2010-2019
Alla Jixxotta Kull Demgħa
Ottubru 2016


Alla Jixxottalna Kull Demgħa

Hekk kif aħna neżerċitaw il-fidi tagħna fis-Salvatur, Huwa jerfagħna ‘l fuq u jġorrna waqt l-isfidi li aħna ngħaddu minnhom u, ultimament, isalvana fis-saltna ċelestjali.

Bħala parti mill-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet, huwa ppermetta li n-niket ikun parti mill-esperjenza mortali tagħna.1 Filwaqt li jidher li mhux kollha kemm aħna nesperjenzaw f’ ħajjitna l-istess ammont ta’ provi diffiċli, m’ għandu jkollna l-ebda dubju li xi ftit jew wisq ilkoll kemm aħna nesperjenzaw is-sofferenza u t-taqbid f’ ħajjitna. Jien nitlob li l-Ispirtu s-Santu jiggwidana sabiex aħna niksbu għarfien akbar għaliex fil-fatt jeħtieġ li jseħħ dan.

Meta aħna nħarsu lejn l-esperjenzi diffiċli tal-ħajja permezz tal-lenti tal-fidi fi Kristu, aħna nkunu nistgħu naraw li fil-fatt fis-sofferenza tagħna jeżisti għan divin. Il-fidili jistgħu jesperjenzaw il-verità tal-kunsill ta’ Pietru, kunsill li jaf jidher xi ftit kontradittorju. Huwa kiteb, “Jekk stess tbatu minħabba s-sewwa, henjin intom.”2 Hekk kif aħna nħallu “moħħna jifhem sewwa,”3 aħna nistgħu nikbru fl-abbiltà li nikkumbattu b’ kuraġġ l-isfidi tagħna kif ukoll nitgħallmu—u niġu rraffinati—minnhom. Dan l-għarfien jipprovdi tweġiba għall-mistoqsija eterna “Għalfejn nies twajba jkollhom jgħaddu minn tant sofferenza f’ ħajjithom?”

Kull persuna li qed tismagħni llum taf, xi ftit jew wisq, x’ jiġifieri s-solitudni, id-disprament, in-niket, l-uġigħ u d-dulur. Mingħajr  “l-għajn tal-fidi”4 u l-għarfien tal-verità eterna, il-miżerja u s-sofferenza li bosta drabi jakkumpanjawna fil-mortalità jistgħu joskuraw il-ferħ etern li jista’ jkollna meta aħna niksbu l-għarfien li l-pjan kbir ta’ Missierna fis-Smewwiet verament huwa il-pjan etern ta’ ferħ. M’hawnx mod ieħor kif nistgħu nirċievu  il-milja tal-ferħ.5

Alla jistedinna biex inwieġbu b’ fidi għas-sofferenza unika tagħna biex b’hekk inkunu nistgħu ngawdu mill-barkiet Tiegħu u niksbu għarfien li ma nistgħu nitgħallmu bl-ebda mod ieħor. Aħna ġejna mgħallmin biex f’ kull kundizzjoni u ċirkustanza aħna nżommu l-kmandamenti għaliex “dak li hu fidil fi żmien ta’ prova, il-premju tiegħu huwa akbar fis-saltna tas-smewwiet.”6 Hekk kif aħna naqraw fl-iskrittura, “Jekk inti tinsab imnikket, offri talbek lill-Mulej Alla tiegħek, sabiex ruħek timtela bil-ferħ.”7

L-Appostlu Pawlu, li żgur li esperjenza bosta sofferenza f’ ħajtu, ħa vantaġġ mill-istess esperjenza tiegħu biex jgħallem b’ ċerta profondità u sbuħija l-perspettiva eterna li aħna niksbu meta nibqgħu nirreżistu b’ kuraġġ u bil-paċenzja. Huwa qal, “Id-daqsxejn ta’ tbatija tagħna ta’ issa tħejjilna kobor ta’ glorja bla qjies għal dejjem.”8 Fi kliem ieħor, aħna nistgħu nkunu nafu f’ nofs is-sofferenza tagħna li Alla pprovdielna premju etern bħala kumpens.

L-abbiltà ta’ Pawlu li jitkellem dwar il-provi, il-persekuzzjoni u n-niket ta’ ħajtu bħala “id-daqsxejn ta’ tbatija” jafu jwasslu idea falza dwar is-severità tas-sofferenza li għadda minnha, li fil-kas tiegħu nbelgħet mill-perspettiva eterna tal-evanġelju. Il-fidi ta’  Pawlu f’ Ġesù Kristu tgħinna niffaċċjaw kull ħaġa b’ kalma. Ħames darbiet huwa ġie msawwat, tliet darbiet ġie mogħti bil-virga; darba ġie mħaġġar, tliet darbiet il-vapur li kien fuqu spiċċa biex inkalja; ħafna drabi huwa kien jinsab viċin il-mewt minħabba għarqa, ħallelin u saħansitra minħabba ħbieb foloz; huwa sofra l-għeja u l-uġigħ, il-ġuħ u l-għatx u ġie mitfuħ għarwien il-ħabs fil-kesħa.9

