2010-2019
Prinċipji u Wegħdiet
Ottubru 2016


Prinċipji u Wegħdiet

Jalla aħna nieħdu ħsieb ta’ ġisimna u ta’ moħħna billi nosservaw il-prinċipji li nsibu fil-Kelma tal-Għerf, pjan ipprovdut lilna b’ mod divin.

Illejla, ħuti, jiena nitlob biex niġi ggwidat minn Missierna tas-Smewwiet hekk kif naqsam magħkom il-messaġġ tiegħi.

Fl-1833 il-Mulej żvela lill-Profeta Joseph Smith pjan biex aħna ngħixu ħajja aktar b’ saħħitha. Dan il-pjan jinsab fid- 89 sezzjoni tad-Duttrina u Patti u huwa magħruf bħala l-Kelma tal-Għerf. Jagħtina direzzjoni speċifika dwar x’ ikel għandna nieklu, u jipprojbixxi l-użu ta’ ċertu sustanzi li jagħmlu l-ħsara lil ġisimna.

Dawk li huma ubbidjenti għall-kmandamenti tal-Mulej u li josservaw b’ fedeltà l-Kelma tal-Għerf huma mwegħdin ċerti barkiet partikolari, fosthom li nkunu aktar b’ saħħitna u li jkollna aktar stamina fiżika.1

Riċentiment jiena qrajt ir-rakkont veru ta’ manifestazzjoni mill-aktar drammatika li tikkonċerna dawn il-wegħdiet. John A. Larsen, membru fidil tal-Knisja, serva waqt it-Tieni Gwerra Dinjija fil-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti fuq il-vapur USS Cambria. Waqt battalja ġewwa l-Filippini, il-kelma malajr ġriet li kienet riesqa skwadra sħiħa ta’ bomers u ajruplani tal-ġlied tip kamikaze. Ingħatat ordni biex ikun hemm evakwazzjoni immedjata. Peress li l-USS Cambria kienet diġà telqet, John u tlieta minn sħabu ġabru l-affarijiet tagħhom u telqu jiġru lejn il-bajja, jittamaw li jirnexxielhom jitilgħu fuq wieħed mill-vapuri li kienu bdew telqin. Fortunatament, wasal ajruplan u ġabarhom u f’ ħin qasir tar lejn l-aħħar vapur li kien qed iħalli l-bajja. L-irġiel li kien hemm fuq il-vapur li kien tielaq, fi sforz biex jevakwaw ruħhom kemm jista’ jkun malajr, kienu għaddejin bla nifs fuq il-gverta u kellhom ħin biss biex iwaddbu l-ħbula lejn l-erba’ rġiel, bit-tama li huma jkunu kapaċi jitilgħu fuq il-gverta.

John, b’ radju tqil marbut ma’ dahru, spiċċa mdendel ma’ ħabel twil 40 pied, mal-ġenb ta’ vapur li kien qed ibaħħar ‘il barra lejn nofs ta’ baħar. Huwa beda jipprova jitla’ mal-ħabel, id wara l-oħra, fejn kien jaf li jekk ma jiggranfax biżżejjed, huwa kien ċertament jispiċċa jgħib għal kollox. Wara li kien irnexxielu jitla’ terz tal-għoli tal-ħabel, huwa beda jħoss dirgħajh jikwu bl-uġigħ. Huwa tant beda jħossu dgħajjef li ħass li ma setax jibqa’ jżomm aktar mal-ħabel.

Bin-nuqqas ta’ saħħa li kellu, hekk kif huwa beda jikkontempla dwar id-destin tiegħu, John fis-skiet talab lil Alla u qallu li huwa dejjem obda l-Kelma tal-Għerf u għex ħajja nadifa—u li verament kien jeħtieġ il-barkiet imwiegħda.

Aktar tard, John qal li hekk kif huwa temm it-talba tiegħu, huwa ħass bħal qawwa kbira fih. Huwa reġa’ kompla tiela’ l-ħabel b’ ċerta ħeffa. Meta huwa wasal fuq il-gverta, beda jieħu n-nifs normali mingħajr problemi. Huwa ngħata l-barkiet ta’ aktar saħħa u stamina skont il-wegħda li kien hemm fil-Kelma tal-Għerf. Imbagħad huwa rringrazzja lil Missiernu tas-Smewwiet, u kompla jagħmel dan tul il-kumplament ta’ ħajtu talli kien sema’ t-talba imminenti tiegħu u tah l-għajnuna li kien jeħtieġ.2

L-aħwa, jalla aħna nieħdu ħsieb ta’ ġisimna u ta’ moħħna billi nosservaw il-prinċipji li nsibu fil-Kelma tal-Għerf, pjan ipprovdut lilna b’ mod divin. B’ qalbi kollha u ruħi kollha, jiena nixhed dwar il-barkiet glorjużi li hemm jistennewna hekk kif nagħmlu dan. Li jkun dan, hija t-talba tiegħi f’ isem il-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Doctrine and Covenants 89:18–21.

  2. Ara John A. Larsen, in Robert C. Freeman and Dennis A. Wright, comps., Saints at War: Experiences of Latter-day Saints in World War II (2001), 350–51; użat bil-permess.