2010-2019
“Jiena se Nqajjem Bassâr Magħżul”
Ottubru 2016


“Jiena se Nqajjem Bassâr Magħżul”

Peress li Joseph kien profeta, aħna għandna ferm aktar minn tieqa fis-sema—għandna aċċess sħiħ għall-barkiet kollha tal-eternità.

Meta Moroni mar iżur għall-ewwel darba lil Joseph Smith, huwa widdeb li “isem Joseph kien se jissemma kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin fost il-ġnus kollha.”1 Aħna rajna din il-profezija tiġi fis-seħħ. Fil-gwerra ta’ bejn it-tajjeb u l-ħażin, ir-Restawrazzjoni tal-evanġelju permezz tal-Profeta Joseph Smith ispirat kemm lil dawk il-fidili li mxew warajh kif ukoll ipprovokat lill-avversarji li jinsabu jiġġieldu b’ qilla kontra l-kawża ta’ Sijon u kontra l-istess Joseph. Il-battalja mhux waħda ġdida. Hija bdiet ftit wara li t-tfajjel Joseph daħal fil-Masġar Sagru u għadha għaddejja llum b’ qawwa akbar fuq l-internet.

Il-Mulej personalment iddikjara lil Joseph Smith:

“It-trufijiet tad-dinja se jistaqsu dwarek, u nies boloh se jwaqqgħuk għaċ-ċajt, u l-infern se jqum kontra tiegħek;

“Filwaqt li dawk ta’ qalbhom pura, l-għaqlin, u n-nobbli u l-virtużi, se jfittxu li jiksbu kontinwament il-kunsill, l-awtorità u l-barkiet li tista’ tagħti int.”2

Illum jiena noffri t-testimonjanza tiegħi lil dawk kollha li qed ifittxu biex jifhmu aħjar il-missjoni sagra ta’ Joseph Smith Jr., il-Profeta tar-Restawrazzjoni.

Neħtieġu li ma nkunux timidi meta niġu biex nixhdu dwar il-missjoni ta’ Joseph bħala profeta, bassâr u rivelatur, għaliex il-Mulej dejjem ħadem permezz tal-profeti.3 Minħabba ċerti veritajiet li ġew irrestawrati permezz ta’ Joseph Smith, aħna nafu ferm aktar dwar Missierna tas-Smewwiet u s-Salvatur Ġesù Kristu. Aħna nafu dwar il-kwalitajiet divini Tagħhom, ir-relazzjoni ta’ bejniethom u magħna u l-pjan kbir ta’ fidwa li jagħtina ċ-ċans nerġgħu lura fil-preżenza Tagħhom.

Dwar Joseph, il-President Brigham Young iddikjara: “Sar digriet fil-kunsilli tal-eternità, żmien twil qabel twaqqfu s-sisien tad-dinja, li huwa għandu jkun il-bniedem, fl-aħħar dispensazzjoni ta’ din id-dinja, biex iwassal il-kelma ta’ Alla lin-nies u jirċievi l-milja tal-imfietaħ u l-qawwa tas-Saċerdozju ta’ Iben Alla. Il-Mulej kellu għajnejh fuqu … għaliex huwa ġie ordnat fl-eternità minn qabel it-twelid biex jippresidi fuq din l-aħħar dispensazzjoni.”4

Bi tħejjija għal din il-ħidma kbira, Joseph Smith twieled ġo familja twajba li kienet tħabbat wiċċha mal-bosta diffikultajiet u sfidi tal-ħajja ta’ kuljum. Hekk kif Joseph beda jimmatura, is-sentimenti tiegħu lejn Alla “kienu mill-aktar profondi u ħafna drabi ta’ tqanqil il-qalb,”5 madankollu huwa kien konfuż minħabba l-ideat reliġjużi konfliġġenti li kienu qed jiġu mgħallma mill-predikaturi ta’ żmienu. Fortunatament, it-tfajjel Joseph ma ħalliex il-mistoqsijiet jipparalizzawlu l-fidi tiegħu. Huwa fittex biex it-tweġibiet tiegħu jiġu mweġbin permezz tal-Bibbja u fiha sab dan il-kunsill: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’ id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu”6

Joseph kiteb: “L-ebda passaġġ ieħor mill-iskrittura qatt ma ppenetra qalb il-bniedem b’ daqstant qawwa daqs kemm ippenetra qalbi dan f’ dak il-mument. Ħassejtu bħallikieku laqat b’ forza mill-aktar kbira kull sentiment li kelli f’ qalbi. Jiena bqajt nirrifletti għal ħin twil dwaru.”7

B’ fidi sempliċi, Joseph aġixxa skont dawn is-sentimenti spiritwali. Huwa sab post imwarrab, niżel għarkupptejh, “u beda joffri x-xewqat ta’ qalbu lil Alla.”8 Hemm qawwa kbira fid-deskrizzjoni ta’ Joseph dwar dak li ġara:

“Rajt kolonna ta’ dawl wieqfa eżatt fuq rasi, tiddi aktar mill-qawwa tax-xemx, u bdiet nieżla ’l isfel sakemm niżlet fuqi.