Ħafna minna tlabna b’ ħerqa lil Alla biex Huwa jneħħi l-kawża tas-sofferenza tagħna, u meta aħna ma ksibniex l-għajnuna li kollna qed infittxu, aħna waqajna fit-tentazzjoni li naħsbu li Huwa mhux qed jisma’ talbna. Jiena nixhed li, anke f’ dawk il-mumenti, Huwa jisma’ talbna, Hu għandu raġuni għaliex jippermetti li aħna nkomplu nsofru,10 u jgħinna nġorru s-sofferenza tagħna b’ kuraġġ.11

F’ passaġġ mill-aktar intimu u riflessiv, Pawlu jkellimna dwar “xewka” f’ ġismu, li huwa ma jispjegax x’inhi, li kkawżatlu uġigħ kbir u wasslitu biex jinżel tliet darbiet għarkupptejh jitlob b’ ħerqa lill-Mulej biex jeħilsu minnha. Bi tweġiba għat-talba ta’ Pawlu, il-Mulej ma neħħilux ix-xewka li huwa kellu iżda Huwa mlielu qalbu bil-paċi u l-għarfien, fejn qallu, “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.” B’ għarfien ġdid, Pawlu kien kapaċi jaċċetta u jħossu grat għax-xewka li ġie mogħti. Huwa qal, “Għalhekk niftaħar … bid-debbulizzi tiegħi biex il-qawwa ta’ Kristu tgħammar fija.”12

Hekk kif aħna niksbu din il-perspettiva eterna f’ ħajjitna, il-kapaċità tagħna li niffaċċjaw l-isfidi f’ ħajjitna tikber, aħna nitgħallmu kif ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn,13 u nitgħallmu napprezzaw u saħansitra nesprimu l-gratitudni tagħna  għall-esperjenzi li Alla jippermetti li ngħaddu minnhom biex jgħallmuna fil-vjaġġ tagħna lejn il-ħajja eterna.

Meta aħna nsibu rwieħna qed nissieltu qalb it-tribulazzjoni, jaf ikun diffiċli li aħna nħarsu lejn l-isfidi tagħna bħala sinjali li nkunu ninsabu mexjin fit-triq il-ġusta, it-triq li fiha jimxu d-dixxipli tal-Mulej. Iżda, kemm jekk insibu rwieħna mexjin fil-wied mudlam tad-disperazzjoni jew inkella nkunu ninsabu għaddejjin minn żmien ta’ ferħ kbir, taf tkun verament barka għalina li aħna nitgħallmu u nħossu fina kompassjoni għas-sofferenza ta’ ħaddieħor.

Riċentiment, waqt li jien kont qed nattendi konferenza tal-wited ġewwa l-Filippini, ħassejt qalbi trid tinqasam hekk kif sirt naf bl-esperjenza traġika ta’ Brother Daniel Apilado. Brother Apilado u martu tgħammdu fl-1974. Huma ħaddnu l-evanġelju rrestawrat u ġew issiġillati ġewwa t-tempju. Wara, huma ġew imberkin b’ ħamest itfal meraviljużi. Fis-7 ta’ Lulju, 1997, meta Brother Apilado kien qed iservi bħala l-president tal-wited, id-dar żgħira tagħhom inħakmet minn nirien. It-tifel il-kbir ta’ Brother Apilado, Michael, salva lil missieru, ħarġu ‘l barra mill-bini li kien qed jaqbad, imbagħad reġa’ daħal jiġri fid-dar biex isalva lill-oħrajn. Din kienet l-aħħar darba li Brother Apilado ra lil ibnu ħaj. Dominga, il-mara ta’ Brother Apilado, u l-ħamest itfal tagħhom mietu kollha fin-nirien.

Il-fatt li meta faqqgħet din it-traġedja Brother Apilado kien qed jgħix ħajja li togħġob lil Alla xorta waħda ma żammitx din it-traġedja milli sseħħ jew inkella żammitu milli, wara dak li ġara, iħossu mnikket. Iżda l- fedeltà tiegħu li jżomm il-patti tiegħu u jeżerċita l-fidi tiegħu fi Kristu wasslitu biex iħossu ċert mill-wegħda li hu kien se jerġa’ jingħaqad mill-ġdid ma’ martu u mal-familja tiegħu. Din it-tama saret għalih l-ankra ta’ ruħu.14

Tul iż-żjara tiegħi, Brother Apilado, li llum huwa patrijarka tal-wited, introduċieni mal-mara ġdida tiegħu, Simonette, u ż-żewġ uliedhom subien, Raphael u Danjel. Verament, Ġesù Kristu jista’ u fil-fatt se “ifarraġ lill-imnikktin.”15

Hekk kif kont qed naqsam magħkom l-istorja ta’ Brother Apilado, inkwetajt xi ftit li l-enormità tat-telfa tiegħu taf twassal biex ħafna jaħsbu li d-dulur u s-sofferenza tagħhom mhumiex daqstant kbar meta mqabbla ma’ tiegħu. Jekk jogħġobkom tqabblux ruħkom ma’ ħaddieħor, iżda fittxu li titgħallmu u tapplikaw ċerti prinċipji eterni hekk kif intom tkunu tinsabu għaddejin mill-forn tan-niket tagħkom.

