2010-2019
Il-Barkiet li Niksbu Meta Nqimu lil Alla
Ottubru 2016


Il-Barkiet li Niksbu Meta Nqimu lil Alla

Li aħna nqimu hija ħaġa essenzjali u ċentrali għall-ħajja spiritwali tagħna. Hija xi ħaġa li għandna verament nixtiquha, infittxuha u nagħmlu li nistgħu biex nesperjenzawha.

Iż-Żjara Tiegħu

Waħda milll-aktar esperjenzi sinjifikanti u ħelwin li nsibu fl-iskrittura mqaddsa hija r-rakkont taż-żjara tas-Salvatur lin-nies fil-Kontinent Amerikan wara l-mewt u l-Qawmien mill-imwiet Tiegħu. Il-qerda totali li n-nies kienu sofrew tant kienet kbira li wasslet biex “l-art kollha spiċċat trasformat ruħha kompletament.”1 Ir-rakkont ta’ dawk il-ġrajjiet jgħid li wara li seħħet din il-katastrofi, in-nies kollha bkew bla waqfien,2 u f’ nofs dan in-niket kollu tagħhom, huma kienu verament għatxana għall-fejqan, għall-paċi u l-ħelsien.

Meta s-Salvatur niżel mis-smewwiet, in-nies darbtejn inxteħtu f’riġlejh. L-ewwel darba li dan seħħ kien wara li Hu ħabbar, b’ awtorità divina:

“Araw, jiena Ġesù Kristu, li dwari l-profeti xehdu li kelli niġi fid-dinja.

“U araw, jiena d-dawl u l-ħajja tad-dinja.”3

Huwa mbagħad stieden lil dawk preżenti u qalilhom: “Qumu u ejjew lejja, sabiex tkunu tistgħu tmissu ġenbi b’ idejkom, kif ukoll tkunu tistgħu tħossu s-sinjali tal-imsiemer f’ idejja u f’ riġlejja, ħalli tkunu tafu li jiena l-Alla ta’ Iżrael, u l-Alla tad-dinja kollha, u ġejt maqtul għad-dnubiet tad-dinja. …

”U meta kollha kemm huma kienu marru quddiemu u rawh b’ għajnejhom stess, huma għajtu flimkien u qalu:

“Hosanna! Imbierek l-isem ta’ Alla l-Għoli!”4

U mbagħad, għat-tieni darba, “huma reġgħu nxteħtu f’ riġlejn Ġesù.” Iżda din id-darba għamlu dan b’ għan speċjali, għaliex insiru nafu li huma “bdew iqimuh.”5

Żmienna

Aktar kmieni din is-sena jiena ġejt mibgħut inżur wited li hemm fil-punent tal-Istati Uniti. Kien jum il-Ħadd normali, laqgħa normali, flimkien ma’ membri normali tal-Knisja. Jiena bdejt nosserva lin-nies deħlin fil-kappella u b’ qima jsibu posthom. Fl-aħħar sekonda, stajt nisma’ ċerti konverżazzjonijiet b’ leħen mill-aktar baxx jidwu tul is-sala. Ommijiet u missirijiet li bdew jippruvaw—xi kultant għal xejn—isikktu lit-tfal mimlijin enerġija tagħhom. Normali.

Iżda mbagħad, qabel bdiet il-laqgħa, f’ moħħi feġġ kliem ispirat mill-Ispirtu.

Dawn il-membri ma kinux ġew biss biex iwettqu dmir li huma kellhom jew biex jisimgħu lill-kelliema.

Huma ġew ukoll għal raġuni ferm aktar profonda u sinifikanti.

Huma ġew biex iqimu.

Hekk kif bdejna għaddejin bil-laqgħa, jiena stajt nosserva bosta membri fil-kongregazzjoni. Stajt nara fihom espressjoni mill-aktar divina, attitudni ta’ qima u paċi. Ħassejt xi ħaġa dwarhom li verament missitli qalbi. L-esperjenza li huma kienu qed jesperjenzaw dak il-jum tal-Ħadd kienet waħda mill-aktar straordinarja.