“… Meta d-dawl waqaf fuqi jiena rajt żewġ Personaġġi weqfin fuqi fl-arja, li d-dija u l-glorja tagħhom diffiċli tiddeskriviha. “Wieħed minnhom kellimni, sejjaħli b’ ismi u, filwaqt li wera b’ sebgħu lill-ieħor, qal—Dan hu Ibni l-Għażiż. Isimgħu!9

Joseph Smith ra lil Alla, l-Missier Etern u lil Ġesù Kristu, is-Salvatur u l-Feddej tad-dinja. Din kienet l- Ewwel Viżjoni ta’ Joseph. Fi snin ta’ wara, Joseph ittraduċa l-Ktieb ta’ Mormon bid-don u l-qawwa ta’ Alla. Żaruh ukoll numru ta’ esseri oħra mis-smewwiet, li rrestawraw ċerti veritajiet u awtorità li kienu ilhom mitlufin għal sekli sħaħ. Din il-komunikazzjoni divina ma’ Joseph Smith pprovditilna aċċess għat-twieqi tas-sema u l-glorji tal-eternità. Il-ħajja ta’ Joseph hija testimonjanza li jekk xi ħadd minna jonqsu l-għerf, għandu jitlob bil-fidi lil Alla u jirċievi tweġiba għal talbu—xi kultant permezz ta’ esseri mis-smewwiet iżda ħafna drabi permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li jkellimna permezz ta’ ħsibijiet u ta’ sentimenti spirati.10 Huwa biss permezz tal-Ispirtu s-Santu li aħna nistgħu nkunu “nafu l-verità ta’ kollox.”11

Għal ħafna minna, nibdew niksbu testimonjanza tal-Profeta Joseph Smith hekk kif aħna naqraw il-Ktieb ta’ Mormon. Jiena qrajt għall-ewwel darba l-Ktieb ta’ Mormon minn qoxra sa qoxra meta bħala student żagħżugħ kont nattendi kmieni kmieni filgħodu s-seminarju. Bl-immaġinazzjoni mill-aktar immaġinattiva li kelli, jiena ddeċidejt li naqra bħallikieku jiena kont Joseph Smith, li kont qed niskopri l-veritajiet tal-Ktieb ta’ Mormon għall-ewwel darba. Dan tant ħalla impatt fuq ħajti li jiena komplejt naqra l-Ktieb ta’ Mormon bl-istess mod. Ħafna drabi nsib li hekk kif nagħmel dan jikber ferm l-apprezzament tiegħi lejn il-Profeta Joseph u lejn il-veritajiet irrestawrati f’ dan il-ktieb prezzjuż.

Per eżempju, immaġinaw is-sentimenti ta’ Joseph hekk kif huwa ttraduċa l-passaġġi dwar il-magħmudija għall-maħfra tad-dnubiet. Joseph, li ġie mwissi sabiex ma jingħaqad mal-ebda knisja li kienet teżisti dak iż-żmien, naturalment kellu bosta mistoqsijiet dwar din l-ordinanza tas-salvazzjoni. Il-mistoqsijiet tiegħu wassluh, għal darb’oħra, biex imur jitlob, u t-talba tiegħu wasslet għaż-żjara ta’ Ġwanni l-Battista, li rrestawra s-Saċerdozju Aroniku u l-awtorità biex wieħed jgħammed.12

Jew ikkunsidraw kif seta’ ħassu Joseph meta sar jaf għall-ewwel darba li Ġesù Kristu kien żar in-nies tal-Emisfera tal-Punent—li Huwa għallimhom, talab għalihom, fejjaq il-morda, bierek lit-tfal tagħhom, tahom l-awtorità tas-saċerdozju u amministralhom is-sagrament.13 Jista’ jkun li Joseph dak iż-żmien ma kienx irrealizza li dak li huwa tgħallem dwar l-ordinanzi u l-organizzazzjoni tal-Knisja tal-qedem ta’ Kristu kien ħejjieh biex aktar tard huwa jassisti lill-Mulej jirrestawra dik l-istess Knisja fid-dinja.

Matul it-traduzzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon, Joseph u martu Emma esperjenzaw il-mewt tat-tifel ċkejken tagħhom. F’ dawk iż-żminijiet kienet ħaġa komuni li l-predikaturi jgħallmu li t-tfal li kienu jmutu mingħajr ma jitgħammdu kienu se jiġu kkundannati għal dejjem. Huwa u jikkunsidra dan, immaġinaw kif seta’ ħassu Joseph hekk kif huwa ttraduċa dan il-kliem li ġej mill-profeta Mormon: “It-tfal iż-żgħar m’għandhomx bżonn tal-indiema, u lanqas tal-magħmudija. … Għaliex it-tfal iż-żgħar huma ħajjin fi Kristu, sewwasew mis-sisien tad-dinja.”14

