2010-2019
Kunu Ambizzjużi għal Kristu
Ottubru 2016


Kunu Ambizzjużi għal Kristu

Aħna ambizzjużi għal Kristu meta nservu b’ fedeltà, naċċettaw b’ umiltà, nirreżistu b’ mod nobbli, nitolbu b’ mod ferventi u nieklu u nixorbu mill-eblemi tiegħu b’ mod den.

Għeżież ħuti, illum nixtieq inkellem liż-żgħażagħ tal-Knisja, fosthom il-missjunarji meraviljużi tagħna. M’għandniex xi ngħidu, intom, ħuti, li għadkom tħossukom żgħażagħ nistedinkom b’ sinċerità biex tisimgħu dak li se ngħid.

Fil-21 ta’ Awissu li għadda, il-President Russell M. Nelson iddedika t-Tempju mill-isbaħ ta’ Sapporo—it-tielet tempju fil-Ġappun. It-Tempju ta’ Sapporo ġie mibni fit-tramuntana tal-Ġappun f’ post jismu Hokkaido. Bħal Utah, Hokkaido ġie mwaqqaf minn grupp ta’ pijunieri ħabrieka li jħobbu jaħdmu.

Fl-1876, wieħed edukatur jismu Dott. William Clark1 ġie mistieden biex imur jgħallem f’ Hokkaido. Huwa dam jgħix fil-Ġappun tmien xhur biss, iżda l-ispirtu Kristjan tiegħu ħalla impressjoni dejjiema fuq l-istudenti żgħażagħ tiegħu li ma kinux Kristjani. Qabel telaq, lill-istudenti tiegħu ħalliehom b’ messaġġ li ġie mmortalizzat f’ din l-istatwa tal-bronż.2 Huwa qal, “Uliedi, kunu ambizzjużi!”—“Kunu ambizzjużi għal Kristu.”3 Il-kunsill tiegħu “Kunu ambizzjużi għal Kristu” jista’ jgħinna nidderieġu d-deċiżjonijiet ta’ kuljum bħala Qaddisin tal-Aħħar Jiem fid-dinja tal-lum.

Immaġni
Dott. William Clark

Xi tfisser tkunu “ambizzjużi għal Kristu”? Tkunu ambizzjużi għal Kristu tfisser li tkunu motivati, iffokati u ddedikati għall-ħidma Tiegħu. Tkunu ambizzjużi għal Kristu żgur li ma tfissirx li tiġu magħżulin sabiex tirċievu xi unur pubbliku. Tkunu ambizzjużi għal Kristu tfisser li aħna għandna nservu fl-oqsma u l-fergħat tagħna b’ fedeltà u diliġenza mingħajr tgergir u b’ qalb ferħana.

Il-missjunarji tagħna li jinsabu jservu madwar id-dinja huma eżempju mill-isbaħ ta’ dawk li huma verament ambizzjużi għal Kristu. Ftit snin ilu, jien u Sister Yamashita servejna fil-Missjoni ta’ Nagoya, il-Ġappun. Il-missjunarji tagħna kienu verament ambizzjużi għal Kristu. Wieħed minn dawk il-missjunarji kien iż-żagħżugħ Presbiteru Cowan.

Immaġni
Il-Presbiteru Cowan mal-President u Sister Yamashita

Il-Presbiteru Cowan ma kellux riġel tal-lemin minħabba inċident bir-rota li huwa kellu meta kien iżgħar. Ftit ġimgħat wara li daħal mill-missjoni, jien rċevejt telefonata mingħand sieħbu l-missjunarju. Is-sieq artifiċjali tal-Presbiteru Cowan kienet inqasmet waqt li kien qed isuq ir-rota. Ħadnieh f’ post li jsewwu l-affarijiet b’ mod tajjeb, u hemm ġew f’ kamra privata jiena stajt nara siequ għall-ewwel darba. Irrealizzajt kemm kien qed isofri wġigħ. Is-sieq artifiċjali tiegħu ssewwiet, u hu reġa’ mar lura fl-inħawi fejn kien.

Madankollu, meta gerrbu l-ġimgħat, is-sieq baqgħet tkompli tinkiser. Il-konsulent mediku reġjonali rrakkomanda li l-Presbiteru Cowan jerġa’ lura d-dar u forsi wara jerġa’ jintbagħat missjoni oħra. Jiena rreżistejt dan il-parir għaliex il-Presbiteru Cowan kien missjunarju meraviljuż u huwa kellu xewqa kbira li jibqa’ l-Ġappun. Gradwalment però, il-Presbiteru Cowan beda jbati wisq fiżikament. Minkejja dan, huwa qatt ma gerger.