Huma kienu qed iqimu.

Huma kienu qed jesperjenzaw is-smewwiet.

Fid-dehra tagħhom jien stajt nara dan.

U jiena bdejt nifraħ u nqim magħhom. U kif għamilt dan, l-Ispirtu beda jkellem lil qalbi. U f’ dak il-jum, jiena tgħallimt xi ħaġa dwari nnifsi, dwar Alla u dwar l-irwol tal-qima vera f’ ħajjitna.

Il-Qima fil-Ħajja Tagħna ta’ Kuljum

Il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem huma verament nies eċċezzjonali meta jiġu biex iqimu fis-sejħiet tagħhom tal-Knisja. Iżda xi kultant aħna nafu nwettqu l-ħidma tagħna b’ ċerta rutina, bħallikieku aħna nkunu qegħdin inwettqu xi ħidma tal-impjieg tagħna. Xi kultant il-preżenza tagħna fil-laqgħat u s-servizz tagħna fis-saltna jafu jkunu neqsin mill-element qaddis tal-qima. U mingħajr dan l-element, aħna nkunu qed inċaħħdu lilna nfusna minn laqgħa spiritwali inkomparabbli mal-infinit—laqgħa li aħna intitolati għaliha bħala wlied Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna.

Mhux biss mhijiex xi mument feliċi li nesperjenzaw b’ kumbinazzjoni, talli l-qima tagħna lejn Alla hija ħaġa mill-aktar essenzjali u ċentrali għall-ħajja spiritwali tagħna. Hija xi ħaġa li għandna verament nixtiquha, infittxuha u nagħmlu li nistgħu biex nesperjenzawha.

Xi Tfisser Inqimu?

Meta aħna nqimu lil Alla, aħna nduru lejh b’ imħabba, b’ umiltà u b’ adorazzjoni mill-aktar riverenti. Aħna nagħrfuh u naċċettawh bħala s-Sultan sovran tagħna, il-Ħallieq tal-univers, il-Missier għażiż u infinit tagħna li tant iħobbna.

Aħna nirrispettawh u nqimuh.

Aħna nissottomettu ruħna lejh.

Aħna noffru qlubna permezz tat-talb setgħan tagħna, aħna ngħożżu kliemu, nifirħu bil-grazzja Tiegħu u ninpenjaw irwieħna li nimxu warajh b’ lealtà.

Li nqimu lil Alla huwa element tant essenzjali fil-ħajja tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu li jekk aħna nfallu milli nirċevuh ġewwa qalbna, ikun kollu għal xejn li aħna nippruvaw infittxuh fil-kunsilli, fil-knejjes u fit-tempji tagħna.

Id-dixxipli vera jkunu jridu “jinxteħtu jagħtu qima lil dak li għamel is-sema u l-art u l-baħar u l-għejun tal-ilmijiet—isejħu isem il-Mulej lejl u nhar.”6

Aħna nistgħu nitgħallmu dwar kif għandna nqimu verament billi neżaminaw kif oħrajn—nies li probabbilment ma kinux wisq differenti minna—aġixxew, urew il-qima tagħhom u esperjenzaw il-preżenza tad-divin.

Meravilja, Gratitudni u Tama

Fl-ewwel parti tas-seklu dsatax, id-dinja Kristjana spiċċat biex abbandunat għal kollox l-idea li Alla għadu jkellem lill-bniedem. Iżda fir-rebbiegħa tal-1820, kollox inbidel għal dejjem meta wieħed tfajjel umli daħal ġo masġar u niżel għarkupptejh biex jitlob. Minn dak inhar ‘il quddiem, nixxiegħa sħiħa ta’ viżjonijiet, rivelazzjonijiet u dehriet ċelestjali mill-aktar meraviljużi mliet id-dinja, wasslet lill-abitanti tagħha għarfien prezzjuż dwar in-natura u l-għan ta’ Alla u r-relazzjoni Tiegħu mal-bniedem.

Oliver Cowdery iddeskriva dawk il-jiem bħala “żmien li ma jintesa qatt. … X’ ferħ! X’ meravilja!”7

Kliem Oliver juri l-ewwel elementi li jakkumpanjaw il-qima vera tad-divin—sens ta’ meravilja maestuża u ringrazzjament profond.

Kuljum, iżda speċjalment f’ jum is-Sabbath, aħna għandna l-opportunità straordinarja li nesperjenzaw il-meravilja tas-smewwiet u noffru t-tifħir tagħna lil Alla għat-tjubija mqaddsa u l-ħniena tant kbira Tiegħu.

Dan jimlina bit-tama. Dawn huma l-ewwel elementi tal-qima.

Dawl, Għarfien u Fidi

Fil-jum imqaddes tal-Għid il-Ħamsin, l-Ispirtu s-Santu daħal f’ qalb u f’ moħħ id-dixxipli ta’ Kristu, fejn imliehom bid-dawl u l-għarfien.

Qabel dak inhar kien hemm mumenti meta huma ma kinux ċerti x’ kellhom jagħmlu. Ġerusalemm kienet saret belt mill-aktar perikoluża għad-dixxipli tas-Salvatur, u jista’ jkun li huma kienu qed jinkwetaw x’ kien se jsir minnhom.

Iżda meta qalbhom imtliet bl-Ispirtu s-Santu, huma ġew meħlusin minn kull dubju u nuqqas ta’ ħeġġa. Permezz tal-esperjenza traxxendenti tagħhom dwar il-qima vera, il-Qaddisin ta’ Alla rċevew dawl u għarfien ċelestjali kif ukoll testimonjanza aktar b’ saħħitha. U dan wassal għall-fidi.

Minn dak il-mument ‘il quddiem, l-Appostli u l-Qaddisin imtlew b’ determinazzjoni kbira li kienu lesti li jiksbu l-għan tagħhom. B’ qawwa huma ħabbru lil Kristu Ġesù mad-dinja kollha.

Meta aħna nqimu fl-ispirtu, aħna nistiednu ġo ruħna dak id-dawl u dik il-verità ġewwa li jwasslu biex isaħħu l-fidi tagħna. It-tnejn li huma huma elementi neċessarji għal vera qima.

L-Irwol ta’ Dixxiplu u l-Karità

Fil-Ktieb ta’ Mormon nitgħallmu li mill-mument li fih Alma ż-Żgħir ġie meħlus mis-sofferenza tal-konsegwenzi tar-ribelljoni tiegħu, huma ma baqax aktar il-bniedem li kien qabel. Huwa b’ qawwa “vvjaġġa madwar il-pajjiż … u fost il-poplu kollu …  , b’ ħeġġa kbira fuqu għamel dak kollu li seta’ biex ipatti għall-ħsara li huwa kien għamel lill-knisja.”8

Il-qima kostanti tiegħu lejn Alla s-Setgħan ħadet il-forma ta’ dixxiplu mimli enerġija.

Il-qima vera tittrasformana f’ dixxipli sinċiera u ferventi tal-maħbub Imgħallem u Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Aħna ninbidlu u nsiru nixbhuh aktar.

Insiru nies aktar kapaċi nifhmu u nagħtu kas lil ħaddieħor. Aktar kapaċi naħfru. Aktar kapaċi nħobbu.

Aħna nifhmu li huwa impossibbli ngħidu li nħobbu lil Alla meta fl-istess ħin aħna nobogħdu, ninjoraw jew inwarrbu lil dawk ta’ madwarna.9

Il-qima vera twassal għal determinazzjon soda li nimxu fit-triq li jimxu fiha d-dixxipli. U dan inevitabbilment iwassal għall-karità. Dawn ukoll huma elementi neċessarji tal-qima.

