … għarblu sew, u meta n-nies jgħaddu mill-għarbiel, se jkunu ħafna li jfallu.” Huwa kkonkluda li se “ngħaddu minn TEST.”14

Fi żmienna, l-influwenza tal-Kristjanità f’ bosta pajjiżi, fosthom l-Istati Uniti, qed tonqos b’ rata mill-aktar sinifikanti. Mingħajr ebda twemmin reliġjuż, il-bniedem ma jħossux li hu responsabbli lejn Alla. Minħabba f’ hekk, diffiċli tistabbilixxi l-valuri universali dwar kif wieħed għandu jgħix ħajtu. Il-filosofiji li wieħed jista’ jkollu għal qalbu ħafna drabi jispiċċaw jikkuntradixxu lil xulxin.

Sfortunatament, dan jiġri wkoll fost xi membri tal-Knisja li jitbiegħdu minn dak li jafu li hu tajjeb u jħallu lilhom infushom jiġu infuwenzati mill-kawża tal-mument—li ħafna drabi ma tkunx xi waħda ġusta.

Konsistenti mal-profezija ta’ Heber C. Kimball, hemm dak li qal il-Presbiteru Neal A. Maxwell fl-1982: “Ħafna se jkollhom jgħaddu mill-għarbiel minħabba ċerti mumenti ta’ mġieba ħażina li jkunu baqgħu ma nidmux minnha. Xi wħud jaqtgħu qalbhom minflok ma’ jibqgħu sodi sat-tmiem. Xi wħud jiġu mqarrqin minn nies li telqu minn ħdan il-Knisja. Bl-istess mod, oħrajn jispiċċaw joffendu ruħhom, għaliex hawn biżżejjed ostakli suffiċjenti għal kull dispensazzjoni!”15

Ostaklu Ieħor Hu li Nirrifjutaw li Nikkunsidraw id-Dnub għal Dak li fil-Fatt Hu

Wieħed mill-aspetti uniċi u nkwetanti ta’ żmienna hu li ħafna nies li jipparteċipaw f’ imġieba midinba jirrifjutaw li jikkunsidraw din l-istess imġieba bħala dnub. Huma ma għandhom l-ebda rimors jew rieda li jagħrfu l-kondotta tagħhom bħala waħda moralment ħażina. Anke xi wħud li jiddikjaraw li jemmnu fil-Missier u l-Iben jispiċċaw biex b’ mod żbaljat jieħdu l-pożizzjoni li Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna m’għandux iħalli li aħna jkollna npattu l-konsegwenzi għal imġieba li tmur kontra l-kmandamenti Tiegħu.

Apparentament din kienet il-pożizzjoni li kien ħa Kurjantun, iben Alma ż-Żgħir fil-Ktieb ta’ Mormon. Huwa pparteċipa fi ħwejjeġ mill-aktar immorali u Alma kien qed jikkunsilja miegħu. Aħna verament imberkin li l-kbir profeta Alma, li personalment kien esperjenza “l-aktar abiss mudlam u l-aktar dawl meraviljuż,”16 irreġistra l-istruzzjoni li huwa tah. Fid- 39 kapitlu ta’ Alma, naqraw kif huwa għallem lil dan ibnu permezz tal-proċess tal-indiema u mbagħad spjegalu kif Kristu kellu jiġi biex jeħlisna mid-dnub. Lil Kurjantun spjegalu b’ ċarezza l-bżonn tal-indiema għaliex “l-ebda ħaġa maħmuġa ma tista’ tiret is-saltna ta’ Alla.”17

F’Alma 42 insibu waħda mill-aktar duttrina meraviljuża fuq l-Att tal-Fidwa li hemm fl-iskrittura. Alma għen lil Kurjantun jifhem li mhijiex “inġustizzja li l-midneb ikollu jesperjenza stat ta’ miżerja.”18 Iżda huwa nnota li minn żmien Adam, il-ħanin Alla pprovdielna “spazju għall-indiema” għaliex mingħajr l-indiema, “il-pjan kbir tas-salvazzjoni ma jistax jiġi fis-seħħ.”19 Alma semma’ wkoll li l-pjan kbir tas-salvazzjoni huwa “pjan ta’ ferħ.”20

It-tagħlim ta’ Alma huwa verament istruttiv: “Għax araw, il-ġustizzja trid dak li hu tagħha, kif ukoll il-ħniena trid dak li hu tagħha; u b’hekk, ħadd ħlief dak li verament jindem ma jsalva.”21 Jekk aħna nħarsu lejhom mil-lenti xierqa, il-barkiet glorjużi tal-indiema u l-ubbidjenza tagħna lejn it-tagħlim tas-Salvatur huma mill-aktar importanti. Mhijiex ħaġa inġusta li tkun ċar, kif kien ċar Alma ma’ Kurjantun, dwar il-konsegwenzi tal-għażliet midinba u n-nuqqas ta’ ndiema. Ħafna drabi nisimgħu, “F’ xi ħin jew ieħor kulħadd se jkollu jpoġġi bilqiegħda madwar il-mejda tal-konsegwenzi.”22