Jista’ jkun li l-aktar passaġġ sorprendenti għaż-żagħżugħ Joseph fil-Ktieb ta’ Mormon kien it- tielet kapitlu ta’ 2 Nephi. Ġo dan il-kapitlu nsibu l-profezija tal-qedem dwar “bassâr magħżul” li l-Mulej kien se jqajjem fl-aħħar jiem—bassâr jismu Joseph, imsemmi wara missieru. Dan il-profeta futur se jkun “bniedem kbir” u se jwettaq ħidma “imprezzabbli” qalb il-poplu tiegħu. Huwa se jkun “setgħan bħal Mosè” u se jingħata “l-qawwa li jwassal il-kelma ta’ Alla.”15 Ikkunsidraw kif seta’ ħassu Joseph Smith hekk kif irrealizza li din il-profezija kienet dwaru! Huwa ma kienx biss qiegħed jittraduċi l-istorja; huwa kien qed jittraduċi viżjoni tal-aħħar jiem, tar-Restawrazzjoni mirakoluża tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu—u Joseph innifsu kien se jgħin biex din tiġi fis-seħħ!

Illum, kważi 200 sena wara, faċli naraw kif ġiet fis-seħħ din il-profezija. Aħna nafu dwar il-ħwejjeġ kbar li wettaq Joseph bħala l-profeta tal-Mulej. Iżda ftakru li meta Joseph ittraduċa din il-profezija, hu kien għadu wettaq ftit biss mill-ħwejjeġ li kienu bassru l-profeti. Kien għadu żagħżugħ li ma kienx ilu wisq li għalaq l-għoxrin. Il-Knisja kienet għadha ma ġietx organizzata. La kien hemm oqsma jew fergħat, la missjunarji u lanqas tempji. Ftit li xejn kienu dawk li kienu semgħu b’ Joseph Smith, u wħud minn dawk li kienu semgħu bih kienu qed jopponuh b’ mod attiv. Issa araw il-ħidma kbira li l-Mulej ġab fis-seħħ permezz tal-qaddej tiegħu Joseph, minkejja l-oppożizzjoni li kellu kontrih. It-twettiq ta’ din il-profezija mhijiex evidenza impressjonanti tas-sejħa profetika ta’ Joseph Smith?

Għal dawk li jiddubitaw it-testimonjanza tagħhom ta’ Joseph Smith jew qed iħossuhom imħawdin minħabba xi informazzjoni żbaljata, li tqarraq jew superfiċjali dwar il-ħajja u l-ministeru tiegħu, nistedinkom biex tikkunsidraw il-frott—il-ħafna barkiet li aħna ksibna permezz tal-missjoni mirakoluża ta’ Joseph Smith, il-Profeta tar-Restawrazzjoni.

Peress li Joseph kien profeta, ir-rivelazzjonijiet u l-profeti m’għadhomx xi ħaġa tal-passat. “Żmien il-mirakli”—żmien il-viżjonijiet, il-fejqan, u l-qadi tal-anġli—għadu magħna.16

Peress li Joseph kien profeta, ilkoll kemm aħna għandna aċċess għall-qawwa u l-barkiet tas-saċerdozju mqaddes, fosthom il-magħmudija, id-don tal-Ispirtu s-Santu u s-sagrament.

Peress li Joseph kien profeta, aħna għandna l-barkiet u l-ordinanzi tat-tempju li jgħaqqduna ma’ Alla, iwassluna biex aħna nkunu l-poplu Tiegħu, u juruna “il-qawwa tad-divinità,” u jagħmluha possibbli li xi darba aħna “naraw wiċċ Alla, sewwasew il-Missier, u ngħixu.”17

Peress li Joseph kien profeta, aħna nafu li ż-żwieġ u l-familja huma parti essenzjali mill-pjan ta’ Alla għall-ferħ tagħna. Aħna nafu li permezz tal-ordinanzi u l-patti tat-tempju, ir-relazzjonijiet fil-familja tagħna li tant ngħożżu jistgħu jibqgħu għall-eternità.

Peress li Joseph kien profeta, aħna għandna ferm aktar minn tieqa fis-sema—għandna aċċess sħiħ għall-barkiet kollha tal-eternità. Aħna nistgħu nkunu nafu lil “Alla veru, u lil Ġesù Kristu, li Huwa bagħat.”18 Il-ħajja eterna tista’ tkun tagħna.

Fuq kollox, peress li Joseph kien profeta, aħna għandna diversi xhieda, diversi testimonjanzi, li Ġesù Kristu hu l-Iben t’Alla u s-Salvatur tad-dinja. Aħna għandna katina kontinwa ta’ xhieda speċjali ta’ Ġesù Kristu, fosthom il-profeta tagħna llum, il-President Thomas S. Monson; il-kunsillieri fl-Ewwel Presidenza; u l-membri tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Max-xhieda tagħhom, jiena nżid it-testimonjanza umli iżda ċerta tiegħi: Ġesù Kristu jgħix u jmexxi l-Knisja Tiegħu. Joseph Smith kien u għadu l-Profeta tar-Restawrazzjoni. Is-saċerdozju u l-awtorità ta’ Alla reġgħu jinsabu fid-dinja. Li aħna niddikjaraw mingħajr biża’ x-xhieda tagħna u l-gratitudni tagħna dwar dan il-profeta, bassâr u rivelatur mill-aqwa tal-Mulej, hija t-talba tiegħi fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen