2010-2019
L-Imħallef Ġust
Ottubru 2016


L-Imħallef Ġust

Hemm mod wieħed biss kif aħna nistgħu niġġudikaw skont is-sewwa, kif jagħmel Ġesù Kristu, u dan hu li nkunu bħalu.

Fil-ħajja mortali Tiegħu, Ġesù Kristu kien imħallef mimli mħabba, u b’ għaqal u paċenzja mill-aktar rari. Huwa magħruf fl-iskrittura bħala “l-imħallef ġust” (2 Timotju 4:8; Moses 6:57), u l-kunsill Tiegħu għalina huwa sabiex aħna wkoll “niġġudikaw skont is-sewwa” (ara Joseph Smith Translation, Matthew 7:1–2 [f’ Mattew 7:1, nota f’ qiegħ il-paġna a]) u “nafdaw f’ dak l-Ispirtu li jwassalna biex nagħmlu s-sewwa … u niġġudikaw b’ mod ġust” (D&C 11:12).

Dan il-kunsill li ġie mogħti lit-Tnax in-Nefita jgħinna niġġudikaw kif jiġġudika l-Mulej: “Intom għandkom tkunu mħallfin ta’ dan il-poplu, skont il-ġudizzju li se nagħtikom, li se jkun wieħed ġust. Għalhekk, x’ tip ta’ bnedmin għandkom tkunu? Fis-sewwa ngħidilkom, sewwasew kif jien jien” (3 Nephi 27:27; enfażi miżjuda). Xi kultant aħna ninsew li meta Huwa ta l-kunsill biex aħna nkunu bħalu, dak kien fil-kuntest ta’ kif għandna niġġudikaw skont is-sewwa.

Niġġudikaw b’ Mod Inġust

Immaġni
Is-Salvatur flimkien mal-Fariżej u l-kittieba

Eżempju ta’ għajb ta’ meta wieħed jiġġudika b’ mod inġust narawh fil-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa, meta l-Fariżej u l-kittieba ġġudikaw b’ mod inġust kemm lis-Salvatur kif ukoll lil dawk li kien qed jiekol magħhom, fejn qalu, “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom” (Luqa 15:2)—huma kienu qed jinjoraw il-fatt li huma stess kienu midinbin. Għaliex kien hemm l-ispirtu tal-kundanna f’ qalbhom, il-kittieba u l-Fariżej qatt ma setgħu jesperjenzaw il-ferħ li jinħass meta nagħġa l-mitlufa tiġi salvata.

Immaġni
Is-Salvatur flimkien ma’ mara li kienet inqabdet f’ adulterju

Kienu wkoll “il-kittieba u l-Fariżej” li ħadu quddiem is-Salvatur “waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju” (Ġwanni 8:3) biex jaraw jekk Huwa kienx se jiġġudikaha skont il-liġi ta’ Mosè (ara vers 5). Il-kumplament tal-istorja tafuh, kif Hu wassalhom biex jumiljaw ruħhom minħabba l-mod inġust kif huma ġġudikaw u kif kienet “l-istess kuxjenza tagħhom li ġġudikathom” u kif telqu minn ħdejh “wieħed wara l-ieħor” (vers 9; enfażi miżjuda). Imbagħad Huwa qal lill-mara, “Mela anqas jien ma nikkundannak; mur, u mil-lum ‘il quddiem tidnibx iżjed. U minn dak il-ħin il-mara faħħret lil Alla, u emmnet f’ ismu” (Joseph Smith Translation, Ġwanni 8:11 [f’ Ġwanni 8:11, nota f’ qiegħ il-paġna c]).

Immaġni
Is-Salvatur jitkellem ma’ mara li kienet inqabdet f’ adulterju

Il-bniedem naturali ġo kull wieħed u waħda minna għandu tendenza li jikkundanna lill-oħrajn u jiġġudika b’ mod inġust, jew jaħseb li hu aħjar minn ħaddieħor. Dan saħansitra kien ġara lil Ġakbu u Ġwanni, tnejn mill-Appostli tas-Salvatur. Huma kienu rrabjati ħafna meta n-nies minn raħal Samaritan ma wrewx rispett lejn is-Salvatur (ara Luqa 9:51–54):

Immaġni
Is-Salvatur mad-dixxipli

“Meta raw dan, huma qalulu, Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom, kif għamel Elijas?

“Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom, u qalilhom, intom ma tafux minn liema spirtu magħmulin.

“Għax Bin il-Bniedem ma ġiex biex jeqred il-ħajja tal-bnedmin, iżda biex isalvahom” (versi 54–56).

L-“imħallfin ġenerali” (D&C 107:74) fi żmienna, l-isqfijiet u l-presidenti tal-fergħa, għandhom jevitaw l-istess xewqa li jista’ jkollhom li jikkundannaw, kif għamlu Ġakbu u Ġwanni f’ dik l-okkażżjoni. Imħallef ġust għandu jkun lest li jifhem u jwieġeb b’ kompassjoni meta xi ħadd imur jistqarr għemilu miegħu. Wieħed żagħżugħ, per eżempju, għandu joħroġ mill-uffiċċju tal-isqof iħossu mimli bl-imħabba tas-Salvatur permezz tal-isqof u jħossu mimli bil-ferħ u l-qawwa tal-fejqan tal-Att tal-Fidwa—u mhux iħossu mbarazzat jew imkażbar. Għax jekk ma jagħmilx hekk, l-isqof jaf jispiċċa mingħajr ma jrid iressaq aktar lin-nagħaġ il-mitlufa lejn id-deżert (ara Luqa 15:4).

Dixxiplina

Madankollu, il-kompassjoni ma tneħħix il-bżonn tad-dixxiplina. Il-kelma dixxiplina ġejja mill-kelma Latina discere, “li titgħallem,” jew discipulus, “wieħed li jitgħallem,” fejn wieħed dixxiplu jsir fil-fatt student li jimxi wara l-għalliem tiegħu.1 Li tiddixxiplina bil-mod kif irid il-Mulej ifisser li tgħallem bl-imħabba u l-paċenzja. Ħafna drabi fl-iskrittura l-Mulej juża l-kelma jikkastiga meta jitkellem dwar id-dixxiplina (ara, per eżempju, Mosiah 23:21; D&C 95:1). Il-kelma jikkastiga ġejja mill-kelma Latina castus, li tfisser “kast jew safi,” u jikkastiga tfisser “isaffi.”2

Fid-dinja, huwa mħallef tad-dinja li jikkundanna lil xi ħadd u jaqflu ġewwa ħabs. B’ kuntrast għal dan, il-Ktieb ta’ Mormon jgħallimna li meta aħna nidinbu minn rajna, “l-imħallfin tagħna” nkunu aħna stess (Alma 41:7) u nikkundannaw lilna nfusna għall-ħabs spiritwali. Ironikament, l-imħallef ġenerali f’ dan il-kas iħaddan l-imfietaħ li permezz tagħhom jiftaħ il-bibien tal-ħabs; “għaliex permezz tal-kastig jiena nħejji triq għall- ħelsien tagħhom minn kull ħaġa li hi ta’ tentazzjoni għalihom” (D&C 95:1; enfażi miżjuda). Il-proċeduri ta’ mħallef ġust huma li l-ħniena, l-imħabba u l-fidwa u mhux il-kundanna.

Iż-żagħżugħ Joseph Smith kien ġie ddixxiplinat bi prova ta’ erba’ snin qabel huwa ġie mogħti l-pjanċi tad-deheb, “għaliex inti ma żammejtx il-kmandamenti tal-Mulej.”3 Aktar tard, meta Joseph tilef il-manuskritt magħmul minn 116-il paġna, huwa reġa’ ġie ddixxiplinat. Għalkemm Joseph kien nidem verament minn għemilu, il-Mulej xorta waħda ċaħħdu mill-privileġġi li kellu għal żmien qasir għaliex “lil dawk li nħobb jiena nikkastiga sabiex dnubiethom ikunu maħfurin” (D&C 95:1).

Joseph qal, “L-anġlu feraħ meta huwa tani lura l-Urim u t-Tummim u qal li Alla kien kuntent bil-fedeltà u l-umiltà tiegħi u huwa ħabbni minħabba l-penitenza tiegħi u d-diliġenza tiegħi fit-talb.”4 Peress li l-Mulej ried jgħallem lil Joseph lezzjoni li twassal għal bidla f’ qalbu, Huwa kien jeħtieġ mingħandu sagrifiċċju ta’ niket—sagrifiċċju li jkun parti essenzjali mid-dixxiplina.