Għal darb’oħra, jiena ġejt mogħti parir biex il-Presbiteru Cowan jitħalla jservi f’ post fejn ma kienx ikollu għalfejn juża rota. Jiena bdejt nixtarr ftit din is-sitwazzjoni. Bdejt naħseb dwar il-Presbiteru Cowan u l-futur tiegħu, u tlabt dwar din il-ħaġa. Ħassejt li, iva, il-Presbiteru Cowan kellu jerġa’ lura d-dar u jistenna li jintbagħat post ieħor. Jien ċempiltlu u esprimejt kemm verament inħobbu u għarraftu bid-deċiżjoni tiegħi. Huwa baqa’ ma weġibnix. Stajt biss nisimgħu jibki fuq in-naħa l-oħra tal-linja. Jiena għedtlu, “Presbiteru Cowan, m’hemmx għalfejn tweġibni issa stess. Nerġa’ nċempillek għada. Jekk jogħġbok, bl-għajnuna tat-talb sinċier tiegħek nitolbok tikkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħi.

Meta l-għada ċempiltlu, huwa qalli bl-umiltà kollha li kien se jimxi fuq il-parir tiegħi.

Waqt l-aħħar intervista li jien għamiltlu, jien staqsejtu din il-mistoqsija: “Presbiteru Cowan, fuq l-applikazzjoni tiegħek tal-missjoni, inti kont tlabt biex tintbagħat f’ missjoni fejn ma kellekx bżonn issuq rota?”

Huwa wieġeb, “Iva, President.”

Jiena weġibtu, “Presbiteru Cowan, inti ġejt imsejjaħ biex isservi fil-Missjoni ta’ Nagoya, il-Ġappun fejn kien se jkollok bżonn tuża rota. Inti kont għedt b’ dan lill-president tal-wited tiegħek?”

Jien kont verament sorpriż bit-tweġiba tiegħu. Huwa qalli, “Le, ma għedtlux. Jiena kont determinat li jekk dak kien il-post fejn sejjaħli biex immur il-Mulej, kont lest immur fil-ġim u nittrenja biżżejjed ġismi li nkun kapaċi nsuq rota.”

Fi tmiem l-intervista tagħna, bid-dmugħ f’ għajnejh huwa staqsieni din il-mistoqsija: “President Yamashita, jien għalfejn ġejt il-Ġappun? Għalfejn ninsab hawn?”

Jiena fil-pront weġibtu: “Presbiteru Cowan, jiena għandi raġuni għalfejn tinsab hawn. Inti ġejt hawn minħabba fija. Illum qed nifhem x’ żagħżugħ meraviljuż kelli l-privileġġ li nservi l-missjoni tiegħi miegħu. Jien verament imbierek li sirt nafek.”

B’ ferħ kbir ngħidilkom li l-Presbiteru Cowan mar lura fid-dar mimlija mħabba tiegħu u reġa’ ntbagħat biex iservi f’ missjoni fejn seta’ jivvjaġġa bil-karozza. Jiena kburi mhux biss bil-Presbiteru Cowan iżda wkoll bil-missjunarji kollha madwar id-dinja li jinsabu jservu minn jeddhom mingħajr tgergir. Grazzi, intom il-missjunarji kollha, tfajliet u ġuvintur, għall-fidi tagħkom, għad-diliġenzà tagħkom u għall-ambizzjoni qawwija tagħkom għal Kristu.

Il-Ktieb ta’ Mormon jinkuldi fih bosta rakkonti dwar nies ambizzjużi għal Kristu. Meta Alma ż-Żgħir kien għadu żagħżugħ, huwa ppersegwita lill-Knisja u l-membri tagħha. Aktar tard, seħħet bidla kbira f’ qalbu u huwa serva b’ qawwa kbira bħala missjunarju. Huwa fittex li jimxi wara d-direzzjoni tal-Mulej, u hu bierek lil sħabu l-missjunarji li serva magħhom. Il-Mulej imlieh bil-qawwa, u hu għeleb l-isfidi li ffaċċja f’ ħajtu.

