2010-2019
Għall-Iżvilupp u t-Tagħlim Spiritwali Tagħna
Ottubru 2016


Għall-Iżvilupp u t-Tagħlim Spiritwali Tagħna

Il-misteri ta’ Alla jiġu żvelati lilna biss skont ir-rieda Tiegħu u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Meta jiena kont għadni tifel żgħir, il-ġenituri tiegħi rċevew rigal li kien affaxxina kemm lili kif ukoll lil ħija iżgħar minni, David. Ir-rigal kien mudell fuq skala żgħira tal-pjanċi tad-deheb li l-Profeta Joseph Smith irċieva mingħand l-anġlu Moroni. Jekk niftakar sew, il-pjanċi tal-mudell kienu jikkonsistu minn xi 10 paġni tal-metall bi kliem imnaqqax fuqhom. Madankollu, l-akbar kurżità li kellna ma kenitx minħabba dawk il-paġni.

Tul it-trobbija tagħna aħna kollna ilna nisimgħu l-istejjer tar-Restawrazzjoni. Aħna konna nafu u kantajna fil-Primarja dwar il-pjanċi tad-deheb li kienu moħbijin taħt l-art ħdejn l-għolja u ġew mogħtijin mill-anġlu Moroni lil Joseph Smith.1 Hekk kif il-kurżità tal-moħħ teneru tagħna kompliet tikber, kien hemm ħaġa partikolari li verament xtaqna naraw: x’ kien hemm miktub fuq is-sezzjoni ż-żgħira tal-pjanċi tal-mudell li kienet issiġillata tant tajjeb b’ żewġ biċċiet wajer tal-metall?

Il-pjanċi kienu ilhom għal bosta jiem fuq mejda żgħira li kien hemm fil-kamra meta l-kurżità tagħna għelbitna. Għalkemm aħna konna fhimna li dawn ma kinux il-vera pjanċi li kien wassal Moroni, aħna verament ridna naraw il-parti ssiġillata. Għalhekk bosta drabi, ħija u jiena ppruvajna nużaw is-skieken tal-butir, imgħaref qodma u kull ħaġa li mmaġinajna li setgħet tbewwaq il-parti ssiġillata tal-pjanċi biex aħna nkunu nistgħu naraw x’ kien hekk fuqha—iżda mhux b’tali mod li nkissru l-wajer tal-metall li kienet imdawra bih. Aħna tal-anqas konna għaqlin biżżejjed li ma nħallu l-ebda traċċa warajna tal-kurżità kbira li bħala tfal kienet ħakmitna. B’ diżappunt u frustrazzjoni kbira għalina, dawn l-attentati biex “naraw x’ hemm moħbi fuq il-pjanċi” qatt ma rnexxew.

S’issa għadni ma nafx x’ kien hemm—jekk kien hemm—moħbi taħt dik il-parti ssiġillata. Iżda l-parti imbarazzanti tal-istorja tagħna hi li sal-lum, ma għandi l-ebda idea x’ kien hemm miktub fuq il-parti tal-paġni tal-metall li l-iskop tagħha kien li aħna naqrawha. Nista’ biss nimmaġina li dawn il-paġni kien fihom rakkonti mir-Restawrazzjoni u testimonjanzi ta’ Joseph Smith u t-Tliet u t-Tmien Xhieda, li raw il-vera pjanċi li kien wassal Moroni.

Mill-ħolqien ta’ din id-dinja, Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna pprovda lil uliedu direzzjoni, tmexxija u istruzzjoni permezz tal-profeti. Kliemu għadda lilna permezz ta’ dawn il-profeti u jinsab miġbur fl-iskrittura għall-iżvilupp u t-tagħlim tagħna. Nefi ddeskrivieh b’ dan il-mod:

“Għax ruħi titgħaxxaq bl-iskrittura, u qalbi tixtarrha, u jien niktibha għat-tagħlim u l-gwadann ta’ wliedi.

“Araw, ruħi titgħaxxaq bil-ħwejjeġ tal-Mulej; u qalbi tixtarr kontinwament dwar il-ħwejjeġ li jiena rajt u smajt.”2

Barra minn hekk, tul dawn l-aħħar dispensazzjonijiet u f’ din l-aħħar dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet, membri denji tal-Knisja tal-Mulej ġew imberkin bis-sħubija kostanti tal-Ispirtu s-Santu, li jgħin fl-iżvilupp u t-tagħlim spiritwali tagħna.

Għax naf bil-karattru tant diliġenti ta’ ħija ż-żgħir, nimmaġina li ċ-ċans hu li huwa kien qara l-kliem kollu li kien hemm miktub fuq il-mudell tal-pjanċi li kien hemm fid-dar tal-ġenituri tagħna. Jien, madankollu, injorajt dawk il-veritajiet sempliċi u prezzjużi u minflok bdejt nagħmel sforz żejjed biex infittex dawk il-ħwejjeġ li mhijiex l-intenzjoni ta’ Alla li jkunu żvelati lilna.