Jekk tippermettuli nkellimkom individwalment—“intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,”16—ippermettuli nissuġġerixxi li Missierna tas-Smewwiet u Ibnu huma konxji mit-taqbid personali tagħkom—minn kull niket, uġigħ, tribulazzjoni u sofferenza li intom issofru individwalment. Agħmlu kuraġġ! Żommu l-fidi! U emmnu fil-wegħdiet ta’ Alla!

L-għan u l-missjoni ta’ Ġesù Kristu jinkludu fihom li Huwa “jieħu fuqu l-uġigħ u l-mard tal-poplu tiegħu,” li “jieħu fuqu s-sofferenza tagħhom,” u “jgħin lin-nies tiegħu skont is-sofferenza tagħhom.”17

Biex aħna nirċievu l-milja ta’ dawn ir-rigali li s-Salvatur tagħna offra minn jeddu għalina, aħna lkoll għandna nitgħallmu li s-sofferenza fiha nnifisha ma twassalx biex aħna nitgħallmu jew biex toffrilna xi ħaġa ta’ valur dejjiemi sakemm aħna deliberatament ma ninvolvux ruħna fil-proċess li nitgħallmu mis-sofferenza tagħna jekk aħna neżerċitaw il-fidi.

Il-Presbiteru Neal A. Maxwell darba waħda qasam magħna dak li huwa tgħallem mis-sofferenza, li għaraf l-għan tagħha, permezz ta’ dan il-kliem:

“Ċerti forom ta’ sofferenza, jekk nirreżistuhom b’ kuraġġ, jistgħu fil-fatt iwassluna biex insiru nies aktar nobbli. …

… Parti minn dir-reżistenza ta’ kuraġġ tikkonsisti li aħna nkunu umli biżżejjed, f’ nofs is-sofferenza tagħna, li nitgħallmu mill-esperjenzi relevanti tagħna. Aktar milli sempliċiment jirnexxilna ngħaddu minn dawn il-ħwejjeġ, jeħtieġ li huma jgħaddu minna … b’ modi li jqaddsuna.”18

Jiena osservajt f’ ħajti u fil-ħajja u l-eżempju tal-oħrajn, li jekk aħna neżerċitaw fidi qawwija u soda f’ Ġesù Kristu u fil-wegħdiet Tiegħu, aħna nimtlew bit-tama ċerta li aħna għad nesperjenzaw żmien aħjar. Din it-tama ċerta tissodana, tagħtina l-qawwa u s-saħħa li nkunu neħtieġu biex nibqgħu għaddejin.19 Meta aħna nifhmu r-relazzjoni li teżisti bejn is-sofferenza tagħna u l-assigurazzjoni li hemm fil-għan tal-mortalità tagħna u b’ mod aktar speċifiku fil-premju li hemm jistennina fis-smewwiet, il-fidi tagħna fi Kristu tikber u aħna nirċievu l-faraġ f’ ruħna.

Imbagħad fi tmien il-mina, aħna nkunu nistgħu naraw id-dawl. I-Presbiteru Jeffrey R. Holland għallem: “Verament hemm id-dawl fi tmien il-mina. Huwa d-Dawl tad-Dinja, il-Kewkba Tiddi tal-Għodwa, id-‘dawl li huwa bla tmiem, li qatt ma jista’ jintefa’ [Mosiah 16:9]. Dan id-dawl hu sewwasew Iben Alla.”20

Nistgħu nimtlew bil-qawwa għax nafu li l-esperjenzi diffiċli f’ din il-ħajja huma biss temporali; anke l-aktar iljieli mudlama għad jisbħu f’ għodwa għall-fidili.

Meta kollox jintemm, u aħna nkunu ssapportejna kollox b’ fidi f’ Ġesù Kristu, aħna ġejna mwiegħda li “Alla jixxotta kull demgħa minn għajnejna.”21

Jiena nixhed li Alla Missierna u Ibnu, Ġesù Kristu, jgħixu u li Huma jżommu l-wegħdiet Tagħhom. Jiena nixhed li s-Salvatur innifsu jistedinna lkoll biex immorru u ngawdu mill-Att tal-Fidwa Tiegħu. Hekk kif aħna neżerċitaw il-fidi tagħna fih, Huwa jerfagħna ‘l fuq u jġorrna waqt l-isfidi li ngħaddu minnhom u, ultimament, isalvana fis-saltna ċelestjali. Ippermettuli nistedinkom biex tersqu lejn Kristu, b’ kuraġġ tibqgħu għaddejjin b’ fidi, tiġu pperfezzjonati permezz Tiegħu, u tesperjenzaw ferħ perfett fih. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.