Il-barka ċelestjali mill-aktar sinjifikanti tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur hi li permezz tal-indiema, l-imġieba midinba tagħna tintesa darba għal dejjem. Wara l-indiema ta’ Kurjantun, Alma temm jgħid, “Tħallix dawk il-ħwejjeġ jinkwetawk aktar, u ħalli biss id-dnub jinkwetak, b’liema nkwiet li jwasslek għall-indiema.”23

Jekk Inħarsu Lil Hinn mis-Sinjal Aħna Niffaċċjaw Ostaklu

Il-profeta Ġakobb irrefera għal-Lhud tal-qedem bħala “nies ta’ ras iebsa li kienu jistmerru … is-sempliċità, … qatlu l-profeti u kienu jfittxu ħwejjeġ li ma setgħux jifhmu. Għalhekk, minħabba li kienu għomja, u għomja saru għaliex ħarsu lil hinn mis-sinjal, huma se jfallu.”24

Filwaqt li hemm diversi eżempji kif nistgħu nħarsu lil hinn mis-sinjal,25 eżempju sinifikanti fi żmienna huwa l-estremiżmu. L-estremiżmu fl-evanġelju huwa meta wieħed jagħti importanza lil xi prinċipji tal-evanġelju aktar minn xi prinċipju ieħor daqstant importanti u jieħu pożizzjoni li mhux kompatibbli mat-tagħlim jew kontra t-tagħlim tal-mexxejja tal-Knisja. Eżempju partikolari hu meta wieħed jisħaq li għandu jżid, jibdel jew jenfasizza primarjament xi parti mill-Kelma tal-Għerf. Eżempju ieħor huwa t-tħejjija mill-aktar urġenti għax daqt jasal tmiem id-dinja. Fit-tnejn li huma, oħrajn huma mħeġġa jaċċettaw xi interpretazzjoni personali li wieħed jista’ jkollu. “Jekk aħna nispiċċaw naqbdu liġi tas-saħħa jew xi prinċipju ieħor u ndawruh f’ xi forma ta’ fanatiżmu reliġjuż, aħna nkunu qed inħarsu lil hinn mis-sinjal.”26

Meta kien qed jitkellem dwar duttrina importanti, il-Mulej iddikjara, “Min jiddikjara aktar jew anqas minn dan, dan ma jkunx ġej minni.”27 Meta aħna nagħtu importanza lil xi prinċipju b’ tali mod li jnaqqas l-impenn tagħna lejn prinċipji oħra daqstant importanti jew nieħdu pożizzjoni li tkun kontra jew li tmur lil hinn mit-tagħlim tal-mexxejja tal-Knisja, aħna nkunu qed inħarsu lil hinn mis-sinjal.

Barra minn hekk, xi membri jagħtu importanza lil ċerti kawżi, li ħafna minnhom huma tajbin, iżda jispiċċaw jagħmluhom aktar superjuri mid-duttrina bażika tal-evanġelju. Huma jissostitwixxu d-devozzjoni tagħhom lejn dik il-kawża u juru l-akbar impenn tagħhom lejha bil-konsegwenza li l-impenn tagħhom lejn is-Salvatur u lejn it-tagħlim Tiegħu jispiċċaw jagħtuh anqas importanza. Jekk xi ħaġa nagħtuha importanza akbar milli nagħtu lid-devozzjoni tagħna lejn is-Salvatur, jew jekk l-imġieba tagħna hi waħda li lilu tittrattah biss bħala sempliċiment għalliem ieħor u mhux bħala l-Iben divin ta’ Alla, mela aħna ninsabu nħarsu lil hinn mis-sinjal. Ġesù Kristu huwa s-sinjal!

Is- 76 sezzjoni tad-Duttrina u Patti tagħmilha ċara li tkun “qalbieni fit-testimonjanza ta’ Ġesù”28 hu t-test sempliċi u essenzjali bejn dawk li jirtu l-barkiet tas-saltna ċelestjali u dawk li jispiċċaw fis-saltna terrestjali. Biex inkunu qalbenin jeħtieġ li niffokaw fuq il-qawwa ta’ Ġesù Kristu u s-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu biex negħlbu l-mewt u, permezz tal-indiema tagħna, biex inaddafna mid-dnub u jeħtieġ minna li nimxu wara d-duttrina ta’ Kristu.29 Aħna neħtieġu wkoll id-dawl u l-għarfien tal-ħajja u t-tagħlim tas-Salvatur biex jiggwidawna fit-triq tagħna tal-patt, li fiha tinkludi wkoll l-ordinanzi sagri tat-tempju. Jeħtieġ nuru fidi soda fi Kristu, niffesteġġjaw permezz ta’ kliemu u nibqgħu sodi sat-tmiem.30

Konklużjoni

Jekk aħna rridu nkunu qalbenin fit-testimonjanza tagħna ta’ Ġesù, jeħtieġ li nevitaw l-ostakli li qed iwaqqfu u jfixklu l-progress ta’ ħafna nies li, li kieku ma kienx għalhekk, huma nies mill-aktar onorabbli. Ejjew niddeterminaw li nkunu dejjem ta’ servizz għalih. Filwaqt li nfittxu l-għarfien, jeħtieġ li nevitaw il-filosofiji tal-bnedmin li jdgħajfu l-impenn tagħna lejn is-Salvatur. Għandna nħarsu lejn id-dnub kif fil-fatt hu u naċċettaw l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur permezz tal-indiema. Jeħtieġ nevitaw li nħarsu lil hinn mis-sinjal u niffokaw fuq Ġesù Kristu, is-Salvatur u l-Feddej tagħna, u nimxu skont id-duttrina Tiegħu.

Missieri ħares lejn l-arblu bħala l-mezz li jipprovdilna l-enerġija, id-dawl u l-ilma abbundanti biex insajru u ninħaslu. Kien avvanz li wassal biex tejjeb il-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Wieħed awtur jissuġġerixxi li l-ostakli nistgħu nibdluhom f’ “għajnuna li tassistina biex ikollna karattru aktar nobbli u twassalna sas-Smewwiet.”31

Għalina, li nkunu qalbenin fit-testimonjanza tagħna ta’ Ġesù tgħinna biex nikkwalifikaw għall-grazzja tas-Salvatur u għas-saltna ċelestjali. Ġesù Kristu huwa l-uniku isem mis-smewwiet ‘l isfel li permezz tiegħu nistgħu nsalvaw.32 Jiena naqsam b’ konvinzjoni x-xhieda tiegħi dwar id-divinità Tiegħu u l-irwol divin Tiegħu fil-pjan tal-Missier. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Doctrine and Covenants 14:7; ara wkoll Ġwanni 17:3.

  2. Doctrine and Covenants 76:79.

  3. Ara True to the Faith: A Gospel Reference (2004), 52–53.

  4. Merriam-Webster’s Collegiate Dictionary, 11th ed. (2003), “stumbling block.”

  5. Merriam-Webster’s Collegiate Dictionary, “stumble.”

  6. Doctrine and Covenants 93:36.

  7. Ara Atti 9:1–9; 26:13–18.

  8. Ara Frederic W. Farrar, The Life and Work of St. Paul (1898), 319.

  9. Ara Farrar, Life and Work of St. Paul, 319–20.

  10. 1 Korintin 2:4–5.

  11. Ara George Frideric Handel, Messiah,, ed. T. Tertius Noble (1912).

  12. 1 Korintin 15:20–22, 55, 57.

  13. Will Durant, The Story of Civilization, vol. 3, Caesar and Christ (1944), 595.

  14. Heber C. Kimball, in Orson F. Whitney, Life of Heber C. Kimball (1945), 446.

  15. Neal A. Maxwell, “Be of Good Cheer,” Ensign, Nov. 1982, 68.

  16. Mosiah 27:29.

  17. Alma 40:26.

  18. Alma 42:1. Fid-duttrina tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, hemm post għall-umanità kollha fosthom dawk li f’ ħajjithom qatt ma setgħu bi Kristu, għat-tfal li jmutu qabel jilħqu l-età li tagħmilhom responsabbli ta’ għemilhom u għal dawk li ma jistgħux jifhmu (ara Doctrine and Covenants 29:46–50; 137:7–10).

  19. Alma 42:5.

  20. Alma 42:8.

  21. Alma 42:24. Innotaw li l-pronom personali għall-ġustizzja huwa tiegħu (maskili) u l-pronom personali għall-ħniena huwa tagħha (femminili).

  22. Robert Louis Stevenson, f’ Carla Carlisle, “A Banquet of Consequences,” Country Life,, Lulju 6, 2016, 48. Is-Sinjura Carlisle tgħid li kien Robert Louis Stevenson li qal din il-kwotazzjoni. Oħrajn jgħidu li kien ħaddieħor.

  23. Alma 42:29.

  24. Jacob 4:14.

  25. F’ artiklu li fis-sena 2003 jiena ktibt għar-rivisti tal-Knisja, jien enfasizzajt erba’ oqsma li jistgħu jwasslu għal dalma teoloġika u għall-ostaklu li ddeskriva Ġakobb: li minflokk il-veritajiet tal-evanġelju nagħtu importanza lill-filosofiji tal-bnedmin, l-estremiżmu tal-evanġelju, ċerti ġesti erojċi jieħdu post il-konsagrazzjoni ta’ kuljum, u li ċerti regoli nagħtuhom aktar importanza mid-duttrina (ara “Looking beyond the Mark,” Liahona, Mar. 2003, 21–24).

  26. Quentin L. Cook, “Looking beyond the Mark,” Liahona, Mar. 2003, 22.

  27. Doctrine and Covenants 10:68.

  28. Doctrine and Covenants 76:79.

  29. Ara 2 Nephi 31:17–21.

  30. Ara 2 Nephi 31:20–21.

  31. Henry Ward Beecher, f’ Tryon Edwards, A Dictionary of Thoughts (1891), 586.

  32. Ara 2 Nephi 31:21; Mosiah 3:17.