Sfortunatament, l-iżvilupp u t-tagħlim tagħna jaf jinżamm ftit lura jew saħansitra jitwaqqaf minħabba x-xewqa xejn għaqlija tagħna li “naraw x’ hemm moħbi fuq il-pjanċi.” Dawn l-għemejjel jistgħu jwassluna biex noqogħdu nfittxu ħwejjeġ li mhux neċessarjament hi l-intenzjoni ta’ Alla li nifhmuhom għalissa, u fl-istess ħin ninjoraw il-veritajiet mill-isbaħ li jinsabu hemm għalina u għaċ-ċirkustanzi tagħna—il-veritajiet li Nefi ddeskrivihom bħala miktubin għat-tagħlim u l-gwadann tagħna.

Ġakobb, ħu Nefi, għallem: “Araw, kbar u tal-għaġeb huma l-għemejjel tal-Mulej. Verament ħadd ma jista’ jagħrbel il-kobor tal-misteri tiegħu; u huwa impossibbli li l-bniedem ikun jaf bl-għemejjel kollha tiegħu.”3

Kliem Ġakobb jgħallima li aħna ma jistax jirnexxilna “naraw x’ hemm moħbi fuq il-pjanċi” jew li b’ forza nitolbu biex il-misteri ta’ Alla jiġu żvelati lilna. Iżda l-misteri ta’ Alla jiġu żvelati lilna biss skont ir-rieda Tiegħu u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.4

Ġakobb ikompli:

“U l-ebda bniedem ma jista’ jkun jaf it-triqat tiegħu sakemm dawn ma jiġux żvelati lilu; għalhekk, l-aħwa, tistmerrux ir-rivelazzjonijiet ta’ Alla.

“Għax araw, bil-qawwa tal-kelma tiegħu ġie maħluq il-bniedem. … Mela, għalfejn mhuwiex kapaċi jikkmanda lid-dinja, jew l-għemejjel li ħoloq b’ idejh fuq l-art, skont ir-rieda tiegħu u kif jogħġob lilu?

“Għalhekk, l-aħwa, tippruvawx tagħtu pariri lill-Mulej, iżda oqogħdu għall-kunsill tiegħu.”5

Sabiex nifhmu l-misteri ta’ Alla, jew dawk il-ħwejjeġ li nistgħu nifhmuhom biss permezz tar-rivelazzjoni, aħna għandna nimxu wara l-eżempju ta’ Nefi, li qal, “Bħala bniedem verament żgħir fl-età, madankollu ta’ statura kbira, kif ukoll mimli b’ xewqa kbira li nkun naf il-misteri ta’ Alla, għalhekk, jiena tlabt b’ ħerqa lill-Mulej; u ara huwa ġie jżurni, u rattab qalbi tant li jiena emmint il-kliem kollu li kien qal missieri.”6 Il-Mulej innifsu kompla jispjega li Nefi eżerċita l-fidi, fittex b’ diliġenza u b’ umiltà kbira f’ qalbu, u żamm il-kmandamenti Tiegħu.7

L-eżempju ta’ Nefi biex huwa fittex li jikseb l-għarfien jinkludi (1) qalb sinċiera, (2) l-umiltà, (3) it-talb, (4) il-fiduċja fil-profeta, u li eżerċita (5) il-fidi, (6) id-diliġenza, u (7) l-ubbidjenza. Il-metodu tat-tfittxija tiegħu jikkuntrasta bil-kbir mal-mod kif jien ippruvajt “nara x’ hemm moħbi fuq il-pjanċi,” jew milli nippruvaw li b’ forza jiġu żvelati lilna ħwejjeġ intenzjonati li jiġu żvelati biss fil-ħin li jrid il-Mulej u permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

F’ dawn iż-żminijiet moderni, aħna nistennew li niksbu l-għarfien b’ mod immedjat; meta ċerta informazzjoni ma tkunx daqshekk aċċessibbli jew faċli li ssir magħrufa, ħafna drabi nwarrbuha jew ma noqogħdux fuqha. Minħabba l-abbundanza ta’ informazzjoni li teżisti, xi wħud, bla ma jintebħu, jagħtu aktar kredibiltà lil ċerti sorsi li l-oriġni tagħhom ma jkunux jafuha sew milli jafdaw fil-mudell li fassal il-Mulej li permezz tiegħu jistgħu jirċievu r-rivelazzjoni personali. Jista’ jkun li Ġakobb kien qed jiddeskrivi żmienna meta qal: “Iżda araw, huma kienu nies ta’ ras iebsa; u ma tawx kas tal-kliem sempliċi … u fittxew ħwejjeġ li ma setgħux jifhmu. Għalhekk, minħabba li kienu għomja, u għomja saru għaliex ħarsu lil hinn mis-sinjal, huma se jfallu; għax Alla ħa minn fosthom dak li kien sempliċi, u wasslilhom bosta ħwejjeġ li huma ma setgħux jifhmu, għax huma hekk xtaqu.”8