Sagrifiċċju

“Fi żmien il-qedem, sagrifiċċju kien ifisser li tqaddes xi ħaġa jew lil xi ħadd,”5 li jorbot dan, b’ mod interdipendenti, mat-tifsira tal-kelma jikkastiga—“isaffi.” Bl-istess mod, f’ Iżrael tal-qedem, il-maħfra kienet tingħata meta wieħed jagħmel offerta jew sagrifiċċju minħabba d-dnub jew in-nuqqas ta’ ubbidjenza.6 Is-sagrifiċċju mhux biss “ifakkarna f’ dak is-sagrifiċċju kbir u finali” (Alma 34:14) iżda jgħin ukoll joħloq fina sens akbar ta’ gratitudni għall-Att tal-Fidwa tas-Salvatur. Nuqqas ta’ rieda min-naħa tagħna biex nagħmlu sagrifiċċju bħala parti mill-penitenza tagħna jwassal biex aħna nkunu qed ngħaddu ż-żmien jew inċekknu s-sagrifiċċju akbar ta’ Kristu għal dak l-istess dnub u nnaqqsu mill-importanza tas-sofferenza Tiegħu—sinjal kiefer ta’ ingratitudni.

Mill-banda l-oħra, permezz tal-ironija ħelwa tas-sagrifiċċju, aħna fil-fatt inkunu qed niggwadanjaw xi ħaġa ta’ valur etern—il-ħniena u l-maħfra Tiegħu u eventwalment “dak kollu li għandu l-Missier” (D&C 84:38). Bħala parti mill-proċess tal-indiema, is-sagrifiċċju jaġixxi wkoll bħala balzmu ta’ fejqan li jgħin biex minflok inħossu fina “ir-rimors tal-kuxjenza” (Alma 42:18) aħna niksbu “l-paċi tal-kuxjenza” (Mosiah 4:3). Mingħajr is-sagrifiċċju, aħna nafu nsibuha diffiċli naħfru lilna nfusna, minħabba li ġo fina jkun għadu qed ikarkar is-sens ta’ ħtija.7

Il-Ġenitur bħala l-Imħallef Ġust

Minkejja li ftit huma dawk fostna li jiġu msejħin bħala mħallfin ġenerali, il-prinċipju li niġġudikaw b’ mod ġust japplika għalina lkoll, speċjalment għall-ġenituri li kuljum għandhom l-opportunità li jużaw dawn il-prinċipji ma’ wliedhom. Li tgħallem lil uliedha b’ mod effettiv hija l-assenza vera li tagħmel minn persuna ġenitur tajjeb, u li tiddixxiplinahom b’ imħabba hija l-assenza vera li tagħmel minn persuna imħallef ġust.

Il-President Joseph F. Smith għallem, “Jekk it-tfal huma ribellużi u diffiċli tikkontrollahom, kun paċenzjuż magħhom sakemm inti tirbaħhom permezz tal-imħabba, … imbagħad inti tkun tista’ tifforma l-karattru tagħhom kif jogħġob lilek.”8

Hija ħaġa mill-aktar intuwittiva li meta l-profeti jgħallmu kif aħna għandna niddixxiplinaw, jidher li huma dejjem jirreferu għall-kwalitajiet li jixbhu lil Kristu. Mid-Duttrina u Patti naqraw dan il-parir mill-aktar magħruf dwar id-dixxiplina:

“L-ebda qawwa jew influwenza ma tista’ tinkiseb permezz tal-virtù tas-saċerdozju, tinkiseb biss permezz tal-persważjoni, tas-sabar, tal-ġentilezza u l-manswetudni, u tal-imħabba ġenwina;

“Permezz tat-tjubija u l-għarfien pur, li għandu jkabbar verament ir-ruħ mingħajr ebda ipokresija, u mingħajr ħażen—

“Ċanfar kmieni bir-reqqa, meta tħoss li għandek tagħmel dan permezz tal-Ispirtu s-Santu; u mbagħad wara uri mħabba akbar” (D&C 121:41–43).

L-iskrittura tgħallimna biex iċċanfar “meta tħoss li għandek tagħmel dan permezz tal-Ispirtu s-Santu,” mhux meta tħoss li għandek tagħmel dan permezz tar-rabja. L-Ispirtu s-Santu u r-rabja mhumiex kompatibbli flimkien għaliex “dak li għandu fih l-ispirtu tat-tilwim mhux ġej minni, iżda mix-xitan, li huwa missier it-tilwim, u huwa jqanqal qlub il-bnedmin sabiex jitlewmu bir-rabja ma’ xulxin”(3 Nephi 11:29). Il-President George Albert Smith għallem li “kliem li jweġġa’ ħafna drabi ma jingħadx meta l-bniedem ikun ispirat mill-Mulej. L-Ispirtu tal-Mulej huwa spirtu ta’ tjubija; huwa spirtu ta’ paċenzja; huwa spirtu ta’ karità, imħabba u sabar. …

“… Iżda jekk aħna għandna fina l-ispirtu li nfittxu d-difetti f’ xulxin … b’ mod distruttiv, dan qatt mhu riżultat tas-sħubija tal-Ispirtu ta’ Missierna tas-Smewwiet u jwassal biex dejjem iweġġa’ lil ħaddieħor.