Idħlu b’ Għana ta’ Ħajr mill-Bibien Tiegħu

Meta jiena noqgħod nirrifletti fuq dik li kellha tkun għodwa normali tal-Ħadd, f’ dik id-dar tal-laqgħat normali, f’ wited normali, anke llum inħossni kommoss b’ dik l-esperjenzi spiritwali straordinarja li se tkompli tbierek ħajti għal dejjem.

Jiena tgħallimt li anke jekk aħna nimmaniġjaw b’ mod eċċezzjonali l-ħin tagħna, is-sejħiet tagħna u l-essajnments tagħna—anke jekk nissodisfaw kull ħaġa li għandna bżonn biex inkunu individwu jew mexxej “perfett” jew parti minn familja “perfetta”—jekk aħna nfallu milli naduraw lill-Ħellies ħanin tagħna, lis-Sultan ċelestjali tagħna u lil Alla glorjuż tagħna, aħna nkunu qed inċaħħdu lilna nfusna mil-ferħ u s-sliem abbundanti tal-evanġelju.

Meta naduraw lil Alla, aħna nagħrfuh u nirċevuh bl-istess qima li wrew il-poplu tal-qedem fil-Kontinent Amerikan. Aħna nduru lejh mimlijin b’ sentiment inkomprensibbli ta’ meravilja. Mimlijin gratitudni, aħna nimmeraviljaw ruħna bit-tjubija ta’ Alla. U għalhekk, aħna niksbu t-tama.

Aħna nixtarru l-kelma ta’ Alla, u din timla ruħna bid-dawl u l-verità. Aħna nibdew nagħrfu ċerta perspettiva spiritwali li nistgħu narawha biss permezz tad-dawl tal-Ispirtu s-Santu.10 U b’ hekk, aħna niksbu l-fidi.

Hekk kif aħna nqimu lil Alla, aħna nirraffinaw ruħna u nikkommettu ruħna li nimxu fil-passi tas-Salvatur maħbub tagħna, Ġesù Kristu. U minħabba f’ dan, aħna nimtlew bil-karità.

Meta aħna nqimu lil Alla, aħna noffru qlubna b’ tifħir lil Alla l-imbierek, filgħodu, f’ nofsinhar u filgħaxija.

Aħna nqaddsuh u nonorawh kontinwament—fid-djar tal-laqgħat, fi djarna, fit-tempji tagħna u f’ dak kollu li nagħmlu.

Meta aħna nqimu lil Alla, aħna niftħu qlubna għall-qawwa tal-fejqan tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.

Ħajjitna issir is-sinjal u l-espressjoni tal-qima tagħna.

Ħuti, l-esperjenzi spiritwali ma tantx jiddependu min dak li jkun għaddej madwarna iżda jiddependu kompletament minn dak li jkun għaddej ġewwa qalbna. Hija x-xhieda tiegħi li l-qima vera twassal biex tittrasforma l-laqgħat ordinarji tal-Knisja f’ ċelebrazzjonijiet spiritwali mill-aktar straordinarji. Issebbaħ ħajjitna, tkabbar l-għarfien tagħna u ssaħħaħ it-testimonjanzi tagħna. Għaliex hekk kif aħna ninklinaw qlubna lejn Alla, bħas-Salmista tal-qedem, aħna “nidħlu b’għana ta’ ħajr mill-bibien tiegħu, bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu: Aħna nroddulu ħajr u nbierku ismu.

“Għax twajjeb il-Mulej, għal dejjem it-tjieba tiegħu; minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu.”11

Permezz tal-qima sinċiera u mill-qalb tagħna, aħna niffjorixxu u nimmaturaw fit-tama, fil-fidi u l-karità. U permezz ta’ dan il-proċess, aħna nimlew ruħna b’ dawl ċelestjali li jimla ħajjitna b’ għan divin, b’ paċi dejjiema u b’ ferħ etern.

Din hija l-barka li niksbu jekk aħna nqimu lil Alla f’ ħajjitna. Ta’ dan jiena nixhed b’ umiltà fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.