B’ kuntrast ma’ dan, nagħtu ħarsa lejn il-kunsill tal-President Dieter F. Uchtdorf. Huwa kien qed jitkellem dwar il-missjunarji, iżda kliemu japplika wkoll għal dawk kollha li qed ifittxu l-verità spiritwali. “Meta … il-missjunarji jkollhom il-fidi f’ Ġesù Kristu,” huwa qal, “huma jafdaw lill-Mulej tant li jkunu lesti li jimxu wara l-kmandamenti Tiegħu—anke meta huma ma jifhmux għal kollox ir-raġuni li jkun hemm warajhom. Il-fidi tagħhom tibda tidher permezz tad-diliġenza tagħhom u l-għemejjel tagħhom.”9

Tul l-aħħar konferenza ġenerali ta’ April li għadda, il-Presbiteru Dallin H. Oaks spjega: “Il-Knisja qed tagħmel sforzi kbar biex tkun trasparenti bir-reġistri li għandha, iżda wara dak kollu li nippubblikaw, il-membri tagħna xorta jaf ikun għad baqagħlhom ċerti mistoqsijiet bażiċi li ma jistgħux jiġu mweġbin permezz tal-istudju. … Ċerti ħwejjeġ nistgħu nitgħallmuhom biss permezz tal-fidi.”10

Profeti tal-qedem għallmu dan l-istess prinċipju, fejn huma wrew li maż-żminijiet in-natura umana ma nbidlitx u li l-mudell tal-Mulej biex aħna nitgħallmu jgħodd għal kull żmien. Ikkunsidraw dan il-proverbju mit-Testment il-Qadim: “Ittama fil-Mulej b’ qalbek kollha; u tafdax fl-għaqal tiegħek.”11

Isaija, meta kien qed jitkellem dwar il-Mulej, spjega, “Għax daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art, daqshekk ieħor huma triqati ‘l fuq minn triqatkom, u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom”12

Nefi żied ukoll ix-xhieda tiegħu meta ddikjara, “O Mulej, jiena afdajt fik, u nafda fik għal dejjem.”13

Il-fidi u l-fiduċja fil-Mulej teħtieġ li aħna nagħrfu li l-għerf tiegħu huwa superjuri għal tagħna. Għandna nagħrfu wkoll li l-pjan Tiegħu jipprovdi l-akbar potenzjal għall-iżvilupp u t-tagħlim spiritwali tagħna.

Qatt ma kien mistenni minna li aħna jkollna “għarfien perfett ta’ kollox” tul din l-eżistenza mortali. Minflok, huwa mistenni minna li aħna “nittamaw għal ħwejjeġ li ma jidhrux iżda li huma vera.”14

Anke bil-fidi kbira li huwa kellu, Nefi għaraf l-għarfien limitat li huwa kellu bit-tweġiba li ta lill-anġlu li staqsieh, “Taf inti l-kondixxendenza ta’ Alla?” Nefi wieġbu, “Jiena naf li huwa jħobb lil uliedu; madankollu, ma nafx it-tifsira ta’ kull ħaġa.15

Bl-istess mod, Alma esprima dan il-kliem ma’ ibnu Ħilaman, “Issa dawn il-misteri għadhom ma ġewx żvelati kollha lili; għalhekk inżomm ftit lura.”16

Jiena nesprimi x-xhieda tiegħi li Missierna tas-Smewwiet iħobb lil uliedu, u madankollu, bħal Nefi u Alma, jien ma nafx it-tifsira ta’ kull ħaġa. U lanqas ma hemm bżonn li nkun naf kollox; jiena wkoll inżomm ftit lura u bil-paċenzja kollha nafda fil-Mulej, għax naf li “ jien għandi kull ħaġa quddiemi bħala testimonjanza li dawn il-ħwejjeġ huma vera; u intom ukoll għandkom kull ħaġa bħala testimonjanza li huma vera. …

“… Ġejna mogħtija l-iskrittura, iva, u kollox juri li hemm Alla; iva, anke id-dinja, u kull ħaġa li hawn fuq l-art, iva, u l-moviment tagħha, iva, kif ukoll il-pjaneti kollha li jiċċaqalqu fil-forma regolari tagħhom jixhdu li hemm Ħallieq Suprem.”17

Hekk kif aħna nagħrfu li aħna l-ħolqien ta’ Missier fis-Smewwiet mill-aktar għaqli u devot, “Mela,” għalfejn ma nħalluhx jiggwida l-iżvilupp u t-tagħlim spiritwali tagħna “skont ir-rieda tiegħu u kif jogħġob lilu” minflok kif irridu aħna?18

Huwa jgħix. Ġesù Kristu huwa l-Uniku Iben Imnissel Tiegħu u l-Feddej tal-umanità. Minħabba l-Att tal-Fidwa infinit ta’ Kristu, Huwa għandu l-għerf u l-viżjoni li jiggwidana f’ dawn l-aħħar jiem. Joseph Smith huwa l-profeta Tiegħu, magħżul biex jirrestawra s-saltna Tiegħu fid-dinja fil-milja kollha tagħha. Thomas S. Monson huwa l-profeta ħaj Tiegħu u l-kelliem Tiegħu llum. Ta’ dan jiena nagħti x-xhieda sinċiera tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.