“… It-tjubija hija l-qawwa li Alla tana biex permezz tagħha jrattab il-qlub iebsa u jirbaħ l-erwieħ diżubbidjenti.”9

L-Identità Vera ta’ Wliedna

Meta s-Salvatur mar iżur lin-Nefiti, Huwa għamel xi ħaġa mill-aktar straordinarja mat-tfal:

Immaġni
Is-Salvatur mat-tfal Nefiti

“U ġara li huwa għallem u amministra fost it-tfal tal-miġemgħa … , u huwa reħa lsienhom, u huma bdew jitkellmu ma’ missirijiethom dwar ħwejjeġ kbar u meraviljużi. …

“… U huma raw kif ukoll semgħu lil dawn it-tfal; iva, anke t-trabi fetħu fommhom u lissnu ħwejjeġ meraviljużi.” (3 Nephi 26:14, 16).

Jista’ jkun li aktar milli fetaħ fomm it-trabi, il-Mulej kien qed jiftaħ għajnejn u widnejn il-ġenituri mistgħaġbin tagħhom. Dawk il-ġenituri ġew mogħtijin id-don straordinarju li jaraw għal ftit ħin x’ se jkun hemm fl-eternità u jagħrfu l-identità vera u l-istatura primortali ta’ wliedhom. Ma wassalx dan biex bidel għal dejjem il-mod kif il-ġenituri bdew iħarsu lejn uliedhom u l-mod kif jittrattawhom? Verament togħġobni din il-kwotazzjoni attribwita lil Goethe: “Il-mod kif tħares lejn it-tfal huwa l-mod kif tittrattahom, u l-mod kif tittrattahom hu dak li huma għad isiru.”10 Li aħna niftakru l-identità vera tat-tfal hija fil-fatt don divin li jispira l-viżjoni ta’ mħallef ġust.

Konklużjoni

Il-President Thomas S. Monson għallimna, “Qatt tħallu problema li jeħtieġ tissolva ssir aktar importanti minn persuna li teħtieġ l-imħabba tagħkom.”11 Kemm hu importanti dan il-prinċipju biex insiru mħallfin ġusti, speċjalment mal-istess uliedna.

Hemm mod wieħed biss kif nistgħu niġġudikaw skont is-sewwa, kif jagħmel Ġesù Kristu, u dan hu li nkunu bħalu. Għalhekk, “x’ tip ta’ bnedmin għandkom tkunu? Fis-sewwa ngħidilkom, sewwasew kif jien jien”(3 Nephi 27:27). F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara “disciple,” etymonline.com.

  2. Ara Merriam-Webster’s Collegiate Dictionary, 11th ed. (2003), “chasten.”

  3. Karen Lynn Davidson u oħrajn, ed., Histories, Volum 1: Joseph Smith Histories, 1832–1844, vol. 1 of the Histories series of The Joseph Smith Papers (2012), 83.

  4. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 71; enfażi miżjuda.

  5. Guide to the Scriptures, “Sacrifice,” scriptures.lds.org.

  6. Ara Dizzjunarju tal-Bibbja, “Sacrifices.”

  7. Is-sagrifiċċju li kull ġimgħa noffru fuq l-artal tal-medja tas-sagrament huwa qalb maqsuma u spirtu sogħbien (ara 2 Nephi 2:7; 3 Nephi 9:20; Doctrine and Covenants 59:8). Qalb maqsuma hija qalb niedma; spirtu sogħbien huwa spirtu ubbidjenti (see D. Todd Christofferson, “When Thou Art Converted,” Liahona, Mejju 2004, 12).

  8. Teachings of Presidents of the Church: Joseph F. Smith (1998), 299.

  9. Teachings of Presidents of the Church: George Albert Smith (2011), 225, 226, 228; enfażi miżjuda.

  10. Attribwita lil Johann Wolfgang von Goethe, brainyquote.com.

  11. Thomas S. Monson, “Finding Joy in the Journey,” Liahona, Nov. 2008, 86.