Dan il-kunsill li ġej ġie mogħti mill-istess Alma lil ibnu Ħilaman:

“Kull min jafda f’ Alla se jiġi megħjun fl-isfidi tiegħu, fl-inkwiet tiegħu u fis-sofferenza tiegħu. …

“… Żommu l-kmandamenti ta’ Alla. …

“Iddiskutu mal-Mulej f’ dak kollu li tagħmlu, u huwa jidderiġikom għat-tajjeb.”4

It-tieni tifel tagħna għadda l-parti l-kbira taż-żogħżija tiegħu ‘l bogħod mill-Knisja. Meta huwa għalaq 20 sena, huwa għadda minn esperjenza li wasslitu biex juri x-xewqa li jibdel ħajtu. Permezz tal-imħabba, tat-talb u l-għajnuna li kellu mill-membri tal-familja tiegħu u mill-membri tal-Knisja, u ultimament permezz tal-kompassjoni u l-grazzja tal-Mulej, huwa reġa’ lura fil-Knisja.

Aktar tard ġie msejjaħ biex iservi fil-Missjoni ta’ Seattle, Washington. Għall-ewwel beda verament jaqta’ qalbu. Kull filgħaxija għall-ewwel tliet xhur, huwa kien imur jibki waħdu fil-kamra tal-banju. Bħall-Presbiteru Cowan, huwa pprova jiskopri, “Għalfejn ninsab hawn?”

Wara li kien ilu jservi madwar sena, aħna rċevejna email li kienet tweġiba għal talbna. Huwa kiteb: “Bħalissa verament qed inħoss l-imħabba ta’ Alla u ta’ Ġesù. Se nagħmel l-almu tiegħi biex inkun bħall-profeti tal-qedem. Għalkemm qed nesperjenza wkoll bosta diffikultajiet, inħossni verament ferħan. Li sservi lil Ġesù verament hi l-aqwa ħaġa wieħed jista’ jagħmel. M’hemm xejn isbaħ minn hekk. Inħossni kuntent ħafna.”

Huwa ħassu bħal Alma: “O, x’ ferħ qed inħoss, u x’ dawl meraviljuż jien rajt quddiemi; iva, ruħi mtliet b’ ferħ li jisboq l-uġigħ kollu li esperjenzajt!”5

F’ ħajjitna nesperjenzaw diversi sfidi, iżda jekk aħna ambizzjużi għal Kristu, aħna nistgħu niffokaw fuqu u nħossu l-ferħ anke f’ nofs l-isfidi kollha li jkollna. Il-Feddej tagħna huwa l-aqwa eżempju li għandna. Huwa fehem il-missjoni mqaddsa Tiegħu u kien ubbidjenti għar-rieda ta’ Alla l-Missier. X’ barka mill-aktar kbira li kull ġimgħa nistgħu niftakru fl-eżempju sabiħ tiegħu hekk kif aħna nieħdu sehem fis-sagrament.

Għeżież ħuti, aħna ambizzjużi għal Kristu meta nservu f’ fedeltà, naċċettaw b’ umiltà, nirreżistu b’ mod nobbli, nitolbu b’ mod ferventi u b’ mod den nieklu u nixorbu mill-eblemi tiegħu.

Jalla aħna nkunu ambizzjużi għal Kristu hekk kif naċċettaw id-diffikultajiet u l-isfidi tagħna bil-paċenzja u l-fidi u niksbu l-ferħ fit-triq tagħna tal-patt.

Nixhed li l-Mulej lilkom jafkom. Huwa jaf dak kollu li qed itaqqalkom u jinkwetakom. Huwa jaf dwar ix-xewqat tagħkom li taqduh b’ devozzjoni u, iva, saħansitra b’ ambizzjoni. Jalla Huwa jiggwidakom u jberikkom hekk kif intom tagħmlu dan. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. William Smith Clark (1826–86) kien professur tal-kimika, tal-botanika u taż-żooloġija u serva bħala kulunell waqt il-Gwerra Ċivili Amerikana. Huwa kien mexxej fl-edukazzjoni agrikola u president tal-Kulleġġ tal-Agrikoltura ta’ Massachusetts. (Ara “William S. Clark,” wikipedia.com.)

  2. Statwa li tinsab fuq l-Għolja tal-Osservazzjoni ta’ Sapporo Hitsujigaoka.

  3. William S. Clark, f’ Ann B. Irish, Hokkaido: A History of Ethnic Transition and Development on Japan’s Northern Island (2009), 156.

  4. Alma 36:3; 37:35, 37.

  5. Alma 36:20.